L‑Arċisqof Charles J. Scicluna, l‑Isqof Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi jifirħu lil Mons. Henry Joseph Balzan għall‑ħatra mill‑Papa Franġisku ta’ Isqof Awżiljarju tal-Arċidjoċesi ta’ La Serena, fiċ-Ċilì. L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit‑talb għall‑Isqof‑elett biex il‑Mulej jagħtih l‑għajnuna f’din il‑missjoni ġdida afdata lilu.
Mons. Henry Joseph Balzan, saċerdot tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, twieled fl-1 ta’ Novembru 1963 il-Ħamrun. Daħal fis-Seminarju fl-1982 u kiseb il-Baċellerat u l-Liċenzjat fit-Teoloġija fl-Università ta’ Malta.
Ġie ordnat saċerdot fil-5 ta’ Lulju 1991. L-ewwel ħidma pastorali tiegħu kienet bħala Viċi Kappillan fil-Parroċċa ta’ San Ġużepp fl-Imsida. F’Novembru tal-1995, kien mibgħut bħala missjunarju fiċ-Ċilì fid-djoċesi ta’ Copiapò, fejn baqa’ sal-2007. Tul dawn is-snin kien Kappillan ta’ Potrerillos u tal-Parroċċa El Divino Salvador f’El Salvador fiċ-Ċilì. Kien ukoll maħtur Vigarju Episkopali tal-Edukazzjoni.
Mill-2008 sal-2015 reġa’ lura Malta, biex ikun viċin ommu li kienet kbira fl-età sakemm eventwalment għaddiet għall-ħajja ta’ dejjem. Kemm dam Malta, għal xi xhur għamel ħidma pastorali fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja f’Ħaż-Żabbar, u f’Diċembru 2008 inħatar Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Gejtanu fil-Ħamrun.
Fl-2016, reġa’ lura ċ-Ċilì biex ikompli s-servizz tiegħu fid-djoċesi ta’ Copiapò. Kien kappillan tal-Parroċċa tal-Ispirtu s-Santu fi Diego de Almagro (2016-2017) u fil-Parroċċa El Divino Salvador (2016-2019). Fl-2017 ingħata l-inkarigu ta’ animatur tad-djakonat permanenti fid-djoċesi ta’ Copiapò.
F’Marzu 2020 inħatar Kappillan tal-Parroċċa ta’ Nuestra Señora del Carmen f’Chañaral. F’Awwissu 2021 sar Vigarju Ġenerali tad-djoċesi ta’ Copiapò u minn Jannar 2022 Kappillan tal-Parroċċa ta’ San Franġisk fil-belt ta’ Copiapò.