Archbishop-Vincent-Nichols

L-Arċisqof ta’ Westminister qed jafferma li l-għajnuna lill-foqra għandha tkun fiċ-ċentru tad-dibattitu dwar il-bidla fil-klima. L-Arċisqof Vincent Nichols qal dan waqt l-aħħar servizz ekumeniku intitolat “Time to Pray” dwar l-ambjent u l-bidla fil-klima. Is-servizz, li inkluda indirizz minn diversi mexxejja insara differenti, kien ippjanat li jsir waqt id-dimostrazzjoni “The Wave” fiċ-ċentru ta’ Londra, maħsuba biex tiġbed l-attenzjoni dwar kwistjonijiet marbuta mal-bidla fil-klima li qed jiġu diskussi fis-summit ta’ Copenhagen.

Rappreżentanti minn madwar 190 pajjiż għadhom kemm bdew jiltaqgħu f’Copenhagen d-Danimarka għal konferenza ta’ ġimgħatejn bil-għan li jintleħaq xi forma ta’ ftehim globali dwar il-bidla fil-klima.

L-Arċisqof Nichols indirizza s-suġġett billi esprima tħassib “dwar dawk li huma milquta direttament mill-bidla fil-klima, partikolarment l-ifqar fid-dinja u dawk l-iktar żvantaġġati”. Żied li “din hi perspettiva importanti li wieħed ma jistax jitlef fil-kuntest tat-tħasib kollu li ntwera riċentament dwar is-suġġett”. Temm jgħid li “aħna nafu li kwistjonijiet ta’ faqar dinji u żvilupp ma jistgħux ikunu separate mit-tħassib dwar l-ambjent. Huma intrinsikament marbut ama’ xulxin”.