IIlum, it‑Tnejn, 24 ta’ Ottubru 2022, il‑Qdusija Tiegħu l‑Papa Franġisku ħatar lill‑Eċċellenza Tiegħu Mons. Savio Hon Tai‑Fai SDB, Arċisqof Titulari ta’ Sila u fil‑preżent Nunzju Appostoliku tal‑Greċja, bħala n‑Nunzju Appostoliku l‑ġdid għal Malta.

Mons. Savio Hon Tai‑Fai twieled f’Hong Kong fil‑21 ta’ Ottubru 1950. Ġie ordnat saċerdot fis‑17 ta’ Lulju 1982 u jappartjeni għall‑Provinċja Salesjana taċ‑Ċina, li tinkludi ċ‑Ċina, Hong Kong, il-Makaw u t‑Tajwan. Kiseb baċellerat fil‑Filosofija mill‑Università ta’ Londra u dottorat fit‑Teoloġija mill‑Università Pontifiċja Salesjana f’Ruma. Huwa kien responsabbli mit‑traduzzjoni tal‑Katekiżmu tal‑Knisja Kattolika għaċ‑Ċiniż.

Fit‑23 ta’ Diċembru 2010, huwa nħatar Segretarju tal‑Kongregazzjoni għall‑Evanġelizzazzjoni tal‑Popli. Qabel din il‑kariga, Mons. Savio Hon Tai‑Fai kien professur tat‑Teoloġija fis‑Seminarju tal‑Ispirtu s‑Santu f’Hong Kong.

Fis‑7 ta’ Marzu 2012 inħatar membru tal‑Kumitat Pontifiċju għall‑Kungressi Ewkaristiċi Internazzjonali. Fit‑12 ta’ Ġunju 2012 inħatar ukoll bħala membru tal‑Kunsill Pontifiċju għall‑Promozzjoni tal‑Għaqda fost l‑Insara.

Mis‑6 ta’ Ġunju sal‑21 ta’ Ottubru 2016, l‑Arċisqof Savio Hon Tai‑Fai serva bħala Amministratur Appostoliku tal‑Arċidjoċesi ta’ Agana fi Guam.

Fit‑28 ta’ Settembru 2017 inħatar Nunzju Appostoliku tal‑Greċja, l‑ewwel ħatra tiegħu fis‑servizzi diplomatiċi.

Mons. Savio Hon Tai‑Fai, bħala rappreżentant tal‑Papa, għandu r‑responsabbiltà li jirrappreżentah mal‑Knisja f’Malta u Għawdex, kif ukoll mal‑awtoritajiet ċivili. Huwa wkoll id‑Dekan tal‑Korp Diplomatiku akkreditat għar‑Repubblika ta’ Malta. Id‑dmir tiegħu hu li jkun ta’ għajnuna għall‑Isqfijiet, isaħħaħ l‑għaqda mas‑Sede Appostolika u jmexxi ’l quddiem ir‑relazzjonijiet bejn is‑Santa Sede u l‑Gvern ta’ Malta.