L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Meta wasal it-tmien jum biex lit-tifel jagħmlulu ċ-ċirkonċiżjoni, semmewh Ġesù bl-isem li kien tah l-anġlu qabel ma tnissel fil-ġuf” (Lq 2:21).

Dan it-tmien jum li qegħdin niċċelebraw illum, tmint ijiem wara t-twelid tal-Mulej, lit-tifel ta’ Marija jingħatalu isem li jfisser ħafna. Inħoss ukoll li huwa isem attwali, isem li għandna bżonnu. Qabel xejn, kien isem li l-anġlu tah qabel ma din it-tarbija tnisslet fil-ġuf għaliex l-Anġlu Gabrijel, meta jagħmel il-proposta lill-mama ta’ Ġesù li kellha tkun omm Alla, jgħidilha: “U inti semmih Ġesù” (Lq 1:31).

Wara t-tnissil, l-anġlu tal-Mulej, skont kif jirrakontalna l-Evanġelju skont San Mattew, fil-ħolm jidher lil Ġużeppi u jgħidlu,“La tibżax tieħu lil Marija għandek għax dak li għandha fil-ġuf tnissel bil-qawwa ta’ l-Ispirtu s-Santu,” u lil Ġużeppi wkoll jgħidlu, “U hi jkollha tifel u inti ssemmih Ġesù” (Mt 1:20-21). Hemm din it-tradizzjoni qawwija li l-isem ma ngħatax bil-fantasija la ta’ Marija u lanqas ta’ Ġużeppi. Vera li ngħata legalment minn Ġużeppi, mill-missier, imma magħżul minn Alla għaliex l-isem Ġesù jfisser il-missjoni ta’ din it-tarbija. Xi jfisser l-isem Ġesù jew inkella bl-Aramajk Yeshua? Alla jsalva, Alla Salvatur.

Aħna għandna bżonn nifhmu li llum qegħdin niċċelebraw il-maternità ta’ Marija, iċ-ċirkonċiżjoni u l-isem li jingħata lit-tarbija tagħha u nifirħu b’din il-missjoni. L-anġlu stess ifisser lil Marija l-isem u jgħidilha: “Għax hu għad isalva lill-poplu tiegħu minn dnubiethom”. Xi ħaġa wkoll li tingħad lil Ġużeppi (ara Mt 1:21).

Għandna bżonn nintrefgħu minn dnubietna, mill-egoiżmi tagħna, u minn dak kollu li jassarna. Kemm hi ħaġa sabiħa li llum niftakru f’dik it-talba għażiża — min jaf kemm-il darba smajtuni nirrepetiha u ppermettuli ngħidilkom li se tisimgħuha kemm-il darba — it-talba li għallimna San Ġorġ Preca: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Illum inħossu dan il-bżonn u nilqgħu lill-Mulej li b’risposta għal dan il-bżonn tagħna, jgħidilna, “Illum tweldilkom Salvatur” (Lq 1:11), din it-tarbija li llum, tmint ijiem wara t-twelid tagħha tissemma bl-isem għażiż, qaddis ta’ Ġesù.

Lil Ġużeppi, l-anġlu jgħidlu wkoll kif il-Mulej se jsalvana: f’isem li ngħata fil-profezija ta’ Iżaija. Għimmanu-El (ara Mt 1:22-23). Alla jsalvana qabel xejn billi jkun Alla magħna, mhux Alla ’l bogħod; Alla li jagħder in-nuqqasijiet tagħna, bħalma se nkantaw fit-Te Deum fl-aħħar tal-quddies illum: “Ma stmerrx jinżel fil-ġuf ta’ verġni biex isalvana”. Ried jiċċappas magħna kif ngħidu aħna meta nkunu qegħdin nitkellmu fit-triq: u ma’ dak iċċappast? Alla ċċappas magħna. Ma stmerrx lilna li ħalaqna fuq xbieha tiegħu, ġie biex jillostra din ix-xbieha tiegħu għax ittappnet, tappannieha aħna.

Is-salm responsorjali tal-lum nistgħu ngħidu li hu l-proposta għas-sena l-ġdida. “Iħenn għalina Alla u jberikna” (S 66:1). Għax f’din il-pandemija tant ikkumplikata filli naraw xaqq ta’ dawl għax wasal il-vaċċin u mbagħad insibu li hemm varjant li jittieħed iżjed malajr. Donna qegħdin ngħumu u ngħozzu mbagħad nerġgħu ngħozzu mill-ewwel u t-tentazzjoni li taqta’ qalbek mhijiex żgħira. Illum, aħna u ngħidu grazzi lill-Mulej, irridu ngħidulu wkoll ħenn għalina u berikna.

L-istedina hija li nkunu ta’ għożża għal xulxin. Meta nitolbuh iħenn għalina, qegħdin nimpenjaw ruħna li nħennu għal xulxin għax hu għallimna nitolbu hekk: “Aħfrilna dnubietna bħalma naħfru lil min hu ħati għalina” (Lq 10:3). Meta nitlob lil Alla “ħenn għalija Mulej” qed nimpenja ruħi li nħenn għal ħuti, għal oħti, u għal ħija. Il-ħniena li rridu nużaw ma’ xulxin f’dan il-mument tal-pandemija hija li naħsbu f’ħaddieħor anke fid-deċiżjoni jekk neħdux il-vaċċin jew le, jekk nużawx ir-restrizzjonijiet ta’ prudenza. Dawn huma espressjoni ta’ ħniena għax il-ħniena mhux li taħfer lil xi ħadd li naqsek imma wkoll li turi għożża, imħabba.

Ejjew nitolbu lill-Mulej biex iberikna u jagħtina sena tajba. Hawn min jgħid sena aħjar, jien ngħid sena tajba. Nilqgħu kollox mingħandu imma nagħmlu ħilitna u nagħmlu l-parti tagħna. Din hi xi ħaġa li qed jitlob minna l-Mulej u se jkollna nagħtu kont tal-mod kif ngħixu r-responsabbiltà tagħna lejna nfusna u lejn xulxin. Anke għaliex fis-sena l-ġdida li se tibda minn hawn u ftit sigħat oħra — l-Awstralja diġà bdiet — aħna rridu nkunu tassew solidali ma’ xulxin. Ħadd ma joħroġ minn din is-sitwazzjoni waħdu, ejjew ninsewha din, l-aħwa. Jiena OK, kulħadd OK. Le! Jiena nkun OK meta verament ikun kulħadd ikun; meta kulħadd ikollu biċċa ħobż x’jiekol fuq il-mejda tal-ikel; kulħadd ikollu sens ta’ sikurezza vera; kulħadd ikollu l-garanzija li kulħadd, mill-kbir saż-żgħir, qegħdin nagħmlu dak kollu li nistgħu biex inħarsu s-saħħa ta’ xulxin.

Mulej, bħal-lum ingħatajt dan l-isem sabiħ, dan l-isem qaddis, ħenn għalina u berikna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

More Photos >>