MEMORANDUM GĦALL-PARTITI POLITIĊI – ELEZZJONIJIET ĠENERALI 2013


1.0  SFOND

F’dawn l-aħħar erbgħin sena l-iskejjel tal-Knisja komplew jevolvu u jitbiddlu f’diversi aspetti. Kienu skejjel li jitolbu ħlas għall-edukazzjoni li kienu joffru. Xi uħud anke kienu jżommu l-boarders. Bil-ftehim tal-1991 saru skejjel bla ħlas u d-dħul fl-iskejjel primarji beda jsir permezz tal-polza.  Dan it-tibdil żied it-taħlit ta’ abilitajiet li jkollhom l-istudenti biex l-iskejjel saru iktar aċċessibbli.  Dan wassal sabiex dawn l-iskejjel minn kmieni bdew jaffrontaw l-isfidi tat-tagħlim ta’ abilitajiet imħallta. L-iskejjel tal-Knisja kienu minn ta’ quddiem f’dan il-qasam u rnexxielhom jabbinaw it-tagħlim f’kuntest ta’ abbiltajiet imħallta ma’ livelli ta’ edukazzjoni għoljin.

Id-dħul f’xi skejjel tas-sekondarja kompla jsir permezz tal-eżami komuni. Tliet snin ilu tneħħa l-eżami komuni u hekk it-tfal kollha qed jidħlu permezz tal-polza.  Dan fetaħ beraħ l-aċċessibilità tal-iskejjel u seddaq il-prinċipju ta’ skejjel miftuħin għal kulħadd.  Bis-saħħa t’hekk, qed ikun hemm aktar taħlit fl-abbiltajiet tal-istudenti li jattendu dawn l-iskejjel.  Inħass il-bżonn li, biex l-edukazzjoni b’abbilitajiet inħallta taħdem, il-kontinwità fil-proċess edukattiv għandha tkun kemm jista’ jkun garantita.  Biex dan ikun iktar possibbli, żdiedu tlett skejjel primarji oħra ma dawk l-iskejjel li diġà kienu qed iħaddmu b’suċċess edukazzjoni primarja u sekondarja flimkien.

L-iskejjel tal-Knisja qed jipparteċipaw bil-qalb f’dan il-proċess ta’ interess nazzjonali.  Għaldaqstant, jixtiequ jkomplu jagħtu s-sehem tagħhom sabiex l-edukazzjoni tat-tfal kollha Maltin u Għawdxin tkompli tevolvi u titjieb.

2.0  PRINĊIPJI

Dan il-proġett edukattiv fl-iskejjel tal-Knisja huwa parti integrali mill-missjoni tal-Knisja li tevanġelizza.

Dan jimplika formazzjoni f’kuntest Nisrani, li jippromovi id-dinjità ta’ kull persuna fid-diversità kollha tagħha.  Jimplika wkoll ħidma f’qafas inklussiv li jwassal lejn parteċipazzjoni attiva u kritika, u fl-istess ħin responsabbli fis-soċjetà u fil-Knisja.  Jimplika wkoll għażla preferenzjali favur il-fqar.  Il-Knisja tħoss li r-rwol tal-iskejjel tal-Knisja huwa pern important tal-missjoni tagħha.  Tant hu hekk li permezz tal-ftehim bejn l-Istat u s-Santa Sede dwar l-iskejjel tagħha, il-knisja poġġiet parti sostanzjali mir-riżorsi tagħha (bhal bini ta’ diversi skejjel li huma prorjeta’ tal-Arcidjocesijiet, tal-kongregazzjonijiet religjuzi u għaqdiet oħra tal-Knisja) għad-dispożizzjoni tal-Istat biex tagħmel tajjeb għat-tisħiħ ta’ din il-missjoni.

L-iskejjel tal-Knisja huma wkoll tweġiba għad-dritt tal-ġenituri nsara li jrawwmu u jiffurmaw lil uliedhom fit-twemmin tagħhom mingħajr ma tagħlaq il-bieb għall-ġenituri oħra li jixtiequ jibbenefikaw minn din ix-xorta ta’ edukazzjoni.

Dan jagħti identità distinta lill-iskejjel tal-Knisja.  Din l-identità differenti minn skejjel oħra, toffri l-possibilità ta’ diversità edukattiva fil-qafas tal-proġett edukattiv nazzjonali.  Dan huwa kruċjali fit-tentattiv biex infittxu soluzzjonijiet differenti għall-isfidi edukattivi u soċjali li ngħixu fihom.  Id-dritt tal-eżistenza tal-iskejjel tal-Knisja joħroġ miċ-ċelebrazzjoni tad-diversità bħala prinċipju u bħala opportunità għas-soċjetà kollha kemm hi.  Dan jgħodd ferm u ferm aktar għal soċjetà li trid tkun tassew demokratika.

Ta’ min jgħid ukoll li d-diversità bejn l-iskejjel tal-Knisja nfushom toħroġ mill-kariżmi differenti tal-ordnijiet li jmexxu u jispiraw l-iskejjel partikulari tagħhom fil-kuntest wiesgħa tal-Knisja universali.

Din l-identità distinta,  għandha żewġ implikazzjonijiet importanti.

  • Integrazzjoni sħiħa mal-bqija tas-settur edukattiv

L-ewwel implikazzjoni hija l-obbligu tal-iskejjel tal-Knisja li mhux biss jaħdmu flimkien bejniethom, imma li jaħdmu wkoll id f’id mal-skejjel statali u ndipendenti.  Dan joffri l-opportunità li nitgħallmu mill-prattika ta’ xulxin u nkunu ko-responsabbli għall-proċess edukattiv nazzjonali li minnu jgawdu t-tfal.  Għaldaqstant, l-iskejjel tal-Knisja jħarsu lejn il-kontribut tagħhom bħala wieħed fi sħab ma skejjel f’setturi oħra, b’rispett lejn il-qafas tal-kurrikulu minimu nazzjonali.

  • Parità reali

Dan il-kontribut distint u nklussiv ikun fattibbli permezz ta’ aċċess ġust għar-riżorsi.  Dan ifisser li l-parità bejn l-iskejjel tal-Knisja u l-iskejjel tal-Istat fl-allokazzjoni ta’ riżorsi għandha tkun waħda reali filwaqt li tkun garantita.  Għalhekk, l-allokazzjoni ta’ dawn ir-riżorsi m’għandhomx jitqiesu bħala xi tip ta’ konċessjoni ġeneruża min-naħa tal-Istat, imma bħala l-mod naturali kif is-sehem daqshekk essenzjali u sostanzjali tal-iskejjel tal-Knisja fil-qasam tal-edukazzjoni jkun rikonoxxut u integrat.

L-iskejjel tal-Knisja jħossu d-dover li jikkontribwixxu għat-tfassil tal-politika edukattiva nazzjonali.  L-Istat minn-naħa tiegħu għandu d-dover li jinkludi lill-iskejjel tal-Knisja fi proċess kontinwu u parteċipattiv fit-tfassil ta’ din il-politika.

3.0  AWTONOMIJA REALI U RESPONSABBLI

Din il-ħidma bi sħab mal-Istat, għandha twassal għal rispett sħiħ mhux biss fil-prinċipju imma wisq iktar fil-prattika lejn l-awtonomija responsabbli tal-iskejjel tal-Knisja.  Fl-istess waqt, l-iskejjel tal-Knisja jifhmu u jixtiequ din l-awtonomija billi jkunu trasparenti u disponibbli għar-rendikont tal-ħidma tagħhom.  Ir-rispett lejn l-awtonomija tal-iskejjel tal-Knisja jissarraf partikolarment f’dawn l-aspetti:

i.        Awtonomija responsabbli f’materji kurrikulari biex l-iskejjel tal-Knisja jkunu jistgħu jimirħu lejn prattiċi edukattivi diversi u innovattivi. Dan  iħallilhom il-flessibbiltà neċessarja li jirrispondu għall-bżonnijiet partikulari tat-tfal afdati f’idejhom u għall-missjoni speċifika bħala skejjel tal-Knisja.  Minn prattiċi innovattivi u flessibbli igawdi il-pajjiż kollu.

ii.        Awtonomija responsabbli fl-appuntar ta’ staff fi sfond ta’ trasparenza u rispett sħiħ lejn il-jeddijiet tal-ħaddiema, il-kwalifiki u l-kompetenzi meħtieġa.

iii.        Awtonomija responsabbli fid-deployment ta’ staff li jirispetta iktar il-bżonn tal-iskejjel individwali u ċ-ċirkustanzi marbuta mal-missjoni speċifika tagħhom li hija differenti minn dik tal-Istat.  Dan jimplika flessibbilità ikbar fit-tħaddim ta’ formula ċentrali, li xi drabi tkun dejqa wisq biex tirrispondi għal ħtiġijiet speċifiċi.  L-iskejjel tal-Knisja jifhmu wkoll li din il-flessibbiltà għandha titħaddem fi sfond ta’ rispett totali lejn il-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ħaddiema involuti.

iv.        Tisħiħ tal-amministrazzjoni ċentrali. Biex l-iskejjel tal-Knisja ikunu jistgħu jaħdmu b’mod ikkoordinat, is-Segretarjat għall-Edukazzjoni Nisranija fi ħdan il-Knisja għandu jiġi msaħħaħ permezz ta’ riżorsi adekwati bl-istess mod kif id-Direttorat għas-Servizzi Edukattivi (DES) jaħdem biex jikkordina l-iskejjel statali.  Dan it-tisħiħ għandu jirrifletti il-proporzjon sostanzjali ta’ tfal li jaqdi fuq skala nazzjonali.  Dan ifisser finanzjament adekwat biex il-kapaċità amministrattiva tas-Segretarjat tikber biex tkun tista’ taqdi l-funzjonijiet tagħha tajjeb.  Ta’ min iżid ukoll li fid-Djoċesi ta’ Għawdex ikun hemm bżonn ukoll uffiċċju amministrattiv ċentrali, naturalment ta’ daqs adekwat, biex jaqdi l-bżonnijiet tal-iskejjel tal-Knisja Għawdxin.

Fid-dawl tal-punti imsemmija hawn fuq, inkomplu nwieġbu għall-bżonn li d-dokument Guidelines to Church Schools: Entitlement of Resources minn żmien għall-ieħor ikompli jiġi kkjarifikat u aġġornat.

B’mod iktar wiesgħa, il-ftehim bejn l-Istat u s-Santa Sede għandu jiġi rispettat.

4.0  KONKLUŻJONI

L-iskejjel tal-Knisja jħarsu ‘l quddiem b’fiduċja biex id f’id mal-Istat, ikun min ikun li jmexxih, irawmu persuni sħaħ, b’valuri nsara u umani ispirati mill-Vanġelu. Dawn iċ-ċittadini ġodda jkunu jistgħu joffru s-servizz, il-kompetenzi u l-kontribut tagħhom fil-Knisja u fis-soċjetà. Hekk pajjiżna jkun wieħed tassew ċivili u uman fejn kull persuna, l-aktar dawk li huma dgħajfin, igawdu minn dinjità u libertà reali, f’soċjetà tassew ġusta u ħielsa.

Fr Charles Mallia

Delegat tal-Arċisqof għall-Iskejjel tal-Knisja

Dr Rose Anne Cuschieri

Direttur għas-Servizzi Edukattivi