Għax l-Ewkaristija, skont it-tagħlim ta’ l-Papa Ġwanni Pawlu II, mhi xejn iktar ħlief it-tiġdid bħala sagrament, it-tiġdid sagramentali tal-misteru tal-Għid

Għax l-Ewkaristija, skont it-tagħlim ta’ l-Papa Ġwanni Pawlu II, mhi xejn iktar ħlief it-tiġdid bħala sagrament, it-tiġdid sagramentali tal-misteru tal-Għid

Parroċċa ta’ Marija Addolorata, S. Pawl il-Baħar

23 ta’ Ġunju 2013

Għeżież ħuti, kieku kellna nistaqsu: Alla l-Imbierek x’għandu l-iktar għażiż fil-ħolqien tiegħu? It-tweġiba skont il-kelma t’Alla hija ċara. Il-bniedem, maħluq xbieha tiegħu, huwa l-qofol tal-ħolqien. U llum Alla l-Imbierek se jħalli l-bnedmin ta’ din l-parroċċa ta’ S. Pawl il-Baħar f’idejn il-kappillan il-ġdid.

Għażiż kappillan, illum il-Mulej se jagħtik l-iktar ħaġa li għandu verament għal qalbu li huma dawn l-aħwa li qegħdin f’din il-parroċċa. Hemm dawk l-aħwa li diġa qegħdin fil-komunità parrokkjali, imma Il-Mulej se jafdalek ukoll dawk l-aħwa li joqgħodu fit-territorju ta’ S. Pawl il-Baħar imma huma bogħod minn din il-komunità. Dawb ukoll Alla l-Imbierek se jafdahomlok f’idejk. Illum aħna ġejna hawnhekk biex, minn hawn u ftit ieħor, il-kappillan jispjegalna permezz ta’ ċerimonja dak li l-Mulej se jagħtih f’idejh biex ikun jista’ jmexxi l-poplu tiegħu.

Fil-Vanġelu tal-lum (Lq 9, 18-24) għandna dan il-kliem ta’ Sidna Ġesù Kristu: “Min irid jiġi warajja, irid jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu kuljum u jimxi warajja”. Din hija t-triq li l-Mulej qed iħalli f’idejn il-kappillan ħalli jmexxi lil aħwa kollha fit-triq tal-Mulej. Ftit qabel tajnih il-muftieh, minn hawn u ftit ieħor se narawh jiġbed il-ħabel tal-qanpiena. Dawn huma kollha simboli tal-hidma tiegħu, għaliex il-kappilan irid jiġbed lill-bnedmin lejn Alla mhux biss bil-qanpiena, imma jrid imur wara l-aħwa li qegħdin l-bogħod biex iġibhom lejn il-Mulej. Il-muftieħ huwa wkoll simbolu; il-muftieħ ifisser li dawk l-aħwa li jiġu hawnhekk int bħala kappillan ser tiftħilhom il-bieb ta’ qalbek, il-bieb ta’ Alla l-Imbierek, biex huma lkoll iħossuhom verament milqugħin fil-Knisja, li huma verament il-poplu t’Alla u li Alla jitgħaxxaq bihom.

Fit-tieni lezzjoni tal-lum li kienet mill-Ittra ta’ S. Pawl lill-Galatin (3, 26-29) aħna smajna dan il-kliem: “Intom li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu”. U din hija t-tieni grazzja li l-Mulej se jagħti f’idejn il-kappillan il-ġdid. Minn hawn u ftit ieħor tarawh jinċensa l-battisteru, fejn aħna ngħammdu lil dawk li jkunu se jidħlu fil-Knisja, u mhux biss, għax il-kelma ta’ S. Pawl hija: “Intom li intom mgħammda fi Kristu, ilbistu ‘l Kristu”. Id-dover tal-kappillan lejn min huwa mgħammed ma jieqafx fil-mument tal-Magħmudija imma jrid jgħinu permezz tal-ġenituri, permezz tal-katekisti, permezz tal-predikazzjoni tiegħu biex jilbes lil Kristu, isir ħolqien.

Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù qal kliem li kien iebes ħafna għal dawk li kienu qegħdin jisimgħuh għax wara li Pietru stqarr li Ġesù huwa l-Messija t’Alla, huwa qallu li jeħtieġ li Bin il-Bniedem ibati biex aħna nsalvaw. Il-kliem ta’ Kristu kien tant iebes li f’Vanġelu ieħor S. Pietru lanqas jilqagħhom, u jgħidlu: “Ma jkun qatt!” Sidna Ġesù Kristu jżid li jenħtieġ li Bin il-Bniedem iqum biex aħna nqumu għall-ħajja ta’ dejjem. Min hawn u ftit ieħor aħna se naraw lill-kappillan quddiem l-Ewkaristija u jagħtiha t-tifħir, lill-Ewkaristija. Għax l-Ewkaristija, skont it-tagħlim ta’ l-Papa Ġwanni Pawlu II, mhi xejn iktar ħlief it-tiġdid bħala sagrament, it-tiġdid sagramentali tal-misteru tal-Għid; il-grazzji kollha li ħarġu mill-misteri tal-Għid jiġu ġo fina permezz tal-Ewkaristija, meta aħna nieħdu sehem fl-Ewkaristija tal-Mulej. U din fil parroċċa se tkun f’idejn il-kappillan prinċipalment.

Fil-Vanġelu tal-lum ukoll għandna dik il-kelma: “Intom min tgħidu li jien?” U jaqbeż Pietru u jgħid: “Inti l-Messija ta’ Alla”. U hawnhekk, minn hawn u ftit ieħor, taraw lill-kappillan jgħidilkom: “Il-Mulej magħkom” u jitla’ fuq l-anbone biex hemmhekk juri l-missjoni tiegħu tat- tagħlim. Kemm hu sabih, għażiż kappillan, kieku kull wieħed u waħda minna li jinsab hawnhekk, jekk jiġi mistoqsi: int għalik min hu Ġesù?, jkun kapaċi, jwieġeb bl-esperjenza tiegħu ra l-fidi, l-Mulej Ġesù min hu għalih. Din hija l-missjoni tat-tagħlim li l-Mulej qiegħed jafdalek f’idejk illum.

L-aħħar sinjal li l-kappillan se jagħmel quddiemna llum, huwa tweġiba għal dan il-kliem ta’ Żakkarija. U Żakkarija jgħid hekk: “Fuq Ġerusalemm insawwab spirtu ta’ ħniena u talb”; biex jindafu mill-ħtijiet u mit-tinġis (Żakk 12, 10-11). U dan huwa s-sagrament li tana Sidna Ġesù Kristu, għax kien jaf li aħna dgħajfin, li huwa s-sagrament tar-rikonċiljazzjoni jew tal-qrar. F’idejk, għażiż kappillan, se jkun hemm din il-mixja ta’ tiġdid ta’ dawn l-aħwa kollha biex huma jersqu aktar mill-qrib lejn l-Mulej. Għożżuh dan is-sagrament, għażiż kappillan, għaliex huwa permezz tiegħu li aħna, bħalma ġġeddidna fil-Magħmudija, nerġgħu niġġeddu kull darba li nersqu lejh.

Din hija l-missjoni tiegħek, għażiż kappillan; hija missjoni tqila imma hija missjoni sabiha għaliex fil-qofol tagħha hemm Alla l-Imbierek li tant iħobbna. Jalla f’dawn is-sinjali kollha inti twassal lil dan il-poplu li llum ġie afdat f’idejk biex dan il-poplu jħobb verament lil Alla u jimxi fuq il-passi ta’ Sidna Ġesù Kristu.

✠ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta