Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna
Fil-lejl qaddis tal-Milied infakkru messaġġ sabiħ li wasslu l-anġli lir-ragħajja ta’ Betlehem: “Glorja lil Alla fl-ogħla tas-smewwiet, u paċi fl-art” (Lq 2:14). Paċi fl-art lill-bnedmin li Alla jħobb tassew; paċi fl-art lill-bnedmin ta’ rieda tajba.
Din is-sena, aħna u nħarsu lejn l-Art Imqaddsa, nitolbu b’talba ħerqana għall-paċi u nibku eluf u eluf ta’ vittmi tal-ħruxija tal-bniedem. Donnu Erodi għadu magħna fil-qalb ta’ kull bniedem. Nixtiequ nuru s-solidarjetà tagħna lil Iżrael u lill-Palestina. Nitolbu biex il-Mulej, bil-grazzja ta’ dan il-jum qaddis tal-Milied tas-sena 2023, irattab lebusija tal-qlub tal-bnedmin.
Qegħdin fit-tarf ta’ din is-sena, u fl-għatba tas-sena ġdida, l-2024, li għal Malta tagħna hija sena importanti ħafna ta’ żewġ anniversarji importanti. Malta, fl-2024, tagħlaq 60 sena bħala stat indipendenti, u 50 sena bħala repubblika. Illum nixtieq noffri t-talba u l-awgurju tiegħi għal Milied qaddis billi nislet ħsibijiet ispirati minn dak li kiteb il-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila, meta bħala innu nazzjonali għażel talba sabiħa lil Alla.
It-talba ta’ Dun Karm għall-pajjiż
Fit-tieni strofa tal-innu nazzjonali, Dun Karm jitlob lil Alla biex ibierek lil Malta b’ħames doni importanti. Fil-vers “Agħti kbir Alla,” il-poeta jenfasizza li dak li nistgħu nitolbu għalih huwa don ta’ Alla. L-ewwel messaġġ li nixtieq nagħmel lil ħuti l-Maltin u l-Għawdxin illum f’dan il-jum qaddis, huwa li dak li qegħdin nitolbu se nirċevuh bħala don mingħand Alla, imma għaliex huwa don, huwa wkoll responsabbiltà. Dun Karm, fit-tieni strofa tal-Innu Malti, talab għal ħames rigali kbar, għal ħames teżori, li jfasslu u jsejsu l-ħajja tagħna flimkien bħala soċjetà, bħala nazzjon. Talab għad-dehen, għall-ħniena, għas-saħħa, għall-għaqda, u għas-sliem.
Id-dehen li Dun Karm talab għall-ħakkiema, għal min jiggverna, għal min għandu s-setgħa jagħmel il-liġijiet, huwa don li huwa wkoll don minn Alla; għax id-dehen huwa għerf, għaqal, integrità—ix-xewqa li wieħed jaħdem b’ġenerożità għall-ġid komuni. It-talba tagħna f’din is-sena li ġejja tkun li min jaħkem lis-soċjetà tagħna bl-awtorità leġittima tiegħu, juri dehen, għaqal u għerf fid-deċiżjonijiet li jieħu, fl-istil tal-governanza tiegħu.
Il-ħniena Dun Karm talabha għas-sid, imma s-sid huwa dak li għandu responsabbiltà fuq xi ħadd u b’xi mod. Aħna lkoll responsabbli ta’ xulxin. Il-ħniena, mhix biss li wieħed jaħfer imma wkoll li wieħed juri kompassjoni u mogħdrija. Il-ħniena mhux biss bejnietna l-Maltin u l-Għawdxin imma l-ħniena wkoll ma’ dawk li qed jgħixu fostna. Madwar 20% tal-popolazzjoni tal-gżejjer tagħna hija magħmula minn nies li ġew fostna biex jaħdmu u jagħmlu ħajja ġdida. Irridu nuru ħniena u solidarjetà ma’ ħutna, huma min huma.
Imma l-ħniena li nixtieq nitlob għaliha llum f’dan il-jum qaddis hija ħniena wkoll mal-ħolqien ta’ Alla, li aħna nieħdu ħsieb il-ħolqien, li nieħdu ħsieb il-ġenerazzjonijiet futuri li għadhom ma tweldux. Waqt li nieħdu ħsieb l-ambjent, il-ħolqien, u l-patrimonju sabiħ tagħna li rċevejna, nuru ħniena tassew magħna nfusna, ma’ wliedna, u ma’ wlied uliedna.
Don ieħor kbir li Dun Karm jitlob għalih fl-Innu Malti huwa s-saħħa; is-saħħa lill-ħaddiem, lil kull min qiegħed fil-qasam tax-xogħol, tas-servizzi u tal-intrapriża. F’dan il-kuntest, is-saħħa mhix biss fiżika, imma wkoll saħħa mentali, saħħa psikoloġika, saħħa spiritwali. Hija saħħa li bl-Ingliż insejħulha wkoll ‘wellbeing’, li inti tħossok tajjeb. Din hija s-saħħa vera li nixtiequ nawguraw lil xulxin f’dan il-Milied u hija wkoll saħħa li tagħti futur lill-pajjiż.
Meta nitlob lil Alla biex jagħtina d-don tas-saħħa, nifhem ukoll li jbierek lis-soċjetà tagħna bid-don tal-ulied. Għaliex Malta ma jkollhiex futur jekk ma nibqgħux ngħożżu, kif qed nagħmlu u nagħmlu tajjeb, id-don tal-ulied. Imma rridu nammettu, l-aħwa, li l-ammont ta’ trabi li qed jitwieldu naqas ħafna. Ma jiddependix biss mill-għotja ta’ Alla, imma wkoll mis-sens kbir ta’ ġenerożità, ta’ tama, u ta’ mħabba li l-koppji tagħna nistedinhom biex jgħixu b’ġenerożità u b’impenn kbir. L-ulied huma barka u huma wkoll is-saħħa tal-pajjiż u l-futur tiegħu. Aħna, wara kollox, qegħdin niċċelebraw it-twelid ta’ tarbija. Nawgura li f’dan l-anniversarju importanti għal Malta tagħna—60 anniversarju ta’ stat sovran u 50 anniversarju mir-Repubblika—aħna jkollna wkoll barka ta’ wlied ġodda, ta’ ġenerazzjonijiet ġodda, ta’ ċittadini Maltin u Għawdxin.
Dun Karm itemm l-Innu Malti billi jitlob lil kbir Alla jseddaq fostna l-għaqda u s-sliem. L-armonija soċjali tiġi mill-għatx għall-ġustizzja, mill-għatx għall-onestà. L-għaqda tiġi msejsa meta nirrispettaw lil xulxin mhux biss bil-kliem u bil-ħsieb, imma anke bl-għemil tagħna. Is-sliem bejnietna huwa wkoll garanzija ta’ kwalità sabiħa tal-ħajja. L-għaqda u s-sliem huma sentimenti importanti li aħna niċċelebraw u nixtiequ lil xulxin f’dawn il-jiem tal-Milied.
Jiena nawgura li dawn il-ħames barkiet li Dun Karm jitlob fuq pajjiżna fl-Innu Malti jkunu barkiet li aħna naħdmu għalihom imma fl-istess ħin nilqgħuhom wkoll bħala don kbir ta’ Alla. Meta nagħmlu hekk nifhmu li forsi bil-qawwa tagħna ma nistgħux naslu, imma flimkien u bl-għajnuna ta’ Alla nistgħu.
800 sena ta’ ċelebrazzjoni ta’ mħabba
Din is-sena l-Knisja qiegħda tfakkar ukoll anniversarju importanti. 800 sena ilu, San Franġisk, fir-raħal ċkejken ta’ Greccio, ħoloq l-ewwel presepju. Niftakar ukoll li l-qaddis tagħna San Ġorġ Preca kien jinsisti mas-soċji tiegħu biex jippruvaw li f’kull dar fejn hemm it-tfal ikun hemm ukoll il-Grotta ta’ Betlehem, il-presepju. Kemm tkun ħaġa sabiħa li din l-użanza qaddisa tibqa’ ħajja, u fl-ambjenti kollha tagħna—anke f’dawk pubbliċi u fid-djar tagħna—nibqgħu nsibu l-presepju. Meta nħarsu lejn il-Grotta ta’ Betlehem aħna nifhmu li qegħdin niċċelebraw l-imħabba ta’ Alla f’tarbija ċkejkna f’maxtura. Il-kobor tal-ħniena ta’ Alla u l-imħabba tiegħu jħarsu lejna mill-għajnejn iżebbġu ta’ dik it-tarbija.
Ma’ Dun Ġorġ Preca, quddiem it-tarbija ta’ Betlehem, lil Alla ngħidulu: “Sinjur Alla, jiena għandi bżonnok”. Nawgura li s-soċjetà Maltija qatt ma tinsa din it-talba; li niżviluppaw kemm niżviluppaw lis-soċjetà tagħna u nimxu kemm nimxu ’l quddiem, nibqgħu nifhmu li għandna bżonn lil Alla. Għalhekk, il-messaġġ tal-Milied huwa messaġġ sabiħ, messaġġ ta’ tama.
Fuq Malta tagħna, hija u tibda tiċċelebra b’ferħ kbir anniversarji importanti, bħalma huma l-Indipendenza u r-Repubblika, nitolbu fuqha dak li għallimna nitolbu l-poeta nazzjonali: id-dehen, il-ħniena, is-saħħa, l-għaqda u s-sliem.
Nawgura lil kulħadd, b’mod speċjali lill-anzjani u l-morda tagħna, lil dawk li qegħdin fil-faċilitajiet residenzjali ta’ terapija, ta’ rijabilitazzjoni fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, u f’ambjenti oħra, u lill-familji kollha tagħna, Milied hieni u sena ġdida mimlija risq u barka.
Il-paċi magħkom.
✠ Charles Jude Scicluna
Arċisqof ta’ Malta