• It‑Tribunali tal‑Knisja tal‑Provinċja Ekkleżjastika Maltija laqgħu bil‑qalb l‑istedina tal‑Papa Franġisku sabiex ikunu dejjem iktar miftuħa għal dawk il‑membri tal‑Knisja li jixtiequ jdawlu l‑kuxjenza tagħhom imma spiss jinżammu lura mill‑istrutturi ġudizzjali tal‑Knisja minħabba bogħod fiżiku jew morali. Għal dan il‑għan, it‑Tribunali ta’ Malta u Għawdex jixtiequ jfakkru li l‑imħabba u l‑ħniena jitolbu li l‑Knisja — bħala omm twajba — trid tkun qrib dawk uliedha li jħossuhom imbegħdin minnha.

    F’dan l‑ispirtu, it‑Tribunali Ekkleżjastiċi tal‑Provinċja Maltija ċċelebraw għall‑ewwel darba l‑inawgurazzjoni tas‑Sena Ġudizzjali, l‑Erbgħa, 17 ta’ Jannar 2018, fil‑Palazz tal‑Arċisqof, il‑Belt Valletta.

    Din id‑drawwa mhijiex mifruxa ħafna fit‑Tribunali tal‑Knisja madwar id‑dinja. Fil‑fatt huma biss ftit tribunali ekkleżjastiċi fl‑Italja li jiċċelebraw l‑inawgurazzjoni formali tal‑ħidma tagħhom fil‑bidu tas‑sena, fiż‑żmien meta l‑Papa tradizzjonalment jiltaqa’ mal‑membri tat‑Tribunal Appostoliku tar‑Rota Rumana sabiex jinawgura l‑ħidma tagħhom għal dik is‑sena.

    Għal din l-okkażjoni l-Arċisqof ta’ Malta u President tal-Konferenza Episkopali Maltija, Mons. Charles J. Scicluna, ta l‑Lectio Magistralis bit‑tema: “Il‑Proċess Iqsar għad‑Dikjarazzjoni tan‑Nullità taż‑Żwieġ Quddiem l‑Isqof: L‑Esperjenza Maltija.”

    Il‑Proċess Iqsar twaqqaf mill‑Papa Franġisku fl‑2015 wara konsultazzjoni wiesgħa mal‑Knisja Universali sabiex iħaffef il‑proċess ordinarju għall‑każi ta’ nullità taż‑żwieġ. Dan jiġi applikat f’dawk il‑każi fejn l‑allegata nullità hija sostnuta minn argumenti ċari ħafna u mitluba miż‑żewġ partijiet. Madanakollu, sabiex jiġi evitat kull periklu li l‑prinċipju tal‑indissolubbiltà taż‑żwieġ ikun imdgħajjef, l‑isqof innifsu ikun l‑imħallef f’dan il‑proċess.

    F’dan l‑istess spirtu ta’ ftuħ u kontabilità lill‑Poplu ta’ Alla u lis‑soċjetà iktar wiesgħa mixtieq mill‑Papa Franġisku, it‑Tribunali tal‑Knisja tal‑Provinċja Maltija taw ukoll rendikont ġenerali tal‑ħidma mwettqa mit‑tliet Tribunali Ekkleżjastiċi f’Malta u Għawdex matul l‑2017, filwaqt li pprovdew ukoll ħarsa ’l quddiem dwar il‑ħidma tagħhom fis‑sena li għadha kemm bdiet.

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace