• Il-Berġa ta’ Kastilja, l-Belt Valletta

    6 ta’ Marzu 2015

    Nirringrazzjak Onor. Prim Ministru ta’ din il-laqgħa kordjali tiegħek u tal-kliem tiegħek. Ir-risposta għal dak li għedt hija fuq tlett punti. L-ewwelnett, l-awtonomija bejn il-Knisja u l-Istat li nħoss hija valur importanti fl-epoka li qegħdin ngħixu fiha. Awtonomija li tfisser ukoll rispett reċiproku, kif għedt int, fid-distinzjoni tar-rwoli. Imma ħaġa li tpoġġina fuq l-istess staffa hija li qegħdin ngħaqdu lill-istess poplu, li qegħdin naħdmu għall-ġid komuni.

    It-tieni punt, kif għedt inti wkoll Onor. Prim Ministru, il-ħtieġa tad-djalogu mhux biss rispettuż, imma anke onest u leali. L-opinjonijiet huma opinjonijiet, il-prinċipji li naħdmu għall-ġid komuni nħoss li se jkun jirfed mill-postazzjonijiet reċiproċi.

    Imbgħad servizz u kollaborazzjoni. Inħoss li l-Knisja għandha din il-vokazzjoni li tagħti lil- bniedem – għax il-Mulej wara kollox fl-aħħar taż-żmien se jgħidli inti ‘kont bil-ġuħ u tmajtni, kont bil-għatx u sqejtni’ – u allura l-kriterju tal-kollaborazzjoni mal-Gvern u mal-Istat favur il-fqir, biex neliminaw il-faqar. U nħoss ukoll il-vokazzjoni profetika, ġdida, li għall-ġenerazzjonijiet futuri nissalvagwardjaw, inħarsu l-ambjent naturali. Inħoss li din hija kelma ta’ profezija li l-Knisja ma tistax taħrab minnha u li għandha l-vokazzjoni wkoll illi tikkolabora mal-Istat fuq livell ta’ formazzjoni imma anke implimentazzjoni.

    Imbgħad hemm l-ambjent uman. Il-kelma li għandha l-Knisja hija dejjem, almenu din hija l-konvinzjoni li toħroġ mill-qalb tal-Evanġelju, favur id-dinjità tal-bniedem. U aħna nifirħu meta il-Gvern bl-inizjattivi tiegħu, anke miftuħa, jikkolabora magħna għal dan il-għan.

    Nirringrazzjawk, u nagħlaq, lill-Istat Malti tal-garanzija sabiħa tal-libertà reliġjuża li joffri, għaliex il-prinċipju tal-libertà reliġjuża li l-Gvern u l-Istat joffri lil kull denominazzjoni reliġjuża hija garanzija għalina lkoll. Grazzi ħafna.

     Charles Jude Scicluna

        Isqof titulari ta’ San Leone

        Arċisqof-elett ta’ Malta