Fid-19 ta’ Ġunju – festa tal-Qalb ta’ Ġesù – bdiet sena dedikata lis-saċerdoti skont ix-xewqa tal-Papa Benedittu XVI. Dan il-Papa għamlu fl-okkażjoni tal-150 anniversarju mill-mewt ta’ San Ġwann Marija Vianney li hu magħruf bħala l-Kurat t’Ars. Il-Papa jrid jagħti lis-saċerdoti importanza speċjali matul din is-sena u jrid juri lis-saċerdoti kemm iħobbhom u jixtieq jgħinhom biex jgħixu s-sejħa u l-missjoni tagħhom b’ferħ u entużjazmu.

L-isfida li għandhom is-saċerdoti hija li jkunu saċerdoti fi żminijiet tal-lum, li mhux jikkundannaw id-dinja ta’ madwarhom imma jsalvawha, bħal Ġesù li ma ġiex biex jikkundanna imma biex isalva.

Il-Knisja trid turi li hi kburija u ferħana bil-maġġoranza kbira tas-saċerdoti tagħha, li taw ħajjithom għall-missjoni tagħha.

Hija sena li fiha s-saċerdoti stess huma mistiedna biex jiġġeddu fis-sejħa tagħhom u jifhmu dejjem iżjed ir-responsabbiltà kbira tagħha.

Imma hija sena wkoll li fiha l-poplu Nisrani hu mistieden biex jifhem iżjed il-grazzja li għandu bil-ħidma tas-saċerdoti, u jara hux qed iwettaq id-dmirijiet tiegħu ta’ talb, sapport u għajnuna għas-saċerdoti u għalhekk hija sena li fiha il-komunità Nisranija tagħrbel lilha nfisha u ssaqsi jekk hix qiegħda tissapportja biżżejjed is-saċerdoti. Il-poplu Nisrani hu konxju mid-dmir tiegħu li jitlob għas-saċerdoti? Qegħdin nitolbu biżżejjed għall-vokazzjonijiet?

Din is-sena għandna nħarsu lejha bħala sena ta’ grazzja biex naraw x’aħna msejħa li nagħmlu favur is-saċerdoti.

Hija sena li fiha l-Papa ħeġġiġna li jsir talb “għas-saċerdoti, mas-saċerdoti u mis-saċerdoti”.

Se jkollna okkażjoni nagħmlu dan fil-festa tal-Kurat t’Ars, fl-4 ta’ Awwissu meta se nkunu mistiedna biex nitolbu flimkien fil-ġurnata li fiha l-Papa se jipprokklama dan il-qaddis bħala patrun tas-saċerdoti kollha.

Jalla din is-sena tħalli l-frott mixtieq mill-Papa: li nagħrfu iżjed il-missjoni kbira tas-saċerdot fi ħdan il-komunità Nisranija, li nitħeġġu ħalli nagħtu sapport permezz tat-talb u ta’ kull mezz ieħor lis-saċerdot fil-ħidma tiegħu, li ngħinu ħalli iżjed żgħażagħ jagħrfu s-sbuħija ta’ din is-sejħa u jħaddnuha, li s-saċerdoti stess jitħeġġu biex jgħixu b’ġenerożità s-sejħa tagħhom fil-milja tagħha.

Wieħed saċerdot qaddis kien jgħid: Meta nitolbu għas-saċerdoti nixtru bl-ingrossa għax il-missjoni tas-saċerdot ikollha effett li dejjem jiżdied u jinfirex fost il-poplu Nisrani.