• San Mark 7:1-13

    Il-Fariżej u xi wħud mill-kittieba li ġew minn Ġerusalemm inġabru ħdejh, u raw li xi wħud mid-dixxipli tiegħu kienu qegħdin jieklu b’idejhom m’humiex indaf, jiġifieri m’humiex maħsulin. Għax il-Fariżej, u l-Lhud kollha, biex iħarsu t-tradizzjoni ta’ missirijiethom, ma jmissux ikel qabel ma jkunu ħaslu idejhom sewwa; hekk ukoll wara li jerġgħu lura mis-suq, ma jiklux jekk ma jinħaslux; u għandhom bosta drawwiet oħra li baqgħu marbutin magħhom minn żmien għal ieħor, bħalma huma l-ħasil  tat-tazzi u tal-buqari u tal-ktieli tal-bronż. Mela, il-Fariżej u l-kittieba staqsewh: “Dan l-għala d-dixxipli tiegħek ma jġibux ruħhom skond it-tradizzjoni ta’ missirijiethom, imma jieklu b’idejhom m’humiex indaf?” Iżda hu weġibhom: “Sewwa ħabbar Isaija fuqkom, ja nies ta’ wiċċ b’ieħor, bħalma hu miktub,

         ‘Dan il-poplu bix-xufftejn biss jagħtini ġieħ,

         imma qalbhom hija ′l bogħod minni.

         Fiergħa hi l-qima li jagħtuni;

         jgħallmu duttrina

         li m’hijiex għajr preċetti tal-bnedmin.’

    Hekk intom, twarrbu l-kmandamenti ta’ Alla biex tħaddnu t-tradizzjoni tal-bnedmin.” U qalilhom: “Ħelu ħelu ġġibu fix-xejn il-kmandamenti ta’ Alla biex tħarsu t-tradizzjoni tagħkom. Mosè qal, ‘Weġġaħ lil missierek u ‘l ommok’ u ‘min iżeblaħ lil missieru jew ‘l ommu għandu jieħu  l-mewt’. Imma intom tgħidu: Jekk wieħed jgħid lil missieru jew ‘l ommu, ‘Il-ġid li għandi, li jista’ jkun ta’ għajnuna għalik, huwa Qorban’ – (jiġifieri, offerta)’ intom mbagħad ma tħalluh jagħmel xejn iżjed għal missieru jew ommu, u hekk iġġibu fix-xejn il-kelma ta’ Alla bit-tradizzjoni li tgħaddu minn ġenerazzjoni għal oħra. U bosta ħwejjeġ oħra bħal dawn tagħmlu.”

    Qaddisa tal-jum: Beata Rosalie Rendu