“Jekk narak tkellem lil raġel ieħor nifqagħlek wiċċek”. “Min iridek?” “M’intix normali… kieku inti raġel normali jkollok x’taqsam miegħi”. “Jekk ma noħroġx miegħek jien min tridu jiġbrok?” “Kemm int maħmuġ…” “Riħa ta’ annimali”…

Dawn huma biss uħud minn ħafna frażijiet ta’ abbuż li qalgħu mingħand ‘il-maħbubin’ tagħhom żgħażagħ ta’ etajiet differenti li tkellmu ma’ IL-ĠENSILLUM online fl-aħħar ġimgħat.

L-abbuż fir-relazzjonijiet ‘intimi’ jew aħjar relazzjonijiet bejn koppja li qed joħorġu flimkien, fi stadji differenti tar-relazzjoni li tista’ twassal għal żwieġ huma aktarx iżjed frekwenti milli naħsbu.

“Ir-riċerka turi li bejn kwart u terz tat-tfajliet f’relazzjoni jsofru xi forma ta’ abbuż,” qalet lil IL-ĠENSILLUM online Ruth Cutajar, Social Worker mill-Unit dwar Vjolenza Domestika tal-Aġenzija APPOĠĠ, li fissret li dawn huma xejriet ikkonfermati mir-riċerka madwar l-Ewropa.

Studju ppubblikat f’Settembru li għadda fir-Renju Unit wera riżultati allarmanti dwar il-vjolenza u l-abbuż fost relazzjonijiet ‘intimi’ bejn koppji adolexxenti f’dak il-pajjiż. Fost l-oħrajn, kwart tat-tfajliet u 18 fil-mija tal-ġuvintur sofrew xi forma ta’ vjolenza fiżika.

Tliet tfajliet minn kull erbgħa, u nofs il-ġuvintur, sofrew xi forma ta’ abbuż emozzjonali. Minn dawn, terz tat-tfajliet u sitta fil-mija tal-ġuvintur qalu li l-abbuż emozzjonali wassalhom għal problemi ta’ saħħa.

“Kont ili erba’ snin fir-relazzjoni mat-tfajla tiegħi,” fisser Matthew (l-ismijiet kollha huma vvintati biex titħares l-identità tal-persuna). “Jum fost l-orħajn ħammiġt il-qalziet. Bla ma ridt, moħħi mar fuq x’se tkun ir-reazzjoni tagħha… kemm se tibda tgħajjat miegħi.

Minkejja li n-namrat ta’ Laura kien il-ħabs, hija xorta waħda kienet vittma tal-abbużi tiegħu. Minn hemm ġew, huwa kien qed jikkontrollaha, jara fejn tmur, saħansitra spiċċat toqgħod mal-familja tiegħu biex ikun jaf fejn qiegħda.

John ukoll kien vittma ta’ abbuż fir-relazzjoni; abbuż li wasslu għal probblemi f’saħħtu.

“L-abbuż beda bil-mod il-mod, għajta ’l hemm, pressjoni ’l hawn. Bil-mod il-mod, inqbadt bħal f’gaġġa li ma stajtx naħrab minnha. Saħansitra bdejt bil-problemi fl-istonku. Qaluli li kelli barxa, u anki beda jkolli d-demm mal-bżieq… sakemm jum fost l-oħrajn ġietni opportunità li nsiefer għal xahar mingħajr it-tfajla tiegħi.

“Mhux biss ħassejtni liberu mill-ġdid, iżda l-problemi fl-istonku bħal b’miraklu sparixxew f’daqqa. Illum għaddew sentejn u ma reġgħux tfaċċaw,” huwa qal, waqt li fisser li kif ġie lura mis-safar temm ir-relazzjoni li kien ilu fiha disa’ snin. [Nota editorjali: is-sintomi mhux bilfors jirriflettu vjolenza domestika u jistgħu, f’ċirkostanzi oħra jkunu sintomi ta’ problemi fiżjoloġiċi u jew xorta oħra ta’ stress]

L-impatt fuq is-saħħa hu biss wieħed mid-diversi impatti li kwalunkwe forma ta’ abbuż jista’ jkollha fuq persuna, u li jvarjaw, fost oħrajn, minn tnaqqis fl-istima personali, post-traumatic stress disorder, dipressjoni, stress, trawma, perċezzjoni negattiva tal-irġiel kollha jew in-nisa kollha, u biża’ minn relazzjonijiet oħrajn. U jekk il-persuna tibqa’ fir-relazzjoni fejn ikun qed iseħħ l-abbuż, minbarra abbuż emozzjonali, il-vjolenza domestika tista’ tibda tinkludi wkoll abbuż fiżiku.

Ms Cutajar fissret li l-maġġoranza assoluta tal-każi ta’ abbuż li jiltaqgħu magħhom is-social workers tal-APPOĠĠ jirrigwardaw nisa u tfajliet – madwar 98 fil-mija. Fl-istess ħin, iżda, jista’ jkun li numru ta’ każi (li xorta jibqgħu statistikament minoranza) ta’ abbuż fuq irġiel, ma jidhrux hekk kif minħabba pressjoni soċjali, u l-mudell tar-raġel macho, dawn ma jirrappurtawx l-abbuż u/jew irġiel ‘abbużati’ ma jfittxux l-għajnuna.

Aktarx li l-iżjed forma ovvja ta’ abbuż f’relazzjoni hu l-vjolenza fiżika fejn ir-raġel, u inqas frekwentement il-mara, isawtu lis-sieħeb / sieħba tagħhom, jimbuttawhom jew iwaddbulhom xi oġġetti.

Iżda aktarx l-iżjed forma ta’ abbuż sottili u li jħalli impatt negattiv, hi dik emozzjonali, fejn il-perpetratur tal-vjolenza, litteralment jagħlaq lill-vittma f’gaġġa.

“Ma kienx iħallini nsuq. Ried iwassalni kullimkien. U allaħares kien jarani nitkellem ma’ xi ġuvni għax kien jagħmilli xenata,” irrakkontat tibki Michelle.

“Kien jheddidni, u jien kont nibża’ minnu. Anki wara li tlaqtu baqa’ jiġri warajja. Bdejt nirċievi ħafna telefonati, il-ħin kollu, imejls u messaġġi bla waqfien… u anki ġieli rajtu wara l-bieb, jistennieni.”

Ms Cutajar spjegat li normalment il-vjolenza ‘tikber’ bil-mod il-mod. Fl-għerusija x’aktarx li l-perpetratur tal-vjolenza jibda jżid id-doża tal-kontroll fuq il-vittma tiegħu, dak li jissejjaħ grooming. Jibda joffri li jwassal lill-vittma huwa, ikun irid imur jixtri magħha, anki ħwejjeġ u affarijiet tan-nisa. Jibda jikkontrolla x’tonfoq, kif tilbes u kif tagħmel xagħra, jekk tagħmilx make-up u oħrajn.

“Litteralment issir oġġett, imjassra, qisha f’gaġġa,” hija spejgat. “Aħna li twelidna liberi, bid-dinjità tagħna bħala persuni.”

“Is-sinjali ta’ abbuż jibdew jidhru minn kmieni,” wissiet Ms Cutajar. “Tibda tara l-mod kif jitkellem dwar in-nisa, li dejjem iwaqqagħhom għaċ-ċajt u juża kliem sessist.”

Hija rrikonoxxiet li mhux faċli li vittma ta’ vjolenza toħroġ minnha. U dan huwa iktar il-każ jekk il-vittma tkun għadha żgħira fl-età. Ħafna drabi l-vittmi jkunu mbeżżgħin minn dak li l-perpetratur tal-vjolenza (tista’ tkun mara) jista’ jagħmel jekk il-vittma (jista’ jkun raġel) titkellem.

F’ċerti każi, il-vittma nnifisha ma tkunx konxja ta’ dak li jkun għaddej minnha, jew tqis li din hi n-norma. Agħar minn hekk, il-vittma spiss tinterpreta l-abbuż bħala mħabba.

“Spiss tiltaqa’ ma’ vittmi li jgħidulek: ‘li tgħir mhux imħabba?’ jew ‘mhux ovvja li jirrabja jekk ilbist dublett qasir?’ inkella ‘la rani nkellem ġuvni ieħor mhux bilfors se jirreaġixxi ħażin?’” irrakkuntat is-social worker tal-APPOĠĠ.

Matthew żied jirrakkonta l-esperjenza tiegħu: “It-tfajla kienet tgħajjarni maħmuġ, li ma nafx ninħasel, jew ma nafx nilbes. Hi bdiet tiddeċiedi xi ħwejjeġ għandi nixtri, u xi ħwejjeġ għandi nilbes. Ġagħalitni wkoll nittrasferixxi ruħi għandha, bil-ħwejjeġ b’kollox. U jien kont ngħid lili nnifsi, ‘dik għax tħobbni’ ”.

L-istudju fir-Renju Unit, u l-esperjenza tal-APPOĠĠ tikkonferma, innota li ħafna drabi din il-perċezzjoni li l-abbuż huwa n-norma ġejja mill-fatt li l-vittmi jkunu trabbew f’ambjenti familjari fejn il-missier kien jabbuża mill-omm, jew inqas spiss,fejn l-omm kienet tabbuża mill-missier. Imbgħad hemm l-element tal-peer pressure, fejn koppji oħra fil-klikka jgħixu l-istess esperjenzi ta’ vjolenza.

Ir-riċerka msemmija turi li tfajliet minn familji fejn kien hemm vjolenza domestika jidħlu għal relazzjonijiet iżjed kmieni, x’aktarx ma’ sħab li jkunu ikbar minnhom, u spiss li jkunu vjolenti. Hekk ukoll, żiedet is-social worker ta’ APPOĠĠ, ġuvintur li missierhom kien vjolenti, spiss iġibu ruħhom bl-istess mod.

Hemm ukoll ċerti elementi karatterjali li jagħtu lil persuna ċerta predispożizzjoni li tispiċċa abbużata, fosthom stima personali baxxa, jew persuni li ma jemmnux fihom infushom.

Ms. Cutajar spjegat li persuni viċin vittmi ta’ vjolenza jistgħu jgħinu li din jew lil dan b’diversi modi.

“Ħafna drabi jkunu sħab il-vittma stess li jippruvaw jgħinu lill-vittma ta’ vjolenza toħroġ mir-relazzjoni: jgħidulha ‘u lil dak xi tridu’ jew ‘m’għandekx x’tambih’. Imbgħad hemm dawk li jmexxu gruppi jew ċentri ta’ żgħażagħ u l-għalliema. Anki l-ġenituri.”

Hi fissret li s-sinjali li persuna tkun għaddejja minn xi forma ta’ abbuż jistgħu jkunu varji. Fost l-oħrajn, il-vittma tista’, ħabta u sabta, tibda tikseb riżultati ħżiena fl-istudju, jista’ jitfaċċa xi tbenġil, ċertu make-up esaġerat bħalma hu lbies mhux adattat għal dak iż-żmien tas-sena, biex forsi jgħattu xi tbenġil; li l-persuna tingħalaq fiha nnifisha, ansjetà, għerusija mgħaġġla u oħrajn.

“Huwa importanti li tittieħed azzjoni,” kompliet is-social worker. Hija rrikonoxxiet li din tista’ twassal għal ribelljoni mill-vittma, iżda fl-istess ħin saħqet li hu importanti li l-vittma jkun imfissrilha li aħna liberi, li għandha d-dinjità tagħha li ħadd ma għandu jkasbarielha, u li tkun inkuraġġuta titkellem.

“Finalment, trid ħafna  paċenzja, kalma, kapaċità li tisma’ u li tiftakar li r-responsibilità  għandha tibqa’ fuq il perpetwatur,” hija temmet tgħid.

Persuni li ghaddejjin minn esperjenza ta’ vjolenza domestika, kif ukoll l-aggressuri, jistgħu jċemplu lill-Aġenzija APPOĠĠ fuq Supportline 179 jew 2295 9000. Info: www.appogg.gov.mt.