Konkatidral, ta’ San Ġwann, il-Belt Valletta

22 ta’ Jannar 2012

Ħuti,

Nirringrazzjakom talli ġejtu miegħi biex jiena nagħmel dan is-sagrifiċju ta’ radd il-ħajr lil Alla fil-ħames anniversarju ta’ meta l-Q.T. il-Papa għoġbu jaħtarni  Isqof ta’ din il-gżira.

L-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħok hija l-anniverarji jiswew biex aħna niftakru propju fil-ħin ta’ meta saret il-ġrajja.  U allura jiena nieħu din l-okkażjoni biex niftakar f’żewġ mumenti, għalija importanti ħafna, ta’ meta ġejt magħżul u nerġa nġeddidhomn hawnhekk quddiemkom.

L-ewwel episodju kien meta kont mort għand in-Nunzju u dan kien qalli li l-Q.T. il-Papa kien għażilni bħalha Isqof. U jiena niftakar dak il-ħin – naħseb hija ħaġa normali, umana ħafna – għidtlu ħa nieħu ftit ħin ħin ħalli naħsibha. U dak il-ħin qalli: u la qed jgħidlek il-Papa biex tagħmel din il-ħaġa, ma tobdix?  U niftakar dak il-ħin stess jiena aċċettajt li naqdi dan il-ministeru fil-Knisja.  U allura nixtieq nġedded dak l-att ta’ ubbidjenza li għamilt, ħames snin ilu lejn il-Q.T. il-Papa.

It-tieni episodju li niftakar minn dawk il-jiem huwa li meta kont għamilt l-omelija f’dik il-ġurnata, jiena kont wegħedt lil poplu Malti li dak li għandi f’idejja nagħtihulhom. Jiena m’ġħandiex kollox f’idejja, l-uniku ħaġa li għandi f’idejja hija l-ħajja tiegħi u dak il-ħin quddiem il-poplu ta’ Malta jiena wegħedt li nagħti lili nnifsi kollni kemm jien biex inkun nista’ naqdi dan il-ministeru tiegħi.  Il-kumplament irid jagħmlu l-Ispirtu s-Santu.  U allura anke llum jiena nixtieq inkompli dik il-wegħda li għamilt dak inhar, nerġa nġedded ir-rieda sħiħa tiegħi li jiena nagħti lili nnifsi, il-possibiltajiet kollha biex naqdi dan il-poplu li l-Mulej ħatarni Isqof tiegħu.  Dak kien li ġara ħames snin ilu.

Imma aħna meta nagħmlu anniversarju ma nkunux qegħdin naraw biss l-ġurnata li nkunu qegħdin infakkru, imma nkunu qegħdin infakkru ħames snin minn meta ngħatat dik l-wegħda min-naħa tiegħi lil Alla l-Imbierek.  U jiena nixtieq nirringrazzja lil Alla l-Imbierek propju għal dawn il-ħames snin, għal kull grazzja li tani, anke meta f’xi mument ma kontx ċar biżżejjed quddiemu, u l-Mulej reġa ħafirli, reġa ħatarni mill-ġdid biex jiena nkun nista’ naqdih.

Imma ħuti li xtaqt li naqsam magħkom illum huwa l-valur ta’ dawn il-ħames snin.  Jekk dawn il-ħames snin tgħoddhom bħalma jgħodduhom il-bnedmin tad-dinja, allura dawn ifissru – għamilt daqsxejn il-kalkolu – elf u tmien mitt ġurnata li jiena kont u għadni Isqof ta’ Malta.  Imma jekk nikkalkolaw daqsxejn iż-żmien u narawh min-naħa ta’ Alla l-Imbierek, aħna nindunaw li jkollna viżjoni differenti ta’ kif nikkalkolaw il-ħin u ż-żmien.  U jiena ħassejt li t-tlett lezzjonijiet li smajna llum jistgħu jagħtuna dwal differenti ta’ kif jiena fil-futur u intom nivvalutaw il-ħajja tagħna.

L-Ewwel Riflessjoni

Fit-tieni lezzjoni tal-lum (Kor 7,29-31), għandna l-ewwel riflessjoni: il-ħin tagħna rridu nikkalkolawh fid-dawl ta’ l-eternita.  Tiftakru S. Pawl x’qal: iż-żmien wasal, kunu attenti, tingħalqux f’dik li hija r-realta bażikament umana li intom tgħixu, imma nfetħu għall-grazzja t’Alla.  Din hija l-ewwel riflessjoni u tafu, ħuti, li aħna nistgħu ngħixuha jekk aħna niftakru f’xi ħaġa li kien qal il-Papa Ġwanni Pawlu II: id-divinita, jiġifieri l-Iben t’Alla daħal fl’umanita biex l-umanita, iż-żmien, ikollha dimensjoni ta’ eternita.  Minħabba li Sidna Ġesu Kristu daħal fl’istorja tagħna hemm diversi għemejjel li meta nagħmluhom ikollhom valur ta’ eternita.

Allura l-ewwel riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom hija propju din: kemm hu sabih li aħna fil-mixja li nagħmlu, ġurnata wara l-oħra, nikkalkolaw quddiem Alla l-Imbierek dawk l-għemejjel tagħna li għandhom valur biss uman u li jispiċċa u dawk l-għemejjel tagħna li fihom infushom għandhom iż-żerriegħa ta’ l-eternita. M’hemmx għalfejn ngħidu li la darba iż-żerriegħa ta’ l-eternita daħħalha fl’umanita’, Sidna Ġesu Kristu, kull ħaġa li aħna nagħmlu f’ismu, f’isem Sidna Ġesu Kristu, għandha ż-żerriegħa ta’ l-eternita’.

U allura b’din l-ewwel riflessjoni ejjew nibdew nikkalkolaw il-ħin tagħna, iż-żmien tagħna, ġurnata wara l-oħra, minn kemm aħna ħadna minn din iż-żerriegħa ta’ l-eternita, daħħalniha u għexniha fil-ħajja tagħna u hekk saret passaġġ għal ħajja ta’ dejjem.  Kemm hu sabiħ. ħuti, li aħna nagħrfu li għalina li nemmnu, l-insara, m’hemmx qtugħ; hemm passaġġ, hemm punt li permezz ta’ din id-dinja li aħna ngħixu fid-dawl ta’ l-eternita, aħna nidħlu fl’eternita.

Mela din hija l-ewwel riflessjoni li jiena xtaqt li naqsam magħkom.  Nitlob ’l Mulej u ngħaqdu miegħi intom ukoll:  Mulej jiena xtaqt u nixtieq li l-ġranet tiegħi ikunu verament ġranet ta’ eternita, ġranet li fihom dik il-parti minnha li hija x-xrara ta’ l-imħabba tiegħek li hemm ġewwa fina, inti tkun  tista’ tkattarha.

It-Tieni Riflessjoni

It-tieni riflessjoni li aħna kellna illum hija d-dimensjoni ta’ dixxipulat. Fil-Vanġelu tal-lum (Mk 1, 14-20) rajna lil Sidna Ġesu Kristu jiltaqa’ ma’ erbgħa sajjieda.  F’daqqa waħda dawn is-sajjieda il-forma tal-ħajja tagħhom inbidlet.   Qabel kienu sajjieda, ġustamaent; meta ltaqgħu mal-Mulej, Ġesu sejħilhom u huma saru dixxipli tiegħu.  U din hija t-tieni: in-nisrani jagħti valur lil kull ġurnata tal-ħajja tiegħu daqskemm jgħixha bħala dixxiplu ta’ Alla l-Imbierek, daqskemm jgħixha bħala dixxiplu ta’ Sidna Ġesu Kristu.  Għalhekk jiena xtaqt ukoll li nfakkarkom: imma x’jiġifieri tkun dixxiplu tal-Mulej Ġesu?   U xtaqt infakkarkom f’dawn l-erba kelmiet li Sidna Ġesu Kristu qal fi żmien u li jgħoddu għal kull dixxiplu sakemm tispiċċa d-dinja.  U dawn huma l-erbgħa kelmiet:

Indmu: jiġifieri li d-dixxiplu qatt ma wasal, id-dixxiplu dejjem ikollu x-xewqa ġo fih li jibqa’ jikber; ġieli tkun mid-dnub għall-grazzja, imma ġieli tkun mill-grazzja għal grazzja akbar, li wieħed ikun qiegħed jitlob lil Mulej.  Indem, inbidel. Indmu u emmnu fil-Bxara t-tajba.  Dixxiplu huwa dak li l-kelma tal-Bxara t-tajba jibqa’ jħares lejha b’tant kurżita u tant għatx u tant ġuħ biex hu jsir jafha ħalli jikber fiha għaliex tant hija wiesa’, tant hija kbira li l-ebda ħajja umana ma tista’ tasal biex tidħol biżżejjed fil-fond tagħha u ma tibqax tixtieq li tkun imdawla minnha.

Ejjew u Araw:  Imbagħad rajna fil-Vanġelu tal-lum meta Sidna Ġesu Kristu iltaqa’ maż-żewġ dixxipli l-oħrajn u qalilhom dawn iż-żewġ kelmiet: ejjew u araw.  Id-dixxiplu tal-Mulej huwa dak li jixtieq jgħix il-ħajja qrib Sidna Ġesu Kristu.  Ħuti, aħna lkoll nafu imma rridu nsiru nafuha akttar: il-Vanġelu mhux ktieb li huwa miktub biss; l-Vanġelu kien il-ħajja ta’ Sidna Ġesu Kristu li l-ewwel ingħexet f’dak kollu li jfisser fil-ferħ, fit-tbatija, imbagħad wara li ngħexet minn Sidna Ġesu Kristu, ġiet miktuba ġewwa ktieb.  Dan ingħad fl’aħħar Sinodu tal-Iqsfijiet: aħna m’aħniex persuni tal-ktieb, aħna persuni tal-kelma li mbagħad saret ktieb, ħalli mbagħad ssir kelma ġewwa fina.  U għalhekk id-dixxipli tiegħu Sidna Ġesu Kristu qalilhom: ejjew u araw.

Nagħmel minnkom sajjieda: U fl’aħħar qalilna l-aħħar kelma: għaliex iridhom dixxiplu tiegħu mhux għalihom infushom biss, imma għaliex minnhom irid jagħmel appostli u qalilhom dik il-kelma: nagħmel minnkom sajjieda tal-bnedmin, persuni li għax imxew wara Kristu fid-dixxipulat u saru jafu lil Kristu, kapaċi jgħadduh lill-oħrajn u kapaċi li jagħmlu lill-oħrajn li jimxu wara l-Mulej Ġesu.

Din hi t-tieni riflessjoni li xtaqt nagħmel, mhux importanti n-numru ta’ ġranet li jiena nkun għamilt Isqof, daqskemm jekk jien ngħixhomx bħala dixxiplu tal-Mulej u nqassamhomx lill-oħrajn bħala dixxipli tal-Mulej.

It-Tielet Riflessjoni

It-tielet u l-aħħar riflessjoni li xtaqt naqsam magħkom hija li l-ħajja tagħna jrid ikollha id-dimensjoni ta’ l-imħabba ta’ Alla lejn il-bnedmin kollha li hawn f’din id-dinja. Fl’ewwel lezzjoni (Ġona 3, 1-5.10) għandna l-istorja ta’ Ġona; min jaf dik l-istorja jaf kemm iġġieled Ġona ġo fih innifsi, ma ridtx imur qalb dan il-poplu pagan u Alla jerġa jimbuttah biex imur ġo Ninwe ħalli jkun jista’ jagħtih il-kelma halli jkun jista’ jikkonvertih.   U allura t-tielet dimensjoni hija din: aktar ma jgħaddi ż-żmien allura aktar ma jkollna esperjenza ta’ persuni oħrajn, aktar l-imħabba tagħna lejn l-umanita tikber fid-dawl ta’ l-imħabba ta’ Alla l-Imbierek.  Kemm hu sabih li taqra silta bħal din, taf li Alla l-Imbierek ta’ każ ta’ dan il-poplu ta’ Ninwe li ma kienx il-poplu tiegħu, imma jħobbu u bagħat lil Ġona biex ikun jista’ jagħtih il-kelma.

U din hija t-tielet dimensjoni, ħuti.  Il-ħames snin tiegħi jgħoddu daqskemm jiena ħallejt lil Mulej jużani ħalli nwassal il-kelma tiegħu lil bnedmin kollha ħalli jkunu jistgħu jagħrfu lilu. U hekk aħna lkoll li qegħdin  hawnhekk, ejjew ngħoddu l-jiem tagħna ta’ ħajjitna mhux mit-tul tagħhom; diġa hija grazzja li tkun għext ħajja twila, imma mhiex biżżejjed għaliex permezz ta’ dik il-ħajja twila, ħaddieħor ikun jista’ jiggwadanja minnha propju għaliex Alla l-Imbierek qed jibgħatna, aħna li doqna l-imħabba ta’ Alla l-Missier, biex permezz tagħna, iwassal l-imħabba tiegħu lil-oħrajn.

Dawn huma t-tlett dimensjonijiet li jagħtu valur lil ħajja tagħna.  Nerġa nfakkarkom, ħuti, ħalli niftakru x’kienu:

L-ewwel waħda id-dimensjoni tal eternita;

It-tieni waħda d-dimensjoni tad-dixxipulat fi ħdan l-Knisja.

U t-tielet dimensjonital-imħabba t’Alla. Il-misteru kbir. Ftit ilu fil-Liturġija smajnih lil S. Pawl jistagħġeb b’dan il-misteru kbir li Alla l-Imbierek fetah is-salvazzjoni tiegħu mhux biss lil-poplu tiegħu imma anke lil-pagani. It-tielet dimensjoni hi daqskemm jirnexxielna nidħlu aktar fil-profond l-imħabba t’Alla l-Missier f’ kull persuna li niltaqgħu magħha.

Ħuti, jiena nagħlaq hawnhekk.  Nitlobkom li titolbu lil Alla l-Imbierek mhux biss għat-tul tas-snin daqskemm ngħix, importanti wkoll imma sekondarju; itolbu lil Mulej għalija b’mod speċjali imbagħad għalina lkoll flimkien propju fid-dimensjoni ta’ dawn it-tlett valuri.  Jalla l-Mulej jagħmel li aħna lkoll flimkien, jiena bħala Isqof, intom li flimkien miegħi tagħmlu l-Knisja ta’ Kristu, nagħmlu li verament l-jiem tagħna jkunu jgħoddu bħala għotja, bħala don mingħand Alla l-Missier biex inkunu nistgħu naqduh.

+Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta