Il-Papa Franġisku waqt l-Anġelus  (Vatican Media)

Għeżież ħuti, il-jum it-tajjeb!

L-Evanġelju ta’ dal-Ħadd (cfr Mt 13,44-52) huwa l-aħħar vrus tal-kapitlu li Mattew jiddedika għall-parabboli dwar is-Saltna tas-Smewwiet.  Is-silta fiha tliet parabboli xotti u qosra ħafna: dik tat-teżor moħbi, dik tal-ġawhra prezzjuża u dik tax-xibka li tintefa’ fil-baħar.

Se nieqaf fuq l-ewwel tnejn li fihom is-Saltna tas-Smewwiet hija mqabbla ma’ żewġ realtajiet “prezzjużi”, jiġifieri t-teżor moħbi fl-għalqa u l-ġawhra li tiswa ħafna.  Ir-reazzjoni ta’ dak li jsib il-ġawhra jew it-teżor hi prattikament l-istess: ir-raġel u n-negozjant ibiegħu kollox biex jiksbu dak li issa għandhom l-aktar għal qalbhom.  B’dawn iż-żewġ tixbihat, Ġesù għandu l-għan li jinvolvi lilna fil-bini tas-Saltna tas-Smewwiet billi jippreżentalna karatteristika essenzjali tal-ħajja nisranija, tal-ħajja tas-Saltna tas-Smewwiet: jintrabtu bis-sħiħ  mas-Saltna tas-Sema dawk li lesti jinqatgħu minn kollox, li huma kuraġġużi.  Infatti, kemm ir-raġel kif ukoll in-negozjant taż-żewġ parabboli ibiegħu kull ma għandhom u jinsew għal kollox is-sigurtajiet materjali tagħhom.  Minn hawn nifhmu li l-bini tas-Saltna tas-Smewwiet ma jitlobx biss il-grazzja t’Alla  iżda wkoll id-disponibbiltà attiva tal-bniedem.  Kollox hu grazzja, kollox!  Min-naħa tagħna titlob biss id-disponibbiltà li nirċevuha, mhux li nirreżistu l-grazzja: il-grazzja kollox tagħmel imma hemm bżonn tar-responsabbiltà “tiegħi” u tad-disponibbiltà “tiegħi”.

Il-ġesti ta’ dak ir-raġel u tan-negozjant li jmorru jfittxu, li jinfatmu mill-ġid li għandhom biex jixtru realtajiet aktar prezzjużi, huma ġesti deċiżi, huma ġesti radikali, ngħid li huma “vjaġġ l’hemm biss”, mhux wieħed ta’ ‘l hemm u lura.  u aktar minn hekk, magħmulin bil-ferħ għax it-tnejn sabu t-teżor.  Aħna msejħin biex nagħmlu tagħna l-atteġġjament ta’ dawn iż-żewġ persunaġġi evanġeliċi, biex aħna wkoll insiru riċerkaturi b’ansjetà sana tas-Saltna t’Alla.  Ifisser li nabbandunaw it-tagħbija tqila tas-sigurezzi dinjin tagħna li ma jħalluniex infittxu u nibnu s-Saltna: il-kilba li naħżnu, l-għatx għas-setgħa, li naħsbu biss fina nfusna.

Fi żmienna, ilkoll nafuh dan, il-ħajja ta xi wħud tista’ tkun medjokri u mitruħa probabbilment għax ma marrux ifittxu t-teżor veru: ikkuntentaw bl-affarijiet li jiġbduk imma li huma duħħan, bil-leħħa li tgħammex imma illużorja għax tħallik fid-dlam.  Iżda d-dawl tas-Saltna mhux logħob tan-nar, huwa dawl: il-logħob tan-nar idum waqt żgħir, id-dawl tas-Saltna jakkumpanjana tul ħajjitna kollha.

Is-Saltna tas-Sema li l-maqlub tal-ħwejjeġ bla sugu li toffri d-dinja, hu l-maqlub ta’ ħajja banali; huwa teżor li jġedded il-ħajja kull jum li jgħaddi u jwessalha l-ixqfa tagħha.  Infatti, dawk li sabu dat-teżor għandhom qalb kreattiva u li tifttex, li ma ttennix imma taħlaq, tfassal u tterraq toroq ġodda li jwassluhom iħobbu ‘l Alla u jħobbu lill-oħrajn, li nħobbu lilna nfusna bis-serjetà.  Is-sinjal ta’ dawk li jimxu f’dit-triq tas-Saltna hu l-kreattività, dejjem ifittxu aktar.  u l-kreattività hi l-element li jgħammar il-ħajja u jagħti l-ħajja, u jagħti, u jagħti. u jagħti…  Dejjem ifittex modi ġodda u diversi biex jagħti l-ħajja.

Ġesù, huwa Hu t-teżor moħbi u l-ġawhra ta’ valur kbir, ma jistax ma jqanqalx il-ferħ, il-ferħ kollu tad-dinja: il-ferħ li ssib sens fil-ħajja tiegħek, il-ferħ li tħoss li hija mpenjata fl-avventiura tal-qdusija.

Il-Verġni Marija tgħinna nfittxu kuljum it-teżor tas-Saltna tas-Smewwiet, ħalli fi kliemna u f’dak li nagħmlu tidher l-imħabba li Alla tana permezz ta’ Ibnu Ġesù.

Wara l-Angelus

Għeżież ħuti,

fit-tifkira tal-qaddisin Ġwakkin u Anna, “in-nanniet” ta’ Ġesù, nixtieq nistieden liż-żgħażagħ biex jagħmlu ġest ta’ tenerezza lejn l-anzjani, l-aktar dawk li jinsabu waħedhom, fid-djar u fir-residenzi, dawk li għal bosta xhur ma rawx lill-għeżież tagħhom.  Għeżież żgħażagħ, kull wieħed u waħda minn dawn l-anzjani huwa/hija n-nannu, in-nanna!  Tħalluhomx waħedhom!  Ħaddmu l-fantasija tal-imħabba, ċemplulhom, kellmuhom bil-vidjo, ibgħatulhom messaġġi, isimugħhom u, fejn hu possibbli b’rispett lejn ir-regoli tas-saħħa, morru żuruhom.  Ibgħatulhom tgħannieqa.  Huma l-għeruq tagħkom.  Siġra maqtugħa minn għeruqha ma tistax tikber, ma tagħmilx fjuri u frott.  Għalhekk, l-għaqda u r-rabta mal-għeruq tagħkom huma importanti.  “L-inwar li għandha s-siġra jitnissel minn dak li hemm taħt l-art” jgħid poeta mil-Patrija tiegħi.  Għaldaqstant nistedinkom tagħtu applaws kbir lin-nanniet tagħna, ilkoll!

Smajt li kien hemm ftehim ta’ waqfien mill-ġlied fiż-żona ta’ Donbas, li ntlaħaq m’ilux f’Minsk mill-membri tal-Grupp ta’ Kuntatt Trilaterali.  Filwaqt li rrodd ħajr għal das-sinjal ta’ rieda tajba li jimmira jġib il-paċi f’dak ir-reġjun itturmentat, nitlob biex dak li kien miftiehem fl-aħħar jitqiegħed fis-seħħ bis-saħħa wkoll ta’ proċess effettiv ta’ diżarm u t-tneħħija tal-mini.  Hekk biss tista’ terġa’ tinbena l-fiduċja u jitqiegħedu s-sisien tar-rikonċiljazzjoni, tant meħtieġa u tant mistennija mill-popolazzjoni.

Insellem minn qiegħ qalbi likom ilkoll, rumani u pellegrini minn pajjiżi differenti.  Insellem b’mod partikolari lill-fidili minn Franca, il-Brażil.. hemm il-bandiera hemmhekk, liż-żgħażagħ mill-Arċidjoċesi ta’ Modena-Nonantola u lil dawk mill-parroċċa tal-Qaddisin Fabiano u Venanzio ta’ Ruma.  dawn storbjużi, u jinstemgħu!

Nawgura lil kulħadd il-Ħadd it-tajjeb.  Jekk jogħġobkom, tinsewx titolbu għalija.  L-ikla t-tajba u arrivederci.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber