• Messaġġ tal-Arċisqof fil-pussess tal-kappillan Fr Martin Schembri O.Carm

  • Parroċċa tal-Madonna tal-Karmnu, Fleur-de-Lys
    28 ta’ Frar 2014

    Ħuti, fil-Vanġelu aħna smajna silta mill-ħajja ta’ Ġesu. Għadu fil-bidu tal-missjoni tiegħu, huwa spjega x’inhi l-missjoni tiegħu, bl-Ingliż ngħidulha l-mission statement. Il-kliem kollu ta’ Ġesu qiegħed madwar il-bniedem: jien nagħti s-saħħa lil dawk li huma dgħajfin, nagħti li jaraw lil dawk li ma jarawx. Jien dejjem kien jgħaġġibni għaliex f’dak il-kliem m’hemm xejn li jrid iwassal direttament lejn Alla. Seta’ qal: dak li qed ngħidlek jiena biex inti tkun tista tfaħħar ’l  Alla. Imma hawn jitkellem biss fuq il-bniedem. U din hija l-ewwel riflessjoni li nagħmlu.

    Illum, għażiż kappillan, il-Mulej se jafdalek f’idejk l-iktar ħaġa prezzjuża li hu għandu u din il- hija l-bniedem, kull bniedem u kull bniedma. U l-Mulej se jagħtik din il-parti mill-għalqa tiegħu li hija l-Fleur de Lys biex inti tieħu ħsieb il-poplu tiegħu, kull bniedem li joqgħod hawn. M’hemm xejn iktar għani għall-Mulej mill- persuni li huwa jħobb. Għad jasal iż-żmien meta, kif rajna fil-tieni lezzjoni, il-Mulej se jitlobna rendikont u lilek ser jistaqsik: il-bnedmin li fdajtlek f’idejk, x’għamilt magħhom? Il-bnedmin li jiena tajtek biex tieħu ħsiebhom, ħadt ħsiebhom bħalma ragħaj jieħu ħsiebhom u bħalma Ġesu ħa ħsieb l-appostli tiegħu? Il-Mulej irid li inti l-ħajja apostolika tiegħek tkun iċċentrata mhux fuq affarijiet li huma esterni, dawk jispiċċaw, imma fuq dak li jibqa’ għal dejjem li huwa kull bniedem, għax kull bniedem għandu l-eternità fih. Għalekk qis li tgħożż lil bnedmin li ġew fdati f’idejk, agħmel minn kollox biex lil dawn il-bnedmin taqdihom kif kien jaqdihom Ġesu.  
     
    Fit-tieni lezzjoni tal-lum aħna rajna lil San Pawl fl-Ittra lir-Rumani ikellimna fuq dak li hu importanti. Hu jgħidilna żewġ affarijiet: “jekk tgħixu, tgħixu għall-Mulej, jekk tmutu, tmutu għall-Mulej” (Rum 14,8). Il-Mulej huwa l-qofol tar-riflessjoni tagħna bħala nsara. Aħna rridu ngħixu għalih. Aħseb u ara,  int għażiż kappilla. Jekk il-Mulej qed jafdalek dawk li huma l-iktar prezzjużi għalih, li huma l-bnedmin li inti għandek fil-parroċċa, kemm għandek aktar u aktar inti tgħix fil-Mulej: jekk tgħix, tgħix fil-Mulej, jekk tmut, tmut għall-Mulej. U dan hu dak li jgħidilna l-Mulej: li aħna ma nistgħux ninfirdu mill-Mulej u naqdu lill-bnedmin. Aħna rridu nieħdu s-saħħa tagħna propju minn Alla l-Imbierek li fih ngħixu. Mela, bilfors li min imexxi lill-oħrajn irid ikun maqgħud ma’ Alla l-Imbierek, inkella li joħroġ mill-bniedem huwa biss uman, u l-uman ma jsalvax; huwa l-ispirtu li jsalva, l-ispirtu li jidħol ġewwa fik mas-saċerdozju tiegħek u jibqa f’ħajtek kollha kull darba li inti ddur lejn il-Mulej.

    ​Fl-ewwel lezzjoni tal-lum jissemma’ il-profeta Elija (2 Slat 2, 8-14). Ovvjament ġiet magħżula din il-lezzjoni għaliex l-Ordni Karmelitan għandu devozzjoni speċjali lejn Elija u l-għolja tal-Karmelu u allura għandha din il-lezzjoni ta’ din  il-ġrajja li aħna smajna fl-ewwel lezzjoni tal-lum. U xi smajna? Smajna lil Elija jagħti lil Eliżew il-mant tiegħu u jagħti lilu l-ispirtu tiegħu biex hu jkompli dak li beda Elija. U din tgħallimna xi ħaġa kbira, ħuti. Aħna kull grazzja li nieħdu, neħduha minn għand xi ħadd ieħor. Ħadd ma jista’ jaqbad u jehodha hu l-grazzja, għalih nnifsu. Jien ma nistax ngħammed lili nnifsi, ħaddieħor irid jgħammidni. Jien ma nistax naħfer lili nnifsi, ħaddieħor irid jaħfirli.  Jien ma nistax nieħu l-Ewkaristija, ħaddieħor irid jagħtihieli. Alla l-Imbierek permezz ta’ Elija, ta lil Eliżew il-qawwa li jkompli l-missjoni tiegħu.

    Għażiż kappillan, għożż il-grazzja tas-saċerdozju tiegħek. Is-saċerdozju  li Ġesu waqqaf fl-aħħar ċena, tah b’mod speċjali lill-appostli u minn dak iż-żmien ’l hawn din il-grazzja baqgħet għaddejja minn ġenerazzjoni għall-oħra sakemm waslet għandna. Inti qed tipparteċipa minn din il-grazzja ewlenija. Għahekk, għażiż kappillan nixtieq infakkrek f’dawk li ġew qablek, ftakar f’kemm martri, konfessuri, saċerdoti li kienu qaddisin, ftakar fihom għaliex int m’intiex waħdek, int qiegħed parti minn dan in-numru kbir ta’ nies li Alla l-Imbierek qaddes biex huma jkunu jistgħu iqaddsu lill-oħrajn.

    U allura min hawn u ftit ieħor aħna se nfakkru f’dawk li se jkunu l-missjoni tiegħek. Il-Mulej tak il-grazzja tas-saċerdożju ministerjali u fil-każ tiegħek mhux biex iżżomm din il-grazzja għandek imma biex b’din il-grazzja u permezz tagħha,  inti tkun tista tagħti l-grazzji lill-oħrajn.

    Minn hawn u ftit ieħor aħna se naraw lill-kappillan jagħmel xi għemejjel simboliċi. Per eżempju, hu jmur fejn hemm il-battisteru li fih jitgħammdu l-insara. Hu jbierku, jinċensah biex ifakkar li hu se juża dan il-battisteru biex iwassal bnedmin biex l-ewwel ikunu membri tal-Knisja, imma mbagħad biex jaslu għand Alla l-Imbierek. Il-kappillan jidħol ġo konfessinarju. Għaliex? Għaliex il-Mulej se jagħtih dik il-grazzja kbira biex lilna li nkunu midinbin jagħtina l-grazzja tal-maħfra u jlaqqagħna mal-ħniena tal-Mulej. Ser jiftah it-tabernaklu, biex ifisser li l-Ewkaristija f’din il-parroċċa se tingħata b’mod speċjali permezz tiegħu. Fl-aħħar jitla’ fuq l-ambone u jgħidilkom: ‘il-Mulej magħkom’. Din hija l-kelma li se jgħidilkom ħafna drabi għaliex b’mod speċjali fil-parroċċa huwa l-kappillan li għandu l-ministeru tal-kelma, huwa l-kappillan li jrid jgħallem, huwa l-kappillan li jrid ifiehem l-Iskrittura Mqaddsa.

    Għażiż kappillan, jiena naf kemm inti devot tal-Madonna tal-Karmelu, nafdak fl-interċessjoni tagħha biex dan il-poplu kollu jkun jista’ jgawdi minn dak li inti jirnexxielek tibni ġewwa fik bl-interċessjoni ta’ Marija.

    + Pawlu Cremona O.P. 

    Arċisqof ta’ Malta