L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Huwa ta’ unur kbir għalija li nqaddes mill-Katidral, mill-knisja tal-isqof, u li miegħi għandi lil Mons. Vinċenz Deguara jikkonċelebra. Kien il-kappilan, niftakar meta kont ċkejken, fil-parroċċa ta’ San Sebastjan, Ħal Qormi.

Ġesù jfaħħar lill-Missier talli għażel liċ-ċkejknin (mhux kwistjoni ta’ tul) u jgħid il-ħwejjeġ ma jgħidilniex eżatt x’inhuma, imma nifhmu li huwa l-għerf veru tas-sema “Ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen” dawk li għandhom ħafna ittri wara isimhom b’xi mod, “urejthom liċ-ċkejknin” (Mt 11:25). Ċkejknin mhix kwistjoni, kif għedna ta’ statura, imma l-qalb tiegħek, il-qalb tiegħek li quddiem Alla fil-verità vera tgħidlu: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Dik hija l-qalb ċkejkna biex nużaw espressjoni tant għażiża għal San Ġorġ Preca (Dun Ġorġ), it-talba li għallimna li tant hija vera: ‘Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok’. Il-qalb ċkejkna hija din il-qalb li quddiem Alla tirrealizza li għandha bżonnu.

San Pawl b’mod polemiku, l-Appostlu Missierna jagħmel distinzjoni bejn il-ġisem u l-ispirtu, imma l-ġisem xi jfisser? Il-ġisem ħalaqhulna Alla, huwa don ta’ Alla għalina. Mhix xi ħaġa ħażina għax kulma ħalaq Alla huwa tajjeb. Xi jrid ifisser San Pawl meta jgħidilna tħallux l-ġisem jikkmandakom? Hija l-arroganza, l-ispirtu ta’ min jaħseb li għax għandu l-flus għandu kollox u jista’ jitratta ’l kulħadd ta’ dubbien jew ta’ nemus kif ngħidu, biex ma ngħidux affarijiet oħra.

Fil-fatt fl-Ewwel Qari mill-profeta Żakkarija, għandna din it-tixbiha ta’ Messija mibgħut minn Alla li jidħol fil-belt qaddisa mhux fuq iż-żiemel b’saħħtu u l-karrijiet tal-arroganza tal-bnedmin imma fuq bhima ċkejkna, umli: “Ara s-sultan tiegħek ġej għandek, ġust u rebbiegħ, umli u riekeb fuq ħmar, fuq felu ta’ ħmara” (Żakk 9:8).

Issa aħna ġieli rajnieha f’xi films antiki meta s-sultan jew l-imperatur jidħol rebbiegħ, jidħol b’ħafna karrijiet u żwiemel, ġieli kienu jġibu l-iljunfanti wkoll mill-Indja biex jakkumpan-jawhom jimpressjonaw bis-saħħa. Kultant il-poteri tad-dinja jagħmlu hekk b’xi parata militari. Imma b’sens ta’ ironija l-profeta jgħid: ‘Isma’ s-sultan rebbiegħ, il-mibgħut minn Alla m’għandux bżonn dan it-teatrin tad-dinja’. U Ġesù, hu u dieħel Ġerusalemm (niftakru niċċelebrawha fil-Ħadd ta’ qabel l-Għid, f’Ħadd il-Palm) jidħol felu ta’ ħmara.

Xi jrid ifisser San Pawl meta jgħidilna tħallux l-ġisem jikkmandakom? Hija l-arroganza, l-ispirtu ta’ min jaħseb li għax għandu l-flus għandu kollox u jista’ jitratta ’l kulħadd ta’ dubbien

U hawnhekk nifhmu għaliex Ġesù, waqt li qed iċanfarna meta aħna naħsbu li għandna d-dritt nittrattaw lil xulxin b’arroganza jew b’disprezz, jgħidilna: “Jiena ta’ qalb ħelwa u umli” u jgħidilna xi ħaġa oħra: “Itgħallmu minni” (Mt 11:29). Kemm hi ħaġa sabiħa li aħna nagħrfu min aħna tassew u hekk nifhmu li jiena u ngħidlu grazzi lil Alla, nista’ nifraħ ukoll b’dak kollu li l-Mulej bierek lil ħaddieħor bih. Taf x’inhi l-mediċina għall-għira? Il-gratitudni: li inti titgħallem tgħid grazzi anke tal-ftit li għandek u hekk ikollok qalbek mimlija bil-ferħ li meta tara lil xi ħadd, ma tgħirx għalih għal forsi l-ġid li għandu, is-suċċess li għamel. Tgħid: ‘nirringrazzaw lil Alla flimkien’. Kemm tkun ħaġa sabiħa li nitgħallmu li Ġesù fil-qalb safja tiegħu u l-ispirtu qaddis tiegħu jifraħ meta Missieru jagħżel liċ-ċkejknin ta’ din id-dinja, dawk li għandhom bżonnu u jbiegħed lil min, minħabba s-suppervja – qalbu mimlija bil-frugħa u bil-vanità, bir-riħ.

Ejjew nitolbu dan id-don, id-don tal-għerf veru li quddiem Alla ma niddejqux inkunu min aħna, anzi ngħidu: ‘grazzi, Mulej’. Kultant jiġu fuqna affarijiet li ma jogħġbuniex, se  ngħidulu grazzi ’l Mulej? Ġesù bħalma jagħmel dejjem, ma jaħbix minna li fuqna se jiġi xi madmad, se jiġi xi toqol. Kultant bla ma trid, kultant effett ta’ xi għażliet ħżiena li nkunu għamilna u jiġi malajr il-kont, imma l-Mulej jgħidlek: “Tibżax, afda fija”. Ejjew inġorru dat-toqol li ġie fuqek flimkien. “Intom issibu l-mistrieħ għal ruħkom” (Mt 11:29), “Ejjew għandi” (Mt 11:28). Kemm hi stedina sabiħa din li jagħmlilna Ġesù.

Illum qed jagħmilhielna wkoll biex insegwuh mhux biss mid-djar tagħna. Insellem lil min b’mod speċjali l-vulnerabbli għadu jsegwina permezz tax-xandir fuq it-televiżjoni, il-media soċjali. Imma qed jistieden lil min jista’ jiġi biex jisma’ l-Kelma ta’ Alla u jilqa’ d-don tal-Ewkaristija. “Ejjew għandi għax il-madmad tiegħi ħelu u t-toqol tiegħi ħafif” (Mt 11:30). Xi tfisser? ‘Tibżax, jien se nkun miegħek. Bħalma jiena sibt liċ-Ċirinew jgħinni nġorr is-salib, int se ssib lili miegħek ngħinek inġorr il-madmad u t-toqol tiegħek’. Flimkien ma’ Ġesù dak li huwa madmad isir ħelu, dak li huwa toqol isir ħafif.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Żak 9, 9-10
Salm: 144 (145), 1-2.8-9.10-11.13ċd-14
Qari II: Rum 8, 9.11-13
Evanġelju: Mt 11, 25-30

More Photos >>