• L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Dar Lunzjata, ir-Rabat
    9 ta’ April 2018

    F’dan il-post hu faċli ħafna tikkontempla s-silenzju ta’ Marija. Is-silenzju għandu wkoll il-ħoss tiegħu, il-ħoss tal-grazzja. Missierna San Elija kien jaf bil-laqgħa mal-Mulej: “U wara dan ir-riħ theżhżet l-art imma l-Mulej ma kienx f’din it-theżhiża. U wara t-theżhiża kien hemm in-nar, imma l-Mulej ma kienx fin-nar. Wara n-nar inħasset żiffa ħelwa” (1Slat 19, 11:12). Jalla dan il-post ikun il-post fejn l-Insara Maltin u oħrajn jiltaqgħu ma’ din iż-żiffa ħelwa tal-laqgħa tagħhom mal-Mulej. F’dan il-post fejn irid ikun il-post tal-laqgħa bejn Alla u l-bniedem, hija providenzjali li qegħdin niċċelebraw is-solennità tal-Inkarnazzjoni.

    Hawnhekk Alla jrid jidħol fil-qlub ta’ tant ġenerazzjonijiet bħalma għamel f’dawn l-aħħar 600 sena. Immaġinaw 600 sena ta’ talb, 600 sena ta’ grazzja fid-dgħufija, 600 sena ta’ maħfra u rikonċiljazzjoni, 600 sena ta’ ċaħda, ta’ ubbidjenza u ta’ xhieda tal-voti. U tant frott ta’ qdusija. 6oo sena! Is-600 sena li ġejjin kif se jkunu? Jiddependi minna u le, imma hemm bżonn nitolbu ħafna biex f’dan il-post ukoll jalla jkun hawn anke koppji żgħażagħ li jiltaqgħu mal-Mulej u mbagħad jippreparaw għas-Sagrament taż-Żwieġ fl-ispirtu Karmelitan li huwa spirtu spontanju.  

    Tkun ħaġa sabiħa li l-Ordni jipprepara wkoll esperjenza ta’ talb għall-koppji fl-ispirtu Karmelitan għax l-ispirtu Karmelitan huwa spirtu ta’ spożalizju. San Ġwann tas-Salib jgħallimna. Imma anke l-qaddisin kbar tal-Ordni tal-Karmelu kellhom dan l-atteġġjament lejn il-Mulej, l-għarus tagħhom. Kemm tkun ħaġa sabiħa illi nagħmlu li mhux biss jitqawwew il-vokazzjonjiet saċerdotali u reliġjużi, imma wkoll il-vokazzjoni għas-Sagrament taż-Żwieġ, il-vokazzjonjiet għas-sagramenti li jibnu l-Knisja imma l-Knisja trid tibda mis-smigħ tal-Kelma fis-silenzju.

    Il-Madonna tal-Annunzjazzjoni tgħallimna din id-disponibbiltà: li tilqa’ l-Kelma ta’ Alla fis-silenzju, iż-żerriegħa li tagħmel ħafna frott għax sabet art tassew għammiela. Il-Mulej ippreparaha għal dan. Il-konċepiment immaturaha imma l-Ispirtu s-Santu li jdellel il-grazzja tiegħu fuq Marija ta’ Nazaret, jagħmel xi ħaġa spettakolari: il-Verb ta’ Alla jsir bniedem fil-ġuf ta’ Marija.    

    Bħala konsenja nixtieq li tgħożżu l-kelma li llum il-Papa Franġisku qiegħed jagħti lill-Knisja dwar is-sejħa għall-qdusija għax propju din hija ġurnata storika għall-Ordni Karmelitan f’Malta. L-Eżortazzjoni Appostolika Gaudium et Exsultate (Ifirħu u Thennew) mhijiex twila ħafna imma profonda. Il-Papa jissuġġerixxi mhux trattat fuq il-qdusija imma l-attwalizzazzjoni ta’ din is-sejħa u f’wieħed mill-kapitli jaqbad il-beatitudnijiet waħda waħda u jattwalizzahom. X’inhi l-barka li l-Mulej qiegħed jagħti lil min għandu l-faqar fl-ispirtu, l-għatx għall-ġustizzja, il-qalb safja għal min hu ppersegwitat, għal min iġib il-paċi? Hu jgħid li din hija t-triq tal-qdusija. It-triq tal-qdusija hija wkoll kif skont il-vokazzjoni tagħna ngħixu s-sejħa tal-imħabba.  

    Imbagħad il-Papa Franġisku jitkellem fuq id-dixxerniment; id-dixxernimet li inti tagħraf ir-rieda ta’ Alla fil-kuntest tad-dgħufija tiegħek u fil-limiti tiegħek għalik illum. U jgħid ukoll li l-qdusija m’għandhiex tkun xi ħaġa irraġġunġibbli imma trid tkun xi ħaġa li għandna ngħixu fil-komplessità tal-qagħda ta’ kull wieħed u waħda minna. B’xi mod joffri teoloġija profonda dwar il-qdusija u jagħmlilna pjaċir kbir għax inkella l-qdusija tibqa’ tal-kartapesta. Ma nistgħux nibqgħu b’din l-idea li l-qdusija hija xi ħaġa irranġunġibbli; hija xi ħaġa ta’ kuljum u li tgħaddi wkoll mid-dgħufija u mid-dunubiet tagħna.     

    Jalla hawnhekk ukoll ikun post ta’ ferħ u ta’ paċi. Jalla dan il-post ikun ukoll il-post fejn dak li jkun jagħraf it-triq ta’ Ġesù: “Hawn jien, ġejt biex nagħmel ir-rieda tiegħek, O Alla” (Lhud 10:7). Jalla hawnhekk ikun ukoll —bħalma għedt meta kkonsagrajt il-Bażilika tas-Santwarju tal-Madonna tal-Karmnu fil-Belt Valletta— “L-għamara ta’ Alla mal-bnedmin” (Apk:21:3). 

    Importanti li hawnhekk ikun ukoll oasi ta’ talb, ta’ meditazzjoni, ta’ kontemplazzjoni, imma anke ta’ formazzjoni spiritwali tal-lajċi, speċjalment il-lajċi Karmelitani, it-Terzjarji. Dan l-imbierek labtu li għamilnieh xi ħaġa maġika mentri huwa simbolu tal-habitus ta’ Marija, tal-virtujiet ta’ Marija li huma l-umiltà, id-doċilità, il-karità li titlaq kollox u tmur tara x’għandha bżonn Eliżabetta, il-kuraġġ tal-martirju li tifhem li binha huwa sinjal li jmeruh u lilha sejf se jinfdilha ruħha (ara Lq 2, 34:35) u li ma tistħix minnu meta huwa msallab. Dan huwa l-habitus, il-labtu tal-Madonna taħt it-titlu tal-Karmelu. U dan huwa r-rigal prezzjuż ta’ Sidtna Marija.    

    Lejn l-aħħar ta’ din l-Eżortazzjoni l-Papa jikkumenta fuq iż-żewġ tentazzjonijiet li jħobb isemmi: in-neo-Pelaġjaniżmu u n-neo-Njostiċiżmu. In-neo-Njostiċiżmu għall-Papa Franġisku huwa li inti jkollok qdusija aspetika, fejn qaddis jien ma jimpurtanix minnek! Għaliex bħalma jgħidu bl-Ingliż: to live with saints in heaven is celestial glory, to live with saints on earth is another story.  U allura jalla l-qdusija tagħna ma tkunx dik tas-surgical spirit imma tkun qdusija konkreta li ma tiskandalizzax ruħha mill-pjagi ta’ Ġesù, u l-pjagi ta’ Ġesù anke fil-Knisja tiegħu. U allura meta naħsbu li l-qdusija hija xi ħaġa jew ta’ erbat ijiem jew li se nagħmluha aħna hija wkoll tentazzjoni tal-pelaġjaniżmu. Issir qaddis meta jagħmlek il-Mulej fil-ħniena tiegħu, meta jagħġnek bl-umiljazzjonijiet li jgħaddik minnhom biex inti radikalment tirrealizza li għandek bżonnu. Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok.   

    U Marija f’dan il-misteru tal-annunzjazzjoni hija l-umanità li tilqa’ l-Mulej għax għandha bżonnu. Marija, bl-atteġġjament tagħha, bid-doċilità tagħha, bl-ubbidjenza tagħha, tilqa’ l-proposta tal-Missier għax aħna għandna bżonnh. U l-inkarnazzjoni hija wkoll frott tal-inizjattiva tal-Mulej li għall-grazzja ta’ Alla f’Marija sab xi ħadd li jaċċettaha u l-anġlu telaq imma ma marx b’idejh vojta. Lilha ħallielha basket inkwiet għaliex imbagħad trid tgħid lil Ġużeppi u min jaf iz-zekzik tan-nies f’Nazaret!

    U aħna nikkonkludu wkoll b’din id-doċilità ta’ Marija u Ġużeppi, dawn iż-żewġ kreaturi sempliċi ta’ Nazaret, li l-Mulej qalbilhom kollox ta’ taħt fuq. Kellhom pjan normali: hu mastrudaxxa u hi tfajla sempliċi li jiżżewġu. U aħna rridu nkunu lesti wkoll inħallu l-Mulej iqaddisna. Il-Papa juża’ din l-espressjoni sabiħa: ‘Fil-pjan li fassal kif ħalaqna’. U l-qdusija dik hi: li inti tħalli lil Alla jqaddsek bil-pjan li fassal meta ħalqek. “Il-mument li ħalqek,” jgħid il-Papa, “Alla fassal pjan għalik u dak il-pjan, hu u jseħħ, se jkun ukoll il-qdusija tiegħek”.     

    Mela filwaqt li nifirħu b’dawn ir-rigali nifirħu wkoll b’din id-dar imġedda kif kien hemm anke fit-talba: din id-dar imġedda. Jalla din id-dar imġedda tkun ukoll sinjal ħaj tat-tiġdid tal-Karmelu f’Malta. Jiena napprezza ħafna l-għażla profetika li għamiltu li tinvestu fit-tiġdid ta’ din id-dar, li hija d-dar fondazzjonali flimkien ma’ tal-Imdina, kif ukoll fil-konsagrazzjoni tal-Bażilika tal-Karmnu. Il-Maltin ħabbewha l-Madonna tal-Karmnu u San Ġorġ Preca għamel Quddiesa biex ixerred id-devozzjoni tal-Madonna tal-Karmnu fil-familji Maltin. Imma aħna hemm bżonn nitolbu lill-Mulej biex minn din id-devozzjoni jagħmel għajn ta’ fidi Nisranija vera biex il-poplu tagħna jgħix ħajtu għall-qdusija.

     Charles J. Scicluna
        Arċisqof ta’ Malta

  • Il-Qari tal-Quddiesa:
    Qari I: Is 7: 10-14; 8: 10
    Salm: 39
    Qari II: Lhud 10: 4-10
    Evanġelju: Lq 1: 26-38
  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja – Ian Noel Pace