Kattoliċi madwar l-Irlanda kollha ngħaqdu sabiex jgħinu lill-madwar 20 miljun vittma tal-għarar fil-Pakistan permezz ta’ ġbir ta’ flus fil-knejjes. Il-Pakistan jingħad li ra l-agħar staġun ta’ xita f’sekli sħaħ, xita li kkaġunat għarar devastanti li wasslet għal madwar 2,000 mewt u laqtet mal-20 miljun persuna oħra. Kien irrappurtat li ż-żona milquta mill-għarar hi kbira daqs l-Ingilterra.

Trocaire, l-aġenzija ta’ żvilupp fi ħdan il-Kmnisja fl-Irlanda, qed taħdem qatigħ biex tipprovdi għajnuna immedjata lill-vittmi tal-għarar. L-Isqof John Kirby ta’ Clonfert, chairman tal-aġenzija tal-għajnuna, appella lill-kattoliċi sabiex jappoġġjaw bi ħġarhom din il-ħidma u jagħtu donazzjoni f’għajnuna materjali fuq livell ta’ parroċċi.

Huwa qal li “dan l-għarar ikkaġuna qerda li ħadd ma seta’ jimmaġina, b’għadd kbir ta’ familji spiċċaw lampa stampa. Mal-20 miljun persuna spiċċaw b’ħajja rovinata. Komunitajiet sħaħ inġarru mill-ilmijiet, b’miljuni jispiċċaw bla dar u bil-ġuħ. Nies spiċċaw kostretti jixorbu ilma maħmuġ u mniġġeż u l-biża hi li t-tfal u l-adulti jispiċċaw jimirdu”.

L-aġenzija ta’ għajnuna qed tipprovdi ikel, ilma nadif, mezzi ta’ kif wieħed inaddaf l-ilma, saqqijiet għall-irqad u eluf ta’ oġġetti oħrajn.

DUBLIN (Zenit.org)