-
L‑Elezzjoni Ġenerali hi ġrajja importanti ħafna fil‑ħajja tas‑soċjetà Maltija. Se nagħżlu lil min se nafdaw it‑tmexxija ta’ pajjiżna fis‑snin li ġejjin.
Din hi responsabbiltà serja fuq spallejna li titlob minna li nippreparaw ruħna sew ħalli nagħmlu deċiżjoni infurmata.
Hi responsabbiltà li titlob minna li nivvutaw skont il‑kuxjenza, li tfisser li quddiem Alla nagħrfu dak li hu veru u xieraq, u nagħżlu dak li hu tassew għall‑ġid komuni u għal soċjetà ġusta. Il‑vot tagħna hu tweġiba għad‑domanda: x’tip ta’ soċjetà rridu għalina lkoll u għall‑ġenerazzjonijiet futuri?
Hi responsabbiltà li titlob minna li nagħżlu persuni ta’ għaqal u integrità, li jgħożżu u jħaddnu l‑valuri etiċi li nemmnu fihom. Ewlieni fosthom hu l‑valur tal‑ħarsien tal‑ħajja umana mill‑ewwel mument tat‑tnissil tagħha sat‑tmiem naturali tagħha, u tar‑rispett lejn id‑dinjità ta’ kull bniedem.
Inħeġġu lil kulħadd biex naqdu dmirna b’responsabbiltà, u nitolbu d‑dawl u l‑għajnuna tal‑Ispirtu s‑Santu ħalli nagħmlu d‑deċiżjoni t‑tajba.
Nitolbu biex fi kliemna u għemilna nkunu mmexxija dejjem bi spirtu ta’ djalogu, ta’ rispett kbir lejn il‑verità u lejn xulxin, ukoll lejn min jaħsibha differenti minna.
Nagħtukom il‑barka pastorali tagħna.
✠ Charles J. Scicluna ✠ Mario GrechArċisqof ta’ Malta Isqof ta’ Għawdex