Ritratt: DOI – OPR

Mons. Victor Grech ingħata l-Premju Anzjanità Attiva. Il-Premju Anzjanità Attiva huwa ċelebrazzjoni ta’ xogħol, impenn u dedikazzjoni fis-settur tal-Anzjanità Attiva. Dan huwa avveniment annwali ddedikat għall-anzjani.

Fl-1984 Monsinjur Grech beda l-proġetti tal-Caritas biex jgħin fi programmi ta’ prevenzjoni u riabilitazzjoni mid-Droga. Fl-1985 huwa waqqaf l-ewwel Komunità Terapewtika għal dawk li jabbużaw mid-droga f’Malta.

Mons. Grech kien ukoll wieħed mill-fundaturi tal-Caritas Europa u kien ukoll iservi fil-Bord tal-Caritas Internationalis u Caritas Europa matul il-perjodu li l-Caritas Europa, fil-format legali attwali tagħha, ġiet stabbilita.

Ħadem biex ikun hawn l-ewwel xelter residenzjali għall-irġiel kif ukoll għan-nisa. Mons Victor Grech fetaħ ukoll Dar għar-riabilitazzjoni tal-Priġunieri bi problemi ta’ droga.

Fl-2014 Mons. Victor Grech ingħata l-Insinja tal-“Gran Croce d’Oro” mill-President u mill-Kunsill Eżekuttiv tal-Korp Internazzjonali tal-Assistenza Pubblica “Humanitas Soccorso Italia”. Hu kien ġie nominat għal dan l-unur mill-Lions Club Sliema. 

F’Lulju ta’ din is-sena Mons. Victor Grech rikonoxxut għal ħidmietu waqt is-serata mużiko-letterarja ta’ Ġieħ iż-Żejtun li ttellgħet ġewwa Ġnien l-Għannejja Żwieten.

Fis-serata ngħataw ħames premjijiet:
Premju Anzjanità Attiva – Mons. Victor Grech
Premju Anzjanità Sportiva – Mario Meli
Premju Solidarjetà Interġenerazzjonali – Sur Anthony Darmanin
Premju Anzjanità Akkademika – Publio Agius
Premju Anzjanità Kulturali – Albert Marshall

F’diskors tal-okkażjoni, il-Ministru għall-Anzjanità Attiva Michael Farrugia faħħar id-dedikazzjoni ta’ persuni u individwi li, bl-impenn tagħhom, jagħmlu differenza fil-ħajja mhux biss ta’ anzjani oħra imma wkoll fil-komunità u persuni oħrajn ta’ kull età.

Huwa qal li kull persuna ħaqqha tkun ippremjata għall-ġid li tagħmel, waqt li ħeġġeġ biex aktar anzjani, speċjalment nisa, jipparteċipaw f’attivitajiet u inizjattivi li jgħinuhom jibqgħu attivi fis-soċjetà u biex ikomplu jgħinu lil ta’ madwarhom.

Waqt din iċ-ċerimonja, il-President ta’ Malta George Vella qal li r-rispett, l-inklużjoni u l-opportunitajiet indaqs huma l-ingredjenti ewlenin li matul iż-żmien komplew isaħħu l-importanza tal-anzjanità attiva.

Sors: Newsbook.com.mt