Katidral tal-Imdina

25 ta’ Diċembru 2011

Ħuti,

aħna ġejna hawnhekk biex nerġgħu nġeddu t-tifkira tal-miġja tas-Salvatur tagħna fostna taħt forma ta’ tarbija.   U ġejna hawnhekk għaliex aħna nemmnu li t-twelid ta’ Ġesu tarbija ma kienx maħsub biss biex iwassalna għall-ħajja ta’ dejjem imma l-miġja tas-salvatur tagħna kienet maħsuba wkoll biex aħna nbiddlu l-istil tal-ħajja tagħna fuq din l-art biex dan l-istil tal-ħajja tagħna ikun triq li mbagħad twassalna għal ħajja ta’ dejjem.

F’dan il-lejl aħna ma rridux niċċelebrawh biss b’mod estern li jaqa’ taħt is-sensi tagħna imma b’mod speċjali aħna rridu nidħlu ġewwa fina u niċċelebrawh fl-ispirtu tagħna ħalli ssir bidla f’kull wieħed u waħda minna.  Fil-fatt fil-ġrajja tal-Vanġelu tal-lum (Lq 2, 1-14) aħna rajna lil dawn ir-ragħajja li l-ewwel ġew ippreparati mill-anġli, b’dik il-kurżita, b’dik ix-xewqa li jkunu jafu fl-ispirtu tagħhom imbagħad wara huma ġew u raw bis-sensi tagħhom fil-fatt lit-tarbija u hemmhekk saret bidla fl-ispirtu, bidla li t-tarbija saret il-bxara t-tajba u allura setgħu imorru jirrakuntaw dak li huma raw.

U aħna llum ġejna hawnhekk b’dan l-istess spirtu, ġejna imħejjin fl-ispirtu tagħna biex illum nisimgħu l-kelma tal-Mulej, ġejna hawnhekk biex bis-sensi tagħna nisimgħu u naraw u aħna inkunu nistgħu niċċelebraw din il-festa sħiha biex imbagħad wara noħorġu minn hawn hekk bil-kelma bħala l-bxara t-tajba, tidħol ġo l-ispirtu tagħna biex inkunu nistgħu ngħadduha anke lill-oħrajn.  U naħseb li dan il-lejl jagħtina lok kbir biex aħna nkunu nistgħu niċċelebrawh b’mod li jbiddel xi ħaġa fil-ħajja tagħna.

Jiena xtaqt li f’dan il-jum aħna nagħmlu daqsxejn ta’ riflessjoni fuq din il-kelma dinjita. F’dak il-lejl aħna l-bnedmin kellna proposta ġdida ta’ xi tfisser dinjita fid-dawl tal-Vanġelu li aħna tajjeb li f’dan il-lejl naċċettawh ġewwa fina u ngħixuh.  In-nisrani għadu mod propju kif hu jgħix id-dinjita li hija ħafna differenti minn dik li tgħixu d-dinja. Fil-fatt dak il-lejl min jaf kemm kien hemm nies li f’għajnejn il-bnedmin kellhom ħafna dinjita u forsi kienu qegħdin jixxalaw, kienu qegħdin jgħixu l-ħajja tagħhom f’dinjita ta’ din id-dinja,  min-naħa l-oħra għandna din il-proposta tad-dinjita fil-faqar ta’ Sidna Ġesu Kristu f’dan l-għar ta’ Betleħem.

U jiena xtaqt  li ngħid u nagħmlu din il-mistoqsija: imma x’inhi din id-dinjita li dehret f’dan il-lejl ta’ Betleħem?  Naħseb l-ewwel dinjita li aħna rridu nirriflettu fuqha hija d-dinjita ta’ Alla l-Imbierek.  Aħna  bħala bnedmin dejjem nagħmlu paragun tad-dinjita ta’ Alla mad-dinjita li jixtiequ l-bnedmin u nagħtu lil Alla dik il-forma ta’ dinjita.  U fl’għar ta’ Betleħem din l-idea ta’ dinjita nbidlet totalment.  Alla ried jieħu d-dinjita tiegħu meta sar bniedem billi huwa jsir Emmanwel u jgħix fostna.  Id-dinjita ta’ Alla l-Imbierek għalina l-insara li aħna rridu nagħtuh, hija meta nħalluh li jkun l-Emmanwel fil-ħajja tagħna. Ħuti, kemm ma tagħmilx sens biżżejjed jekk aħna din ir-relazzjoni ma’ Alla l-Imbierek inħalluha li tkun ħafna bogħod minn darba għall’oħra minn flok ma nħallu din id-dinjita tidħol ġol-ħajja tagħna ta’ kuljum b’mod speċjali fil-familji tagħna u aħna ngħixuha f’dik il-forma ta’ dinjita. Hemmhekk inkunu qed nagħtu id-dinjita vera li Alla l-Imbierek bagħtilna f’dan il-lejl tal-Milied.

F’dan il-lejl tal-Milied anke d-dinjita tal-bniedem inbidlet għaliex aħna nafu  li diġa kellu dinjita l-bniedem meta Alla ħalqu xbieha tiegħu kif naqraw fil-ktieb tal-Ġenesi.  Imma meta l-Iben t’Alla sar bniedem, id-dinjita tal-umanita tant kibret li Alla seta jara anke fina dak li ra f’Ibnu l-għażiż.  U allura d-dinjita tagħna għoliet għaliex issa saret ħaġa waħda mad-dinjita ta’ Sidna Ġesu Kristu; aħna sirna wlied adottivi għaliex f’dan il-lejl propju Sidna Ġesu Kristu, l-Iben t’Alla, sar bniedem bħalna u allura d-dinjita tan-nisrani irid iġibha meta jħares ġewwa fih u jagħmel mumenti li fih ikun jista’ jikkontempla dan il-misteru kbir. Biex ngħiduha b’mod li aħna nistgħu nifhmuha: kemm joqgħod kwiet u jixxemmex daqsxejn f’dan id-dawl tal-imħabba kbira ta’ Alla l-Imbierek.  Id-dinjita tal-bniedem, ħuti, tan-nisrani ifittixha billi aktar iħalli ’l Alla jidħol propju fih innifsu.  Id-dinjita tan-nisrani ma jġibhiex minn xi ħaġa esterna, minn xi ħaġa li tidher, imma jġibha propju daqskemm iħalli spazju f’ħajtu biex din id-dinjita tkun tista’ tidher. U allura f’dan il-lejl Sidna Ġesu Kristu qiegħed jistaqsina lkoll biex fil-ħajja tagħna inħallulu iktar spazju fejn jista’jidħol.  Tonqos forsi d-dinjita ta’ din id-dinja – fiha nfisha għandha l-valur –  u tikber id-dinjita li aħna nieħdu minn għand Alla l-Imbierek.  Din hija d-dinjita propju li jrid ifittex in-nisrani.

F’dan il-lejl inbidlet ukoll id-dinjita tal-familja għaliex f’dan il-lejl Alla l-Imbierek għoġbu jħalli lil-Ibnu li ġie fostna bħala bniedem propju f’idejn familja li tkun tista tagħtih u tkabbru bħala bniedem fid-dinjita kollha tiegħu.  Jekk Alla l-Imbierek, ħuti, uriena din il-fiduċja li għandu fil-familja li hu għamel familja propju ta’ Marija u Ġużeppi ħalli din it-tarbija tkun tista’ titwieled fid-dinja u tiġi fostna, allura d-dinjita tal-familja umana saret dinjita kbira ħafna u naqilbuha anke din id-dinjita, id-dinjita ta’ kull familja li trabbi lil kull tarbija li tiġi fid-dinja fl’istess għożża li Alla l-Imbierek ipprepara propju għall-Iben tiegħu meta ġie fostna. Il-familja hija dik li Alla l-Imbierek jafda fiha propju l-imħabba tiegħu lejn kull tarbija li titwieled u jippretendi u jagħti l-għajnuna kollha biex kull tarbija titwieled u tikber u titrabba imdawra minn din id-dinjita li Alla l-Missier jagħti lil kull hlejqa li tkun fid-dinja bħalma hu ta lil Ibnu li ġie fid-dinja.

U d-dinjita tal-bnedmin differenti f’dan il-lejl ħadet ukoll togħma differenti. Aħna bħala bnedmin, ħuti, dan li qed ngħid mhu xejn, jekk taqraw il-Vanġelu taraw li dan kollu mbagħad Ġesu jispjegah fil-Vanġelu, fil-parabboli, fit-tagħlim tiegħu propju x’inhi d-dinjita tal-bnedmin l-oħra.  F’din id-dinja aħna bħala bnedmin nieħdu gost li aħna nkunu nistgħu nistiednu d-dinjitarji, dawk li d-dinjita tagħhom ħafna drabi jeħduha mill-pożizzjoni tagħhom fis-soċjeta u f’affarijiet bħal dawn. F’dak il-lejl tal-Milied id-dinjita tal-bnedmin li ġew mistednin kienet id-dinjita tar-ragħajja mhux għaliex il-bnedmin li għandhom id-dinjita f’din id-dinja mhux importanti imma għaliex l-importanza tagħhom ma tiġiex mit-tlelliex ta’ din id-dinja imma għaliex huma bħal kull bniedem ieħor, huma wlied Alla.  U allura b’mod speċjali f’dan il-lejl, il-Mulej qiegħed jgħidilna biex aħna nibdew nagħmlu d-dinjita lil bnedmin kollha:  min jinsab fil-ħabs, dawk li qegħdin jiġu fostna li ifittxu l-għażil, dawk li huma fqar u nibdew inħarsu lejn il-bniedem mhux l-ewwel mill-qoxra li taqa’ taħt is-sensi tagħna, imma l-ewwel mill-ispirtu biex imbagħad tmur għal dik li hija l-qoxra li naraw bis-sensi tagħna.  Hija din il-kwalita ta’ dinjita li f’dan il-lejl Alla l-Imbierek iridna bħala insara li aħna ngħixu.

Allura, ħuti, aħna f’dawn l-jiem kemm tħabatna biex ahna naraw ftit x’jixtiequ ħaddieħor biex nagħtuhom ir-rigali. Kemm tħabatna biex din id-dinjita ta’ Alla l-Imbierek aħna nkunu nistgħu anke niċċelebrawha b’din il-liturġija solenni, niċċelebrawha u nkompluha anke billi jkollna fil-familji tagħna il-parties li aħna nagħmlu bejnietna u dan kollu huwa ta’ valur.   Imma jiena nixtieq illum f’dan il-lejl li nipproponi rigal li aħna nistgħu nagħtu lil xulxin u din hija d-dinjita, din hija r-rigal li inti tagħti lil kull persuna, id-dinjita li Alla l-Imbierek poġġa fil-qalb ta’ kull persuna.  Hijiex fuq il-post tax-xogħol, u jien nagħti d-dinjita lil dawk li hemm madwari għax forsi għandi awtorita u naħseb li d-dinjita tonqos jew tikber fl’awtorita li jien għandi f’din id-dinja.

U b’mod speċjali, ħuti, u nixtieq li dan ikun il-messaġġ qawwi tiegħi:  fil-familji tagħna, ħuti, jekk hemm post fejn id-dinjita nisranija tista’ verament tikber, hija propju fi ħdan il-familji.  Hemmhekk aħna rridu nitgħallmu din id-dinjita kristjana. Dan l-aħħar kien qiegħed jitkellem il-Papa Benedittu u qal: l-ebda messaġġ nisrani ma jista’ jagħti u verament ikun fl’għeruq tal-eżistena tagħna jekk ma jgħaddhiex b’mod speċjali minn ħdan il-familji.   Ħuti, jiena ngħidilkom f’dan il-lejl, f’dan il-jum, u kompluh ħajjitkom kollha, araw ftit il-mara tiegħek, ir-raġel tiegħek, jekk intix qed tagħtih id-dinjita li ħaqqu jew ħaqqha bil-mod kif inti titkellem, bil-mod kif inti tirrispettah.  Araw ftit, ġenituri, jekk intomx qegħdin tagħtu d-dinjita propja lil uliedkom billi tagħtuhom spazju li jkunu jistgħu jieħdu minn għandkom l-esperjenzi tagħkom ħalli jkunu jistgħu jidħlu f’din id-dinjita nisranija.  Irridu naraw it-tfal, qed ngħid mhux it-tfal żgħar biss imma qed nitkellem għalina lkoll, jekk id-dinjita li ħaqqhom il-ġenituri tagħna aħniex qegħdin nagħtuhilhom, id-dinjita ta’ l-attenzjoni, id-dinjita ta’ radd il-ħajr ta’ dak kollu li jagħmlu magħna.

Ħuti, aħna spiċajna l-Ittra lil Titu illum (Tit 2, 11-14), dik is-silta li kellna, li Alla l-Imbierek ried li jkollu poplu għalih, imħeġġeġ sewwa għat-tajjeb.  Ħuti, jalla l-poplu tagħna hawnhekk, li qegħdin flimkien u dawk li qed jarawna u jisimgħuna, jalla nkunu verament poplu mħeġġeġ sewwa biex jagħti id-dinjita li jistħoqqlu lil kull persuna.

+ Pawlu Cremona O.P.

Arċisqof ta’ Malta