MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013
1.0 SFOND
F’dawn l-aħħar erbgħin sena l-iskejjel tal-Knisja komplew jevolvu u jitbiddlu f’diversi aspetti. Kienu skejjel li jitolbu ħlas għall-edukazzjoni li kienu joffru. Xi uħud anke kienu jżommu l-boarders. Bil-ftehim tal-1991 saru skejjel bla ħlas u d-dħul fl-iskejjel primarji beda jsir permezz tal-polza. Dan it-tibdil żied it-taħlit ta’ abilitajiet li jkollhom l-istudenti biex l-iskejjel saru iktar aċċessibbli. Dan wassal sabiex dawn l-iskejjel minn kmieni bdew jaffrontaw l-isfidi tat-tagħlim ta’ abilitajiet imħallta. L-iskejjel tal-Knisja kienu minn ta’ quddiem f’dan il-qasam u rnexxielhom jabbinaw it-tagħlim f’kuntest ta’ abbiltajiet imħallta ma’ livelli ta’ edukazzjoni għoljin.
Id-dħul f’xi skejjel tas-sekondarja kompla jsir permezz tal-eżami komuni. Tliet snin ilu tneħħa l-eżami komuni u hekk it-tfal kollha qed jidħlu permezz tal-polza. Dan fetaħ beraħ l-aċċessibilità tal-iskejjel u seddaq il-prinċipju ta’ skejjel miftuħin għal kulħadd. Bis-saħħa t’hekk, qed ikun hemm aktar taħlit fl-abbiltajiet tal-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel. Inħass il-bżonn li, biex l-edukazzjoni b’abbilitajiet inħallta taħdem, il-kontinwità fil-proċess edukattiv għandha tkun kemm jista’ jkun garantita. Biex dan ikun iktar possibbli, żdiedu tlett skejjel primarji oħra ma dawk l-iskejjel li diġà kienu qed iħaddmu b’suċċess edukazzjoni primarja u sekondarja flimkien.
L-iskejjel tal-Knisja qed jipparteċipaw bil-qalb f’dan il-proċess ta’ interess nazzjonali. Għaldaqstant, jixtiequ jkomplu jagħtu s-sehem tagħhom sabiex l-edukazzjoni tat-tfal kollha Maltin u Għawdxin tkompli tevolvi u titjieb.
2.0 PRINĊIPJI
Dan il-proġett edukattiv fl-iskejjel tal-Knisja huwa parti integrali mill-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza.
Dan jimplika formazzjoni f’kuntest Nisrani, li jippromovi id-dinjità ta’ kull persuna fid-diversità kollha tagħha. Jimplika wkoll ħidma f’qafas inklussiv li jwassal lejn parteċipazzjoni attiva u kritika, u fl-istess ħin responsabbli fis-soċjetà u fil-Knisja. Jimplika wkoll għażla preferenzjali favur il-fqar. Il-Knisja tħoss li r-rwol tal-iskejjel tal-Knisja huwa pern important tal-missjoni tagħha. Tant hu hekk li permezz tal-ftehim bejn l-Istat u s-Santa Sede dwar l-iskejjel tagħha, il-knisja poġġiet parti sostanzjali mir-riżorsi tagħha (bhal bini ta’ diversi skejjel li huma prorjeta’ tal-Arcidjocesijiet, tal-kongregazzjonijiet religjuzi u għaqdiet oħra tal-Knisja) għad-dispożizzjoni tal-Istat biex tagħmel tajjeb għat-tisħiħ ta’ din il-missjoni.
L-iskejjel tal-Knisja huma wkoll tweġiba għad-dritt tal-ġenituri nsara li jrawwmu u jiffurmaw lil uliedhom fit-twemmin tagħhom mingħajr ma tagħlaq il-bieb għall-ġenituri oħra li jixtiequ jibbenefikaw minn din ix-xorta ta’ edukazzjoni.
Dan jagħti identità distinta lill-iskejjel tal-Knisja. Din l-identità differenti minn skejjel oħra, toffri l-possibilità ta’ diversità edukattiva fil-qafas tal-proġett edukattiv nazzjonali. Dan huwa kruċjali fit-tentattiv biex infittxu soluzzjonijiet differenti għall-isfidi edukattivi u soċjali li ngħixu fihom. Id-dritt tal-eżistenza tal-iskejjel tal-Knisja joħroġ miċ-ċelebrazzjoni tad-diversità bħala prinċipju u bħala opportunità għas-soċjetà kollha kemm hi. Dan jgħodd ferm u ferm aktar għal soċjetà li trid tkun tassew demokratika.
Ta’ min jgħid ukoll li d-diversità bejn l-iskejjel tal-Knisja nfushom toħroġ mill-kariżmi differenti tal-ordnijiet li jmexxu u jispiraw l-iskejjel partikulari tagħhom fil-kuntest wiesgħa tal-Knisja universali.
Din l-identità distinta, għandha żewġ implikazzjonijiet importanti.
- Integrazzjoni sħiħa mal-bqija tas-settur edukattiv
L-ewwel implikazzjoni hija l-obbligu tal-iskejjel tal-Knisja li mhux biss jaħdmu flimkien bejniethom, imma li jaħdmu wkoll id f’id mal-skejjel statali u ndipendenti. Dan joffri l-opportunità li nitgħallmu mill-prattika ta’ xulxin u nkunu ko-responsabbli għall-proċess edukattiv nazzjonali li minnu jgawdu t-tfal. Għaldaqstant, l-iskejjel tal-Knisja jħarsu lejn il-kontribut tagħhom bħala wieħed fi sħab ma skejjel f’setturi oħra, b’rispett lejn il-qafas tal-kurrikulu minimu nazzjonali.
- Parità reali
Dan il-kontribut distint u nklussiv ikun fattibbli permezz ta’ aċċess ġust għar-riżorsi. Dan ifisser li l-parità bejn l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel tal-Istat fl-allokazzjoni ta’ riżorsi għandha tkun waħda reali filwaqt li tkun garantita. Għalhekk, l-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi m’għandhomx jitqiesu bħala xi tip ta’ konċessjoni ġeneruża min-naħa tal-Istat, imma bħala l-mod naturali kif is-sehem daqshekk essenzjali u sostanzjali tal-iskejjel tal-Knisja fil-qasam tal-edukazzjoni jkun rikonoxxut u integrat.
L-iskejjel tal-Knisja jħossu d-dover li jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika edukattiva nazzjonali. L-Istat minn-naħa tiegħu għandu d-dover li jinkludi lill-iskejjel tal-Knisja fi proċess kontinwu u parteċipattiv fit-tfassil ta’ din il-politika.
3.0 AWTONOMIJA REALI U RESPONSABBLI
Din il-ħidma bi sħab mal-Istat, għandha twassal għal rispett sħiħ mhux biss fil-prinċipju imma wisq iktar fil-prattika lejn l-awtonomija responsabbli tal-iskejjel tal-Knisja. Fl-istess waqt, l-iskejjel tal-Knisja jifhmu u jixtiequ din l-awtonomija billi jkunu trasparenti u disponibbli għar-rendikont tal-ħidma tagħhom. Ir-rispett lejn l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja jissarraf partikolarment f’dawn l-aspetti:
i. Awtonomija responsabbli f’materji kurrikulari biex l-iskejjel tal-Knisja jkunu jistgħu jimirħu lejn prattiċi edukattivi diversi u innovattivi. Dan iħallilhom il-flessibbiltà neċessarja li jirrispondu għall-bżonnijiet partikulari tat-tfal afdati f’idejhom u għall-missjoni speċifika bħala skejjel tal-Knisja. Minn prattiċi innovattivi u flessibbli igawdi il-pajjiż kollu.
ii. Awtonomija responsabbli fl-appuntar ta’ staff fi sfond ta’ trasparenza u rispett sħiħ lejn il-jeddijiet tal-ħaddiema, il-kwalifiki u l-kompetenzi meħtieġa.
iii. Awtonomija responsabbli fid-deployment ta’ staff li jirispetta iktar il-bżonn tal-iskejjel individwali u ċ-ċirkustanzi marbuta mal-missjoni speċifika tagħhom li hija differenti minn dik tal-Istat. Dan jimplika flessibbilità ikbar fit-tħaddim ta’ formula ċentrali, li xi drabi tkun dejqa wisq biex tirrispondi għal ħtiġijiet speċifiċi. L-iskejjel tal-Knisja jifhmu wkoll li din il-flessibbiltà għandha titħaddem fi sfond ta’ rispett totali lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema involuti.
iv. Tisħiħ tal-amministrazzjoni ċentrali. Biex l-iskejjel tal-Knisja ikunu jistgħu jaħdmu b’mod ikkoordinat, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija fi ħdan il-Knisja għandu jiġi msaħħaħ permezz ta’ riżorsi adekwati bl-istess mod kif id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi (DES) jaħdem biex jikkordina l-iskejjel statali. Dan it-tisħiħ għandu jirrifletti il-proporzjon sostanzjali ta’ tfal li jaqdi fuq skala nazzjonali. Dan ifisser finanzjament adekwat biex il-kapaċità amministrattiva tas-Segretarjat tikber biex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha tajjeb. Ta’ min iżid ukoll li fid-Djoċesi ta’ Għawdex ikun hemm bżonn ukoll uffiċċju amministrattiv ċentrali, naturalment ta’ daqs adekwat, biex jaqdi l-bżonnijiet tal-iskejjel tal-Knisja Għawdxin.
Fid-dawl tal-punti imsemmija hawn fuq, inkomplu nwieġbu għall-bżonn li d-dokument Guidelines to Church Schools: Entitlement of Resources minn żmien għall-ieħor ikompli jiġi kkjarifikat u aġġornat.
B’mod iktar wiesgħa, il-ftehim bejn l-Istat u s-Santa Sede għandu jiġi rispettat.
4.0 KONKLUŻJONI
L-iskejjel tal-Knisja jħarsu ‘l quddiem b’fiduċja biex id f’id mal-Istat, ikun min ikun li jmexxih, irawmu persuni sħaħ, b’valuri nsara u umani ispirati mill-Vanġelu. Dawn iċ-ċittadini ġodda jkunu jistgħu joffru s-servizz, il-kompetenzi u l-kontribut tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà. Hekk pajjiżna jkun wieħed tassew ċivili u uman fejn kull persuna, l-aktar dawk li huma dgħajfin, igawdu minn dinjità u libertà reali, f’soċjetà tassew ġusta u ħielsa.
Fr Charles Mallia
Delegat tal-Arċisqof għall-Iskejjel tal-Knisja
Dr Rose Anne Cuschieri
Direttur għas-Servizzi Edukattivi