Bħala Isqfijiet ta’ Malta u Għawdex, flimkien mal-poplu ta’ Alla fil-Gżejjer tagħna, nixtiequ nuru t-tħassib tagħna għas-sitwazzjoni li reġgħet inqalgħet f’Benghażi fil-Libja. Inħossuna qrib fit-talb u fil-ħsieb, b’mod partikolari ma’ ħuna l-Eċċellenza Tiegħu, Mons Silvestru Magro O.F.M.., Isqof Titulari ta’ Salde u Vigarju Appostoliku ta’ Benghażi.

Għalhekk, filwaqt li napprezzaw ħafna l-ħidma tal-missjunarji fil-Libja, partikularment il-presenza tal-patrijiet Franġiskani Minuri Maltin, inħeġġu lill-insara tagħna biex iressqu t-talb tagħhom lill-Missier twajjeb tas-sema biex iħares lil dan il-poplu u jagħtih is-sliem tant mixtieq u bżonnjuż.

✠ PAWLU CREMONA O.P.

Arċisqof ta’ Malta

✠ MARIO GRECH

Isqof ta’ Għawdex

✠ CHARLES J. SCICLUNA

Isqof Awżiljarju u Vigarju Ġenerali ta’ Malta