Jekk qatt kont f’xi għar, taf li mhuwiex l-iktar post pjaċevoli – id-dlam, l-insetti, it-trab, iż-żibel, il-ħmieġ. Li tidħol ġo l-għerien hija avventura fiha nfisha u mhux esperjenza li kulħadd ikun jixtieq jgħaddi minnha.

Qalbi kultant tkun l-istess, mimlija fdalijiet ta’ dak li xi darba kien ħaj, memorji li qed jitmermru fl-irkejjen, u ħmieġ minsi ma’ kullimkien. Ħafna imbarazz jinġema’ ġewwa fina, u aħna nistmerru jew nistħu nħabbtu wiċċna miegħu. Nippretendu li mhux qiegħed idejjaqna. Wara kollox, jekk ta’ kultant ma narawx dak li hemm f’qalbna, ma nintebħux bl-iskart li qed jinġema’. Mhux faċli li nindirizzaw il-problemi li hemm fina u naħdmu fuq l-esperjenzi qarsa tagħna għax nippreferu ninsewhom sabiex ma nerġgħux ngħaddu mill-istess uġigħ. 

Madankollu, jekk ma nistgħux inħobbu lilna nfusna biżżejjed biex naħdmu fuq il-problemi tagħna stess biex ngħixu ħajja sħiħa u ħielsa, kif nistgħu nħobbu lill-oħrajn mingħajr kundizzjoni? Li neħilsu mill-weġgħat u mill-ġrieħi tagħna joħloq aktar wisa’ fil-qalb tagħna għall-imħabba lejn l-oħrajn. Dan il-Milied ejjew ma nħallux il-ħmieġ joħnoq lil qalbna. Jekk qalbna hija mimlija dispjaċir, falliment, negattività u kritika, din ma tistax tfur bl-imħabba li Alla jridna nuru lil xulxin. Jekk tistħi tħalli lil Alla jidħol f’ħajtek għax taħseb li ma jistħoqqlokx jew li qalbek mhix perfetta biex tilqgħu, nistiednek terġa’ taħsibha. Ġesù tant jaf in-nuqqasijiet tal-bniedem li Huwa twieled ġo għar biex jurina li jista’ jkun preżenti u jġib it-tama anke fl-iktar postijiet maħmuġa, abbandunati u bla ħajja. M’għandniex għalfejn nibżgħu nistednuh fl-oqsma tal-ħajja tagħna li nħossu li huma inutli, bla tama jew bla raġuni. Permezz ta’ talba ċkejkna, Ġesù jista’ jagħmel affarijiet kbar fina u f’ħajjitna, għalhekk inħeġġiġkom tagħmlu dan il-pass u tħalluh jibdilkom. Alla ma jiġix fejn mhux mistieden, għalhekk iħalli f’idejna biex nitolbuh li jkun preżenti f’ħajjitna. Huwa dan il-pass li Alla jeħtieġ biex ikun jista’ jagħmel il-wisa’ għall-imħabba li qalbna tant tixtieq.

Allura x’qed tistenna?

L-irkejjen ta’ qalbek mhux se jnaddfu lilhom infushom. 

Missier Qaddis, grazzi talli trid tkun preżenti f’ħajti, talli jimpurtak minni b’mod personali u tixtieq li jkollok relazzjoni miegħi. Agħtini l-grazzja li nkun nista’ nagħmel dan il-pass lejk billi nistiednek tidħol f’ħajti ħalli timla lil qalbi bl-imħabba bla qies tiegħek. Għallimni naħdem fuqi nnifsi sabiex inkun iktar miftuħa għall-barkiet li inti tant tixtieq tagħtina. Dan il-Milied nitolbok tibdel in-negattività u l-imrar ta’ ġo fija fil-hena, il-paċi u l-imħabba tiegħek, illum u tul is-snin li ġejjin.

“Ħares lil qalbek bir-reqqa kollha, għax minnha ġejja l-ħajja.”
Proverbji 4:23

Miktub minn Sarah Zammit Munro