L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Ibierkek il-Mulej u jħarsek” (Num 6:24). Kemm hija sabiħa din il-barka li Mos jagħti lil Aron u ’l uliedu biex jgħadduha lill-poplu. Il-Mulej kellem lil Mos u qallu: “Kellem lil Aron, is- saċerdot, u ’l uliedu u għidilhom: “meta tbierku ’l ulied Iżrael, hekk għandkom tgħidulhom: ‘Ibierkek il-Mulej u jħarsek’” (Num 6:23-24).

Kemm hi sabiħa meta nfittxu l-barka, illum minflok ‘barka’ nużaw kelma li forsi nifhmuha aħjar, il-ġid ta’ kulħadd, il-wellbeing. Diffiċli anke tgħidha bil-Malti imma biex ngħidu wellbeing nistgħu nużaw il-kelma ‘barka’. Il-barka hija li jiena jkolli l-mistrieħ ta’ qalbi, is-saħħa f’ġismi u f’moħħi, li nkun fil-paċi miegħi nnifsui u mal-ħolqien. Dik hija l-barka.

Imma l-barka nirċevuha mingħand il-Mulej. Ħafna drabi nippruvaw nagħmluha aħna. Il-wellbeing tagħna, il-mod kif inħossuna tajbin, donnu se nġibuh aħna b’idejna. Aħna għandna sehem importanti għax inti tista’ tagħmel ħsara lilek innifsek, jew lill-proxxmu tiegħek ma teħux ħsiebu. Il-barka ta’ vera tiġi mill-Mulej. Jekk jiena qiegħed f’paċi mal-Mulej se nkun paċi miegħi nnifsi u ma’ ħaddieħor.

“Ibierkek il-Mulej u jħarsek”. F’dan iż-żmien ta’ pandemija għandna bżonn li l-Mulej iħarisna. Imma nitolbu lill-Mulej u nieqfu hemm? Min jiġi d-Dar tal-Providenza — u hawn nies li ilhom jiġu hawnhekk mill-bidu nett, 55 sena ilu — jifhem li l-Mulej jinqeda bil-qalb ħanina ta’ kull wieħed u waħda minna bħalma nqeda bil-qalb ħanina u twajba ta’ Mons. Mikiel Azzopardi li beda din id-dar, mhux waħdu imma bl-għajnuna tal-Azzjoni Kattolika, bl-għajnanu ta’ tant helpers, bl-għajnuna tas-Sorijiet tal-Karità, u bl-għajnuna tal-ġenerożità ta’ tant Maltin u Għawdxin. Il-Mulej hawnhekk ibierek mhux biss ir-residenti, ibierek lil kull min jiġi biex jagħti daqqa ta’ id; ibierek lill-helpers, lil tant volontiera u lil tant carers. Imma jbierek ukoll permezz tal-qalb tajba tagħna.

Illum hemm bżonn li nkomplu nħarsu din ir-residenza bħala sinjal li aħna kapaċi nieħdu ħsieb lil xulxin u nħarsu lil xulxin. Qed nitolbu lil Alla jgħinna biex nkunu nistgħu nkunu barka u ħarsien għal xulxin. “Ibierkek il-Mulej u jħarsek, jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek u jurik il-ħniena” (Num 6:24-25). Mela d-dija ta’ wiċċ il-Mulej hija d-dija li timla’ l-qalb bil-ferħ u bil-paċi.

“Jixħet il-Mulej id-dija ta’ wiċċu fuqek”. Fil-Mulej m’hemmx dlam, hemm id-dija tal-ħniena u l-imħabba tiegħu: “Jurik il-ħniena! Iħares lejk il-Mulej b’imħabba u jagħtik is-sliem” (Num 6:25-26). Kemm huma sbieħ dawn il-kelmiet ta’ din il-barka li Mosè għallem lil Aron biex Aron s-saċerdot ikun jista’ jbierek il-poplu bihom.

Tajjeb li fil-bidu ta’ din is-sena nisimgħu din il-barka li l-Mulej jagħti fuq il-poplu tiegħu. Hemm il-ħarsien, hemm il-ħniena, hemm l-imħabba u s-sliem. Kemm huma sbieħ dawn il-kelmiet li b’xi mod, hawnhekk, fid-Dar tal-Providenza, jiġu flimkien. Hawnhekk ir-residenti jħossuhom protetti; hawnhekk jirċievu l-ikbar ħniena li hija l-kura li għandhom bżonn għax hawnhekk jiġu trattati b’imħabba. Hawnhekk isaltan is-sliem.

Imma din il-ħaġa nawgurawha lil kull wieħed u waħda minna għal din is-sena. Hemm bżonn inħennu għal xulxin billi min jista’ jieħu l-vaċċin meta jmissu. Dan huwa dover. Veru li l-vaċċin mhuwiex obbligatorju imma huwa d-dover tagħna li nieħdu ħsieb tagħna nfusna u ta’ ħaddieħor, li nitrattaw lil kulħadd, lil kull wieħed u waħda minna b’imħabba u permezz ta’ din l-imħabba, ta’ din l-għożża, u ta’ din il-ħniena, il-Mulej jagħtina s-sliem.

Ħafna drabi dawn l-affarijiet nippruvaw inġibuhom b’idejna, donnu lil Mulej m’għandniex bżonnu. Id-Dar tal-Providenza titmexxa billi Alla jmiss il-qlub generużi ta’ ħutna l-Maltin u l-Għawdxin u nkunu nistgħu nkomplu.

Il-Mulej jgħid: “Hekk huma jsejħu ismi fuq ulied Iżrael u jiena nberikhom” (Num 6:27). Illum nitolbu lill-Mulej iberikna u jħenn għalina.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Num 6, 22-27
Salm: 66 (67), 2-3.5.6.8
Qari II: Gal 4, 4-7
Evanġelju: Lq 2, 16-21

More Photos >>