L-Arċisqof Charles Jude Scicluna se jordna żewġ djakni ġodda nhar is-Sibt li ġej, 22 ta’ April 2023. Il-quddiesa se ssir fil-Konkatidral ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta, fid-9:30am. Iż-żewġ djakni huma s-seminaristi Malcolm John Saliba mill-Parroċċa ta’ Santa Marija Mtellgħa s-Sema, Ħ’Attard, u Karl Andrew Schembri mill-Parroċċa tat-Twelid tal-Verġni Marija, il-Mellieħa.

Din se tixxandar fuq Knisja.mt u Newsbook.com.mt.

Permezz ta’ din l-ordinazzjoni, id-djakni l-ġodda jsiru xebh ma’ Ġesù Kristu li ried ikun ‘djaknu’, jiġifieri qaddej ta’ kulħadd. Id-djaknu jiddedika ħajtu għall-qadi bl-imħabba fis-servizz tiegħu lejn il-poplu, jassisti lill-isqof u lis-saċerdoti fiċ-ċelebrazzjoni tal-misteri qaddisa, l-aktar tal-Ewkaristija, jamministra s-sagrament tal-magħmudija, jassisti għaż-żwieġ u jbierku, ixandar l-Evanġelju u jipprietkah, u jmexxi t-talb fil-funerali.