Seminarju, tal-Virtu

17 ta’ Settembru 2011

Ir-riflessjoni li aħna nagħmlu bħala nsara nagħmluha dwar il-kelma t’Alla.  Il-mistoqsijiet li jagħmel il-bniedem li jemmen ma jippruvax isolvihom biss bil-moħħ tiegħu imma jsolvihom billi jisma’ l-kelma t’Alla u jkun jaf it-tweġiba.  U meta aħna ngħidu: imma x’inhi d-dinjita tal-bniedem?  U aħna naqraw fil-kelma t’Alla li Alla l-Imbierek ħalaq lil kull bniedem, raġel u mara, xbieha tiegħu.  U din hija d-dinjita ta’ kull bniedem li jinsab fid-dinja.

Meta mbagħad nagħmlu l-mistoqsija: imma allura Ġesu għalfejn ġie hawn fostna?  U t-tweġiba tagħna nsibuha wkoll fil-kelma t’Alla u ngħidu li dan il-poplu kollu, aħna l-insara, għandna l-missjoni li nuru lil bnedmin kollha tad-dinja xi tfisser din id-dinjita ta’ Alla l-Imbierek biex inwasslu lilhom il-kelma u l-mezzi tas-salvazzjoni. U din hija d-dinjita tal-Knisja: tinsab fid-dinjita tal-persuni li hawn fid-dinja, kulħadd, ħadd mhu eskluż, li aħna għandna l-missjoni li nwasslu ma’ Kristu l-kelma t’Alla.

Imbagħad nagħmlu l-mistoqsija: imma allura s-saċerdot, dak li aħna qegħdin niċċelebraw illum, fejn hi d-dinjita tiegħu?  U d-dinjita tas-saċerdot hija għaliex Alla l-Imbierek, minn dan il-poplu tiegħu, għażel xi wħud u ’l dawn il-persuni li jkun għażel huwa jagħtihom id-dawl biex jagħtu ħeġġa, jagħtu tagħlim, jagħtu l-grazzja lil poplu tiegħu, lilna lkoll, ħalli nkunu nistgħu naqdu dik il-missjoni tagħna li lil persuni kollha nagħtuhom dak li għallem Sidna Ġesu Kristu.

Allura għalhekk qegħdin hawnhekk.  Qegħdin hawnhekk biex aħna nfaħħru ’l Alla għad-dinjita li ta lil bniedem.  Qegħdin hawnhekk biex infaħħru ’l Alla għal dan il-pjan kbir li permezz tiegħu, il-poplu t’Alla kapaċi jwassal dan it-tagħlim kollu.  Qegħdin hawn u din hi speċifikament għaliex ġejna hawnhekk biex aħna lil Alla l-Imbierek nirringrazzjawh għal dan il-pjan tas-saċerdożju ministerjali, tas-saċerdożju ta’ dawk li jservu lill-oħrajn u nitolbu lil Mulej biex dawk li huwa jkun għażel, Alla l-Imbierek bil-għajnuna tal-ġenituri, bil-għajnuna tat-talb, bil-għajnuna tas-saċerdoti li jieħdu ħsiebhom, ikun jista’ jwassalhom biex iwettqu s-sejħa tagħhom.

Jiena xtaqt li mill-lezzjonijit tal-lum nagħmel daqsxejn ta’ riflessjonijiet propju dwar is-saċerdożju ministerjali, madwar il-kelma li għadna kemm smajna.

Fl-ewwel lezzjoni tal-lum (Is 55, 6-9) aħna rajna d-dimensjoni tal-misteru.  Aħna m’aħniex qegħdin nitkellmu meta nitkellmu fuq is-saċerdozju  ministerjali qiesu xi ħadd għażel karriera, qiesu xi ħadd huwa stess għażel li jkun xi ħaġa.  Hija totalment differenti. Il-kelma li lilna tiftaħna għall-ministeru hija din:  “Il-fehmiet tiegħi” jgħid il-Mulej, “mhumiex fehmietkom u t-triqat tiegħi mhumiex triqatkom”.  Kollox huwa misteru u aħna rridu niftħu qalbna lejn il-misteru.  U l-ħajja tas-saċerdot trid tkun dejjem miftuħa għall-misteru b’mod speċjali għal-mistoqsija li l-ħin kollu jrid jagħmel: imma għaliex jien, Mulej? Kien hemm tant aħjar minni! Kien hemm tant aktar intelliġenti minni, imma għaliex?

Biex naqsam xi ħaġa personali magħkom, tafu li f’Ħamis ix-Xirka ikun hemm ħafna saċerdoti f’S. Ġwann.  U kull sena, minn mindu qiegħed Isqof, dejjem inħares ’l hawn u ’l hemm, nara dawk is-saċerdoti, ħafna minnhom ta’ valur kbir, u ngħidlu: imma kif jien qiegħed hawn, Mulej?  Kif jien qiegħed Isqof ma’ dawk is-saċerdoti li tant u għad għandi tant rispett lejhom?  U ma nistax inwieġeb ħlief ngħidlu: it-triqat tiegħek, Mulej, mhux it-triqat tagħna, il-fehma tiegħek mhux il-fehmiet tagħna”.  Għażilt lili u jiena naċċetta li nobdik f’dak li inti għażilt.  U jkompli Isaija dwar l-uniku ħaġa kif ngħixu dan il-misteru.  Hemm żewġ kelmiet li nixtieq li aħna nħalluhom ġewwa qalbna, kif se tagħmel biex dan il-misteru jkun parti minnu: “Fittxu l-Mulej”. Din il-kelma: fittxu l-Mulej.  Jekk il-Mulej ma jkunx ġewwa qalbna, jekk ma tkunx qed tfittex il-Mulej, kapaċi jgħaddi u lanqas tinduna bih.  Mhux għax ma waqafx hu, imma għaliex qalbek ma kienetx lesta biex tfittxu, mhux miftuha biex hu jieqaf u jgħidlek: “Sakemm tistgħu issibuh, sejħulu sakemm hu fil-qrib”.  Mela fittxu u sejħulu!

L-għażla mhux aħna rridu nagħmluha, ħuti. Darba, ma nafx smajtunix ngħidha kont qiegħed il-Brażil. Ma tantx kien hemm vokazzjonijiet il-Brażil, imma kien hemm waħda mara kellha tifel li kien għadu żgħir, kellu xi ħames snin u qaltli: “Kemm nixtiequ li jsir saċerdot. Kif se nagħmel?”  Għidtilha: “Żewġ affarijiet. L-ewwelnett l-ewwel pass meta Ġesu għażel l-appostli kien li jagħmilhom dixxipli tajbin. L-ewwel waħda: lit-tifel tiegħek ara li tkun qed trabbih skont dak li jixtieq il-Mulej minnu.  It-tieni ħaġa: meta tkun qed tkellmu għatih id-disponibbilta, għidlu jitlob ħalli jara l-Mulej xi jrid minnu”. Xi wħud minna l-Mulej żgur se jsejħilhom biex jieħdu s-sagrament taż-żwieġ bħal ma sejjaħ lill-ġenituru ta’ hawnhekk.  Imma xi whud jibdew iħossu li l-Mulej irid xi ħaġa differenti minnhom.  U dik iridu jkunu miftuha għaliha.  Mela dawn iż-żewġ affarijiet, ftakruhom: rabbuhom bħala dixxipli tal-Mulej, u t-tieni ħaġa biex dak li jgħidilhom il-Mulej, huma jkunu lesti jimxu fil-passi tiegħu.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Fil 1, 24-27) S. Pawl jgħid lill-Filippin u lilna, daqsxejn min hu l-bniedem u l-kliem li jgħid S. Pawl fuqu nnifsu huma: “Kristu jkun imsebbaħ fil-ġisem tiegħi, sew jekk ngħix sew jekk immut”. Qiestu, ħuti, daqsxejn id-dinjita tagħna?  Stajna għednihom kull wieħed u waħda minna dan il-kliem: Kristu msebbaħ fil-ġisem tiegħi!  Ġisem li kapaċi jimrad, li jixjieh, ġisem li ma fih xejn ħlief dgħufijiet, u rridu nemmnu l-kliem ta’ S. Pawl li Kristu hu msebbaħ fil-ġisem tiegħi!  Allura kull wieħed u waħda minna llum bħal S. Pawl irridu ngħidu: Mulej is-sebħ tiegħek nixtieq li jidher    permezz tiegħi, ġewwa fija u permezz tiegħi.  Imbagħad ikompli S. Pawl u jgħid kif se jissebbaħ Alla l-Imbierek:  “Jekk għandi nibqa’ ħaj fil-ġisem dan ifisser li għandi nagħti l-frott tax-xogħol tiegħi”. Meta konna żgħar, ħuti, kienu jgħidulna, illum ma nafx għadhiex teżizti fil-Katekiżmu għax hemm xi kliem li ma tantx għadhom idoqqulna f’widnejna, imma huma veri.  U konna ngħidu: għalfejn ħalqek il-Mulej? U nwieġbu: Il-Mulej ħalaqni biex jien inkun nista’ naqdih ħajti kollha, imbagħad inkun nista’ ngawdih għal dejjem. Il-kelma: li taqdi.  X’inhu l-qadi tas-saċerdot?  Il-qadi tas-saċerdot huwa dak ta’ ragħaj bħal Sidna Ġesu Kristu.

U ngħidu xi ħaġa li forsi llum tfixkilna aktar.  Għalfejn il-Knisja għażlet iċ-ċelebat?  Iċ-ċelebat jiġifieri li wieħed, meta jiġi biex ikun saċerdot, jagħżel li ’l Mulej jagħtih dak id-don kbir li huwa s-sagrament taż-żwieġ u jgħidlu: “Mulej, jiena ħajti kollha se niddedikaha lilek, nagħtiha lilek mingħajr ma niżżewweġ mhux għax iż-żwieġ mhux sabiħ, imma għax jien ma rridtx li jkolli biss tnejn li huma tiegħi u l-oħrajn mhumiex tiegħi għax mhumiex it-tfal tiegħi”.  Jiena għax m’għandiex tfal tiegħi, għax miniex miżżewweġ, nista’ ngħid li kulħadd huwa tiegħi.  Dak li jfisser iċ-ċelebat.  Ħuti, meta aħna ma nifhmuhx, ifhmuk hekk. Ġesu ma kellux il-mara tiegħu, it-tfal tiegħu allura seta’ jgħid lil kulħadd li huma tiegħu.  U din hija l-grazzja kbira ta’ dak li qed jgħidilna S. Pawl.

L-aħħar ħaġa hi mill-Vanġelu li smajna llum dwar il-ġenerożita ta’ Alla l-Imbierek.  Jiena dejjem ngħidha b’ċajta li kieku jkunu tal-unions naħseb min jaf widnejhom kemm jibdew jogħorkuhom: dan kif ħadem siegħa u l-ieħor ħadem ma nafx kemm il-siegħa u t-tnejn jitħallsu l-istess? Min jaf kemm kienu jsiru strikes kieku minħabba f’hekk.  Imma d-differenza hi li Alla naħseb li ried jgħallimna u qed jgħid: le dak li nagħtikom mhux mertu tax-xogħol li intom tagħmlu.  Dak nagħtikom mill-imħabba tiegħi! U allura anke d-don li wieħed ikun ta fil-ħajja miżżewġa, imma qed nitkellmu b’mod speċjali fil-ħajja saċerdotali, aħna rridu ngħidu li dan kollu, kif se tikber quddiem Alla l-Imbierek?  Mhux billi taħdem aktrar, imma billi titlob aktar u tirċievi aktar u dak li tirċievi tħaddmu. Il-ħajja tal-qdusija għas-saċerdoti, għal kulħadd mhijiex kwestjoni biss bħalma meta jiena nistudja, le!  Jiena nitlob lil Mulej, il-Mulej jagħtini d-doni għax mhux tiegħi imma huma tiegħu, dawk id-doni naċċettahom u nibqa’ naħdem fid-dawl tagħhom.

Allura għax ma nibżgħux, ħuti, li wieħed meta jħoss is-sejħa jidħol fis-sejħa li Alla l-Imbierek għamillu fis-saċerdożju?  Fis-Salm (144) smajna r-raġunijiet għaliex. Kien hemm dan il-kliem dwar min hu dak li jseħħilna:  “Twajjeb u ħanin il-Mulej . . . tjubitu fuq kull ma għamel”.  X’tibża’ tagħti ħajtek lil-Mulej meta qed jgħidlek dan il-kliem: “Twajjeb il-Mulej. . . tjubitu fuq kull ma għamel”?  U jerġa s-Salmista: “Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu”.  Qrib il-Mulej lejn kull min isejjaħlu! Din hija ċ-ċerteżża li wieħed ma jibżax jisma’ s-sejħa li jimxi fuqha.

+ Paul Cremona O.P.

Archbishop of Malta