Christian and Buddhist

“Il-paċi interna, paċi fost il-popli” kienet it-tema tar-raba’ Kollokju bejn Buddisti u Insara, li kien organizzat fl-Universita Pontifiċja Urbanjana mill-Kunsill Pontifiċju għad-Djalogu Inter-reliġjuż b’kollaborazzjoni mal-Uffiċċju għad-djalogu ekumeniku u inter-reliġjuż fi ħdan il-Konferenza Episkopali Taljana.Il-parteċipanti ġejjin mill-Italja, mill-Ġappun, mit-Tajwan, mill-Vjetnamm, mill-Korea t’Isfel, mit-Tajlandja, minn Myanmar, mis-Sri Lanka u mill-Indja, irriaffermaw il-ħtieġa ta’ responsabbilta tagħhom ilkoll għaż-żamma jew għar-restawr tal-paċi u għall-kontribut lejn ħbiberija u solidarjeta bejn il-popli.

“Kemm fil-vjaġġ Buddista kif ukoll f’dak Nisrani, il-liberta ġewwiena, il-purifikazzjoni tal-qalb, il-kompassjoni u l-għotja tal-persuna huma kundizzjonijiet essenzjali għall-paċi interna tal-individwu kif ukoll għall-paċi soċjali. Minkejja d-differenzi, kemm it-tagħlim etiku Buddista kif ukoll dak nisrani dwar ir-rispett lejn il-ħajja, huwa tagħlim li jfittex il-ġid komuni bbażat fuq it-tjubija u l-kompassjoni. Il-parteċipanti qalu li d-djalogu bejn il-Buddisti u l-Insara għandu jissaħħaħ biex ikunu jistgħu jiġu ffaċjati l-isfidi ġodda bħat-theddid għall-ħajja umana, il-faqar u l-ġuħ, il-mard endemiku, il-vjolenza u l-gwerer, fost affarijiet oħra li jċekknu l-qdusija tal-ħajja umana u li jikkontaminaw il-paċi fis-soċjeta umana”.