The three Wise

Wara l-quddiesa fil-Bażilika tal-Vatikan fit-tifkira tal-Epifanija, il-Papa Benedittu XVI deher mit-tieqa tal-istudju tiegħu u indirizza l-eluf miġbura fi Pjazza San Pietru qabel it-talba tal-Angelus. Filwaqt li fakkar fit-tifkira tal-Epifanija, il-misteru tar-rivelazzjoni tal-Mulej lill-popli kollha, kif rappreżentat mill-maġi li ġew mil-Lvant sabiex jagħtu qima lis-Sultan tal-Lhud, il-Papa qal li “l-istilla u l-Iskrittua Mqaddsa kienu ż-żewġ gwidi għall-vjaġġ tal-maġi, li huma għalina mudelli tat-tiftix awtentiku tal-verita”.

Qal li “l-Maġi kienu nies għorrief li josservaw il-kosmu, li għalihom kien ktieb mimli sinjali u messaġġi divini. L-għerf tagħhom, kien miftuħ għar-rivelazzjonijiet u s-sejħiet ta’ natura divina. Il-qofol seħħ meta sabu ruħhom quddiem it-Tarbija u ommu Marija. Fi kliem il-Vanġelu, niżlu fl-art u tawh qima.” Il-Papa kompla jgħid li dawn setgħu kienu delużi jew saħansitra skandalizzati. Minkejja kollox, żied li għax kienu l-veru għorrief, kienu miftuħa għall-misteru li rrevela lilu nnifsu b’mod mill-iktar sorprendenti, u li bir-rigali tagħhom – deheb, inċens u mirra – urew li għarfu u rrikonoxxew lil Ġesu bħala s-Sultan u bħala Iben Alla.

“Dettall ieħor jikkonferma t-taħlita ta’ intelliġenza u fidi fil-Maġi. Il-fatt li wara li kienu mwissija f’ħolma, għaddew minn triq oħra fi triqithom lura lejn pajjiżhom, minflok ma marru għand Erodi jirrakkuntaw l-iskoperta tagħhom. Bħal Marija għażlu li din l-iskoperta jżommuha għalihom” Kompla jgħid li fis-satra, il-Maġi skoprew il-wiċċ il-ġdid ta’ Alla, regalita ġdida: ir-regalita tal-imħabba.

Il-Papa appella lill-Verġni Marija “mudell tal-veru għerf sabiex tgħin lil kull bniedem ifittex il-verita ta’ Alla, sabiex jesperjenza l-armonija profonda li teżisti bejn il-fidi u r-reġuni, bejn ix-xjenza u r-revelazzjoni”.

Wara t-talba tal-Angelus, il-Papa sellem lill-dawk kollha fi ħdan il-Knejjes tal-Lvant li l-Ġimgħa jiċċelebraw il-Milied tagħhom. Awguralhom li l-misteru tad-dawl ikun għalihom għajn ta’ ferħ u paċi. Il-Papa fakkar ukoll li s-solennita tal-Epifanija taħbat ukoll mal-Jum iddedikat lit-tfal tal-Missjoni lid is-sena għandu l-motto “Tfal jgħinu lit-tfal”. Lit-tfal ħeġġiġhom ikunu wkoll xhieda ta’ Kristu u ħabbara tal-messaġġ evanġeliku tiegħu kull fejn ikunu.