Il-Ħamis, 18 ta’ Ġunju 2009 – Seminarju ta’ l-Arċisqof

Ħuti, din hija providenza li l-Papa Benedittu XVI nieda din is-sena għal dan id-don kbir li Alla l-Imbierek ta lill-Knisja tiegħu permezz tas-saċerdozju ministerjali. U kemm hija okkazjoni qawwija għalina li din s-sena aħna lkoll, wieħed wieħed, niġġeddu f’dan id-don! U kemm kien ukoll ħsieb sabiħ li aħna nibdew din is-sena propju lejlet il-festa tal-Qalb ta’ Ġesù. Naħseb li r-raġuni kienet li l-Papa riedna naslu għas-saċerdozju tagħna permezz tal-misteru kbir ta’ l-Imħabba ta’ Alla. U dak li jagħti t-togħma u t-tifsira lid-don tagħna.

Ir-riflessjoni tagħna fuq is-saċerdozju ministerjali trid tibda l-ewwelnett mill-Imħabba ta’ Alla l-Missier lejn kulħadd. Id-don tas-saċerdozju ministerjali jrid ikun riflessjoni, l-ewwelnett, u stagħġib quddiem dan il-fatt li kull bniedem li hawn fid-dinja huwa oġġett ta’ l-imħabba ta’ Alla l-Missier, li jrid jiġbdu lejh.

It-tieni riflessjoni, li fiha rridu nqiegħdu dan id-don li l-Mulej tana, hija l-Imħabba kbira li Alla l-Missier, f’Ibnu, għandu għall-Knisja tiegħu. Hu għandu, f’dan is-sens, imħabba preferenzjali għaliha u għalhekk jistenna ħafna minn din il-Knisja. Għaliex jekk l-ewwel pjan tiegħu ser iseħħ lejn kulħadd, l-uniku mezz kif iseħħ huwa permezz tal-Knisja. Għax il-Knisja hija dik li Alla l-Imbierek, li Ibnu Ġesù Kristu waqqaf biex tkun is-sinjal viżibbli, qawwi tal-Preżenza ta’ Alla l-Imbierek lid-dinja. Allura din il-Knisja bilfors irid ikollha mħabba speċjali ta’ Alla l-Missier għax tant jippretendi minnha; għax tant jaf li hija l-pjan tiegħu tal-providenza li jsir permezz tal-Knisja.

Hawnhekk nagħmlu t-tielet riflessjoni: hawnhekk nidħlu aħna. Waqt li l-Knisja kollha kemm hi hija medjatriċi quddiem id-dinja, ta’ dik li hija l-Imħabba ta’ Alla, ta’ dawk li jemmnu u dawk li jħarsuha, Alla l-Imbierek, f’dan il-poplu għażel lilna, għażel is-saċedozju ministerjali biex ikun il-medjatur tal-grazzji tiegħu f’din il-komunità li trid tidħol f’dan il-misteru tas-salvazzjoni ta’ Alla l-Missier. Aħna, kif jgħid Santu Wistin, ma’ l-oħrajn, ma’ l-aħwa kollha, aħna medjaturi quddiem id-dinja. Aħna s-saċerdoti fl-ispeċifiċità tad-don tagħna, aħna nidhru medjaturi biex dan il-poplu jaqdi l-missjoni tiegħu billi nwasslu quddiemu, permezz tal-preżenza tagħna, dik li hija l-grazzja ta’ Alla l-Missier. M’hemmx għalfejn ngħidu li allura aħna b’din il-medjazzjoni tagħna hija dak li hu speċifiku. Il-preżenza tagħna trid tqawwi, allaħares qatt tnaqqas, din ir-realtà ta’ grazzja li Alla jibgħat fuq il-Knisja. Il-grazzja mhijiex tagħna. Il-grazzja hija tiegħu. Li hija tagħna biss hija l-medjazzjoni u l-mod kif nimmedjaw proprju f’din il-grazzja.

Aħna ġejna hawnhekk illum biex quddiem Alla l-Imbierek nerġgħu noffru lilna nfusna bħalma offrejna snin ilu biex aħna, Mulej, inħalluk tbiddilna biex il-medjazzjoni tkun l-isbaħ li tista’ tkun. Inpoġġuha fil-pożittiv: ħalli l-medjazzjoni tagħna tħeġġeġ lin-nies għall-grazzji tiegħu. Inpoġġuha fin-negattiv: ħalli aħna ma nkunux ta’ tfixkil lil ħadd f’din il-medjazzjoni, biex ħadd ma jieqaf fina, u jitfixkel fil-grazzja li jrid jirċievi.

Xtaqt naqsam magħkom xi riflessjonijiet fuq is-silta li għadna kemm smajna mill-Ittra lill-Efesin (2, 25b-27). Din is-silta tibda hekk: “Kristu ħabb lill-Knisja”. Dan jitlob minna li aħna l-ewwel nidħlu f’din ir-relazzjoni ta’ aċċettazzjoni ta’ l-Imħabba Alla. U mhux faċli għax il-kwalità ta’ l-imħabba li rridu nimmedjaw mhijiex l-imħabba la li rċevejna mingħand mill-ġenituri, la li nirċievu mingħand il-ħbieb, imma hija dik li tiġi speċifikament mingħand Alla l-Imbierek, li aħna naqraw fuqha u minn dan nitgħallmu mill-Kelma ta’ Alla u aħna rridu nakkwistaw ġewwa fina l-esperjenza personali. L-ewwel riflessjoni rridu nħallu spazju biex ikollna l-esperjenza personali ta’ din l-imħabba li Alla l-Imbierek għandu għall-Knisja aħseb u ara għalina li l-Knisja tant tiddependi fuqna.

It-tieni kelma li smajna f’din is-silta “ta lilu nnifsu għalina”. U din il-kelma xi tfisser fil-ħajja ta’ kull wieħed minna? U jien ir-riflessjoni li ġietni ġewwa moħħi kienet b’ dak li aħna bdejna bih – meta konna rċevejna l-ordinazzjoni saċerdotali tagħna. Kif konna rreflettejna “ta lilu nnifsu għalina”? Naħseb li żewġ affarijiet prinċipali. L-ewwel waħda hija l-ubbidjenza. L-ubbidjenza tfisser, mhux faċli, li ma tibqax ikollok kontroll fuq il-ħajja tiegħek; li l-Mulej iċċedilu l-kontroll tal-ħajja tiegħek, hekk li kull ma tagħmel ma jkunx tiegħek imma jkun totalment f’idejn Alla l-Imbierek. Nagħmlu eżami tal-kuxjenza tagħna. Dik l-ubbidjenza sħiħa li aħna tajna fil-bidu, aħfruli nkun negattiv, kemm naqqaxna minnha? Fil-post fejn inkun, fil-ħidma li jien nagħmel, f’dak kollu li l-Mulej irid jużani? U forsi ħadtlu biċċa lura.

It-tieni ħaġa naħseb iċ-ċelibat. Iċ-ċelibat li tana vojt kbir, spazju kbir. Allura l-eżami tal-kuxjenza: iċ-ċelibat li l-Mulej qalilna biex noffrulu, kemm qed nużah biex ikun spazju għall-oħrajn. Ħa nkun negattiv: seta’ fil-ħajja tiegħi ċ-ċelibat użajtu biex inkun iktar komdu? Seta’, waqt li l-oħrajn ma offrewx iċ-ċelibat, imma jridu joffru lilhom infushom fit-tfal, fir-reponsabiltà li għandhom, iridu jaħdmu għall-familja… Ħa nkun negattiv,aħfruli: u jien iċ-ċelibat swieli biss għalija biex inkun aktar komdu minn sħabi, dawk in-nies li hemm madwarna? Jiena naħseb li rridu nżommuh dan il-paragun maċ-ċelibat tal-ħajja tagħna, dan il-vojt tal-ħajja tagħna u kif qed nużawh u dawk li ma għandhomx ċelebat, u l-ħajja tagħhom hija mimlija b’sagrifiċċju.

Fil-Pastores dabo vobis, numru 22, il-Papa jgħid li s-saċerdot huwa għarus tal-komunità. Niftakru li s-silta mill-Efesin, San Pawl ipoġġiha fil-kuntest tal-ħajja miżżewġa. Dan ifisser li ċ-ċelibat irid jieħu l-post tal-vojt biex ikollok għerusija ġdida. Imma trid tkun għerusija, b’dak kollu li tfisser.

It-tielet riflessjoni: il-Mulej qed jgħidilna “l-kelma kienet biex iqaddisha”. Allura hija l-importanza tagħna fi ħdan il-komunità biex aħna, u nibdew mill-esperjenza tagħna, lil ħutna nwassluhom għal din il-kelma qawwija li hija qdusija. Qdusija hija x-xebħ ta’ Alla, għax kollox ġej minnu. Ix-xebħ li nafu bih huwa Ġesù Kristu. Mela l-qdusija hija x-xebħ ta’ Sidna Ġesù Kristu. Mhux li titlob lil Sidna Ġesù Kristu imma li timita lil Sidna Ġesù Kristu f’ kollox – tipprova. Dik hija l-qdusija. Ħa npoġġieha hekk: Ġesù, iktar milli qiegħed hemmhekk biex nitolbuh, qiegħed hemmhekk fl-Inkarnazzjoni biex nimitawh. Din tfisser l-Inkarnazzjoni tal-Mulej Ġesù. Allura din hija l-importanza li fil-mixja tagħna nwasslu lil ħutna għall-qdusija.

Ir-raba’ riflessjoni: “naddafha Sidna Ġesù Kristu bil-ħasil ta’ l-ilma flimkien mal-Kelma”. “Bil- ħasil ta’ l-ilma”: nistgħu nwessgħuha ftit għas-sagramenti? Imma s-sagramenti, jekk ma tkunx il-medjazzjoni tagħna u medjazzjoni sabiħa, x’ser ikun? In-nies se jibqgħu jħarsu lejhom bħala xi ħaġa maġika; l-aqwa li tajtha lit-tfal tiegħi! U jekk aħna nagħmlu l-istess ħaġa: l-aqwa li tajnihom ir-rit – aħna nkunu qegħdin inkomplu norbtu lill-aħwa ma’ din ix-xi ħaġa li hija maġika, l-aqwa li jagħmillek xi ħaġa s-saċerdot. Mentri hawnhekk qed jgħid “maqgħuda flimkien mal-Kelma”. Il-Kelma li hija l-Kelma li tbiddel l-imħuħ. Mhux il-qalb għax il-qalb tista’ titħeġġeġ bid-devozzjoni. Imma m’hemmx mod ieħor kif l-aħwa jistgħu jibdlu l-mod kif jaħsbu, jekk mhux permezz tal-Kelma, u jibdew jaħsbu bħalma jaħseb il-Mulej Ġesù.

L-aħħar ħsieb: “Irressaqha quddiemu” qed jgħid għall-Knisja, ”sabiħa, bla tebgħa u bla tikmix”. U jiena għidt nistgħu napplikawha għalina: jekk inti kappillan, qed taħseb biex il-komunità tiegħek qed tresseqha quddiem Alla, sabiħa, bla tebgħa u bla tkemmix? U jekk jiena Isqof, qiegħed naħseb bizejjed li xi darba rrid nippreżenta din il-komunità li ġiet afdata f’idejja? U jekk għandek gruppi oħrajn, huma x’inhuma, qiegħed taħseb li inti xi darba, responsabiltà kbira, se tkun inti li tressaqha quddiem Alla l-Missier bħala don permezz ta’ Kristu, kif se jwassal il-Knisja tiegħu?

Fil-Pastores Dabo Vobis, fin-numru 72, il-Papa jikkwota lil San Karlu Borromeo u tgħid hekk lilna s-saċerdoti: “Jeħtiġlek tiftakar dejjem illi inti u tieħu ħsieb l-erwieħ fdati lilek m’għandekx tinsa tieħu ħsieb ruħek. Fit-talb ma nistgħux ngħixu qisna b’renta,” dak li rnexxilna niksbu fl-imgħoddi. Naħseb li din is-silta San Karlu Borromeo tagħtina dak li aħna din is-sena qedgħin nippruvaw quddiem il-Mulej nakkwistaw għalina, għall-glorja ta’ Alla u għall-ġid ta’ l-aħwa.