Is-Segretarjat għall-Mezzi tal-Komunikazzjoni Soċjali ser iniedi l-ewwel mobile phone application bl-informazzjoni kollha dwar il-ħinijiet u l-postijiet fejn jiġi ċċelebrat l-quddies fid-Djoċesi ta’ Malta. L-application ‘Malta Mass’ tagħmilha faċli għall-pubbliku biex isib il-quddies fl-eqreb knejjes skont il-ħin, kemm fil-ġranet ta’ matul il-ġimgħa kif ukoll fil-Ħdud u l-festi. ‘Malta Mass’ hija application għal iPhone, iPad u iPod Touch u fi żmien qasir ser tkun disponibbli wkoll fuq Google Play għal Android 2.3 u verzjonijiet aktar riċenti.
‘Malta Mass’ tipprovdi lista ta’ knejjes li hemm fil-viċinanzi tal-persuna li jkollha f’idejha l-ismartphone u tindika l-ħin tal-quddies li jmiss. Tista’ ukoll tagħmel użu minn Search biex il-persuna ssib quddiesa f’post u ħin partikolari. ‘Malta Mass’ tipprovdi wkoll mappa li turi l-knejjes u l-kappelli kollha madwar Malta fejn fuq kull post l-persuna tista’ tidħol biex issib il-ħinijiet tal-quddies. Faċilità oħra hija servizz ta’ informazzjoni dwar il-Knisja f’Malta meħuda mill-website uffiċjali www.maltadiocese.org
Min-nhar l-Erbgħa 27 ta’ Ġunju 2012, ‘Malta Mass’ ser tkun tista titniżżel mill-‘App Store’ għall-iPhone 3GS, iPhone 4, iPhone 4S, iPad, iPad 2, l-iPad il-ġdid, iPod Touch 4th generation li jużaw iOS 5 ‘l quddiem. Din l-App ser titnieda mill-Arċisqof Pawlu Cremona O.P. waqt Business Breakfast għall-edituri u diriġenti tal-organizzazzjonijiet tal-media, li fih ser tiġi diskussa t-tema tal-Etika fil-Media.
Id-Delegat tal-Arċisqof għall-Mezzi ta’ Komunikazzjoni Soċjali, Fr Charles Tabone O.P., qal li “f’dinja fejn kulħadd jistenna li jsib l-informazzjoni li jkollu bżonn fl-inqas ħin possibbli u bl-iktar mod effiċjenti, is-Segretarjat ħass il-ħtieġa li joffri dan is-servizz lil dawk li jkunu jixtiequ jafu l-ħinijiet u l-post tal-quddies ta’ matul il-ġimgħa u ta’ nhar ta’ Ħadd. Xi wħud jippreferu li jattendu għall-quddies tal-Ħadd fi knejjes differenti madwar Malta u għalhekk għandhom isibu dan is-servizz utli.”
Vioside hija l-kumpanija li ħadet ħsieb tibni l-application ‘Malta Mass’ b’kollaborazzjoni mas-Segretarjat. Il-kumpanija, li tiffoka fuq mobile applications, żviluppat ukoll numru ta’ applications oħra għall-Maltin u għat-turisti. Fost dawn l-applications hemm Malta Dining, Malta WiFi u Malta Dishes.