Screenshot: Google Earth

Il‑Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent (KA) tħoss li għadha ma teżisti l‑ebda informazzjoni soda u rigoruża, u li hija pubblika, li permezz tagħha wieħed ikun jista’ jgħarbel u jixtarr l‑alternattivi kollha biex l‑aċċessibbiltà bejn Malta u Għawdex titjieb. Dan wara li ħarġet l‑aħbar li Infrastructure Malta kienet bdiet il‑proċess li bih qed tfittex li tidentifika kumpanija jew konsorzju biex jibnu u joperaw il‑mina għal żmien definit.

Hija tħoss li mina bejn iż‑żewġ gżejjer qed tiġi preżentata bħala l‑unika soluzzjoni għal din il‑kwistjoni. Ta’ min isemmi l‑fatt li l‑introduzzjoni ta’ vapur ieħor f’dawn l‑aħħar xhur għen biex jitjieb is‑servizz ta’ mobbiltà u trasport bejn iż‑żewġ gżejjer għalkemm il‑wegħda li jkun aċċessibbli aktar għal persuni bi ħtiġijiet speċjali għal xi raġuni għadha ma seħħitx, u lanqas ma saret sejħa internazzjonali biex jinġieb vapur b’mod permanenti. Dan jasal biex isaħħaħ l‑impressjoni tal‑pubbliku li mina tkun l‑unika soluzzjoni għal aċċessibbiltà aħjar bejn il‑Gżejjer.

Dwar is‑sejħa għall‑offerti tal‑fast ferry service u tas‑servizz tal‑ħelikopter, il‑KA tistenna li l‑proċess tat‑tħejjija tad‑dokumenti tat‑tenders jew id‑deċiżjonijiet li jittieħdu wara sejħa għall‑offerti jkunu għalkollox trasparenti.

Il‑Gvern jidher li qed jagħżel l‑alternattiva tal‑mina, mingħajr ma jippubblika l‑evalwazzjonijiet li saru dwar il‑ħlasijiet li jistgħu jintalbu għal servizzi alternattivi. Il‑ħlas se jkun negozjat fl‑aħħar tal‑proċess mal‑kumpanija li jkun għażel il‑Gvern. Il‑KA jidhrilha li ċ‑ċittadin għandu jkun jaf sew minn qabel kemm ser jintalab iħallas għall‑użu tal‑mina skont il‑volum tat‑traffiku li qed jissemma’.

Il‑KA tisħaq dwar il‑ħtieġa li l‑awtoritajiet jistudjaw bir‑reqqa l‑effetti ambjentali, soċjali u kulturali ta’ kull alternattiva. Dan irid iqis l‑effetti fuq il‑gżejjer tagħna b’mod ġenerali imma fuq kollox fuq il‑komunitajiet ta’ nies li għal mijiet ta’ snin kienu jgħixu fl‑inħawi ta’ fejn hu propost li tiżbokka l‑mina fl‑inħawi tal‑Għerien, l‑Imbordin u l‑Manikata. Il‑KA mhix konvinta li dan il‑proġett mhux se jservi sabiex jiġġustifika l‑bżonn tar‑riklamazzjoni tal‑art u fl‑istess ħin jgħatti d‑dnubiet tal‑prattiċi mhux sostenibbli fejn jidħol l‑iskart tal‑kostruzzjoni.

Barra minn dan, il‑KA tistaqsi: xi studji serji hemm ippubblikati dwar l‑impatt tal‑mina fuq it‑turiżmu intern? X’ser ikun l‑impatt li se jkollu l‑proġett fuq is‑sidien tal‑appartamenti turistiċi/farmhouses? Jekk, skont rapporti li dehru fil‑media, it‑tkabbir ekonomiku f’Għawdex tjieb tant li qabeż lil dak ta’ Malta, u dan mingħajr il‑mina, mela x’inhu l‑valur miżjud ta’ dan il‑proġett?

Dwar l‑għażla għal aċċessibbiltà aħjar bejn il‑Gżejjer, il‑KA ssostni li fil‑proċess kollu għandu jkun hemm l‑ogħla standards ta’ trasparenza, valur għall‑flus, kompetizzjoni ta’ vera bejn kull min hu interessat li jidħol għall‑proġett, u, fuq kollox, il‑proġett għandu jkun sostenibbli minn kull lat. Għalhekk hija terġa’ tappella lill‑uffiċjali tal‑Awtorità tal‑Ippjanar, l‑Awtorità għar‑Rizorsi u Ambjent (ERA), l‑Uffiċċju tal‑Focal Point tal‑iStrategic Environment Assessment u Transport Malta biex jiżguraw li d‑Direttivi tal‑Environmental Impact Assessment u tal‑iStrategic Environment Assessment jiġu implimentati b’mod sħiħ.

Fuq kollox, qabel tagħti l‑kunsens tagħha dwar l‑alternattiva magħżula, l‑ERA għandha tesiġi li tkun konvinta li l‑mina hija l‑aħjar għażla għall‑aċċessibbiltà bejn iż‑żewġ Gżejjer minn fost alternattivi oħra.  

Fl‑aħħar nett, il‑KA temmen li l‑argument li l‑bini tal‑mina hija wegħda elettorali ma għandux saħħa, għaliex din il‑wegħda kienet saret fl‑assenza tal‑istudji kollha li saru wara (u li sal‑lum għadhom ma ġewx ippubblikati kollha). Hija tfakkar li l‑ambjent fil‑Gżejjer Maltin ilu jiġi kompromess ħafna f’bosta nħawi minħabba żvilupp bla rażan u żvilupp li ma jħarisx lil hinn mill‑imnieħer ta’ “żviluppatur” u li sar f’isem “il‑bilanċ”. L‑impenn li wiegħed il‑Gvern lejn żvilupp sostenibbli għandu jkun rifless f’azzjoni anke fil‑każ tal‑aċċessibbiltà bejn iż‑żewġ gżejjer, billi kull deċiżjoni li tittieħed tkun tassew tmur lil hinn mill‑interessi partikulari li jista’ jkun hemm fir‑raġunijiet marbuta magħha.