Violence

Rappreżentanti Musulmani u Kattolċi ngħaqdu flimkien jipprotestaw għall-manipulazzjoni tar-reliġjon biex tkun ġustifikata il-vjolenza, id-diskriminazzjoni u saħansitra l-interessi politiċi.

Dikjarazzjoni storika ffirmata mill-President tal-Kunsill Pontifiċju għad-djalogu Inter reliġjuż u mill-Mexxej tas-Sunni mill-Universita ta’ Al-Azhar, immarkat il-konklużjoni tal-laqgħa annwali li saret fil-jiem li għaddew fil-Kajr. Il-laqgħat laqqgħu membri tal-Kunsill Pontifiċju u tal-Kumitat Permanenti ta’ Al-Azhar għad-djalogu fost ir-reliġjonijiet monoteistiċi.

Sheik Mohammad Abd al-Aziz Wasil u l-Kardinal Jen Louis Tauran kienu l-firmatarji.

Id-dikjarazzjoni finali tispjega li l-parteċipanti intlaqgħu mill-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar, professur u Sheik, Mohammad Sayyed Tantawi. Il-Kardinal Tauran raddlu ħajr talli kkundanna l-atti vjolenti li fihom tilfu ħajjithom sitt insara u pulizija Musulman f’Naga Hamadi fl-Eġittu. Raddlu ħajr ukoll tas-solidarjeta li wera mal-familjari tal-vittmi u rriafferma l-ugwaljanza fid-drittijiet u d-dmirijiet taċ-ċittadini kollha, irrispettivament mid-denominazzjoni ta’ fidi li jħaddnu.

Sheik Tantawi qal li hu għamel biss dak li ħassu fid-dover li jagħmel quddiem atti traġiċi bħal dawn.