L-Arċisqof Charles Sclcuna u l-Isqof Joseph Galea-Curmi flimkien mal-MCESD u membri tal-Kummissjoni Ġustizzja u Paċi. Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

L‑Arċisqof Charles Scicluna appella lill-imsieħba soċjali tal‑Kunsill Malti għall‑Iżvilupp Ekonomiku u Soċjali (MCESD) sabiex fid‑deċiżjonijiet li jittieħdu ma ninsewx lir-residenti mhux Maltin li qed jgħixu f’pajjiżna għaliex m’għandhomx ikunu ċittadini tat‑tieni klassi.

Huwa qal dan waqt laqgħa li fil-Kurja tal-Arċisqof u li għaliha kien hemm preżenti wkoll l-Isqof Joseph Galea-Curmi, bil‑parteċipazzjoni tas‑Segretarju Parlamentari għad‑Djalogu Soċjali, l‑Onor. Andy Ellul, flimkien ma’ membri tal‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi.

L-Arċisqof saħaq li hu d‑dover tagħna nirrikonoxxu l‑kontribut siewi li residenti mhux Maltin qed jagħtu lill‑pajjiż u nilqgħuhom fis‑soċjetà tagħna. Il‑Knisja f’Malta, qal l‑Arċisqof, qed tagħmel ħilitha biex permezz tas‑saċerdoti u l‑persuni lajċi tkun preżenti mal‑komunitajiet barranin, b’mod partikolari mal‑Insara li qed jgħixu magħna.

Huwa fakkar ukoll li min imexxi u jdawwar l‑ekonomija tal‑pajjiż għandu r‑responsabbiltà jaħdem għal politika li tħares fit‑tul biex tipproteġi l‑ġenerazzjonijiet li ġejjin. “Bħala pajjiż ikkonfermajna l‑għażla, għalkemm kontra l‑kurrenti kollha attwali, li nirrispettaw il‑ħajja tal‑bniedem mill‑bidu nett, mit‑tnissil. B’din id‑deċiżjoni qed ngħidu lill‑ġenerazzjonijiet futuri tagħna li huma milqugħin u li se jikbru f’ambjent li jilqagħhom u jipproteġihom. Dan hu kontribut importanti tas‑soċjetà tagħna, u turija ċara tal‑valur tal‑ħniena mal‑proxxmu tagħna.”

Saħaq ukoll li l‑Istat mhuwiex magħmul mill‑partit politiku li qed jiggverna iżda miċ‑ċittadini. “Irridu niżviluppaw iżjed dak li t‑Taljani jsejħulu ‘il senso dello stato’ għaliex bħala poplu għad għandna mentalità kolonjali fl‑imġiba tagħna ma’ xulxin. Tajjeb inkunu konxji li kull ħaġa li qed nagħmlu, qed nagħmluha għal uliedna fit‑tajjeb u l‑ħażin, u mhux għall‑gvern.”

Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi spjegat li l‑irwol tagħha hu li tgħin fl‑iżvilupp tal‑kuxjenza soċjali tal‑pajjiż permezz tat‑tagħlim soċjali tal‑Knisja. Il‑President tal‑Kummissjoni, Daniel Darmanin, semma kif f’dawn l‑aħħar snin il‑Kummissjoni ħadmet fuq proġetti bħal ‘Beyond GDP’ għas‑sostenibbiltà ambjentali kif ukoll fuq ir‑riċerka ‘Ejja Ejja Culture’ dwar is‑saħħa u s‑sigurtà tal‑ħaddiema fis‑settur tal‑kostruzzjoni f’pajjiżna. Huwa tkellem ukoll dwar kwistjonijiet li jolqtu direttament liċ‑ċittadini, fosthom id‑dħul finanzjarju, l‑affordabbiltà tad‑djar, il‑kwalità tal‑impjiegi, il‑kura tas‑saħħa u l‑edukazzjoni. Il‑Kummissjoni Ġustizzja u Paċi tenniet l‑impenn tagħha sabiex f’isem il‑Knisja taħdem mal‑imsieħba soċjali u entitajiet governattivi u jiġu indirizzati dawn l‑isfidi.

Ritratt: Arċidjoċesi ta’ Malta – Ian Noel Pace

Is‑Segretarju Parlamentari għad‑Djalogu Soċjali, l‑Onor. Andy Ellul wera s‑sodisfazzjon tiegħu għat‑tema li ġiet diskussa waqt din il‑laqgħa tal‑MCESD li trattat, fost l‑oħrajn, id‑dinjità tal‑ħaddiema. Dr Ellul qal li d‑djalogu soċjali jista’ jwassal biex, b’mod konkret, tinħoloq bidla fil‑ħajja tan‑nies. Huwa semma kif bl‑introduzzjoni tal‑liġi li tirregola l‑ħaddiema tal‑platform work, ingħataw dinjità b’kundizzjonijiet ta’ xogħol aħjar u pagi iktar diċenti. L‑Onor. Ellul semma wkoll li bis‑saħħa ta’ politika ta’ persważjoni, intlaħaq ftehim li permezz tiegħu l‑paga minima żdiedet b’€21 fil‑ġimgħa. Dr Ellul spjega wkoll li l‑liġi tat‑temping agencies se tkun ukoll qed tagħti dinjità lill‑ħaddiema li jaħdmu mal‑aġenziji tax‑xogħol, kemm Maltin kif ukoll barranin.

Dr Ellul saħaq ukoll li jħares ’il quddiem biex il‑kunċett ta’ ‘equal pay for work of equal value’ jidħol fis‑seħħ, fejn ħaddiema ta’ aġenziji tax‑xogħol jibdew jitħallsu għall‑istess xogħol daqs ħaddiema li jkunu impjegati mal‑kumpanija fejn ikun qiegħed isir ix‑xogħol. Huwa nnota b’sodisfazzjon li l‑Knisja f’Malta taqbel ma’ dan il‑kunċett, li żgur se jkun qed isaħħaħ id‑dinjità tal‑ħaddiema.

L‑imsieħba soċjali laqgħu dawn l‑inizjattivi u enfasizzaw l‑importanza ta’ politiki inklużivi li jibbenefikaw minnhom is‑setturi kollha tas‑soċjetà. Id‑diskussjoni inkludiet sfidi bħall‑affordabbiltà tad‑djar, l‑inflazzjoni, it‑tkabbir tal‑popolazzjoni, il‑preservazzjoni tal‑valuri tal‑familja, l‑etika tax‑xogħol u iktar sigurtà u infurzar fil‑pajjiż. Il‑Kumitat tas‑Soċjetà Ċivili indirizza sfidi tas‑soċjetà inklużi kwistjonijiet relatati mad‑droga, filwaqt li l‑Kumitat Reġjonali għal Għawdex enfasizza tħassib speċifiku li jaffettwa ’l Għawdex, bħalma huma l‑konservazzjoni ambjentali u l‑iżvilupp sostenibbli.

L‑MCESD enfasizza li l‑Arċidjoċesi ta’ Malta għandha rwol importanti fit‑trawwim tad‑djalogu soċjali. Temm jgħid li l‑ħidma u d‑djalogu kontinwu mal‑Knisja u mal‑entitajiet tagħha huma meqjusa essenzjali biex jiġu indirizzati l‑isfidi ekonomiċi u soċjali ta’ pajjiżna, u jiġi żgurat il‑ħarsien tal‑ġenerazzjonijiet futuri permezz ta’ politiki u żvilupp sostenibbli.