F’dawn l-aħħar ġimgħat konna xxukkjati b’diversi atti terroristiċi li ħesrem ħasdu bl-addoċċ il-ħajja ta’ ħafna nies. Fi ftit ġimgħat, fi Franza, fil-Ġermanja u fl-Iraq, saru attakki terroristiċi li qatlu tfal żgħar u l-ġenituri tagħhom, żgħażagħ u għexieren oħra ta’ nies. Kif nafu, ftit ġranet ilu saħansitra nqatel qassis anzjan waqt li kien qed jiċċelebra Quddiesa. Dawn l-atti krudili kontra l-ħajja jkexkxuna.
Iżda kif fakkarna l-Papa Franġisku huwa u sejjer lura l-Vatikan mill-pellegrinaġġ li għamel maż-żgħażagħ fil-Polonja, id-dritt tal-ħajja huwa mhedded ukoll b’modi anqas drammatiċi iżda xorta terribbli, tant li l-Papa jsejħilhom “l-ewwel terroriżmu”. Il-Papa Franġisku qed jirreferi għal dik li huwa jsejħilha “l-kultura li tarmi lin-nies – throwaway culture”. Din hija l-kultura li tpoġġi l-flus qabel il-bniedem. Il-Papa Franġisku jfakkarna illi din il-kultura, fost l-oħrajn, toqtol it-trabi mhux imwielda, tittraskura l-anzjani, twarrab lill-persuni b’diżabilità, tagħti valur lill-bniedem skont kemm kapaċi jipproduċi u jikkonsma, tkun inġusta mal-fqar, u tisfrutta l-ambjent biex jistagħnew il-ftit u jinsterqu l-ħafna.
Nipproteġu l-ħajja dejjem u kullimkien
Mal-ewwel daqqa t’għajn jista’ jkun hawn min jaħseb li ma hemmx rabta bejn dawn l-affarijiet kollha. Il-Papa iżda jenfasizza li hemm rabta. Il-ħajja rridu nipproteġuha dejjem, kullimkien u f’kull stadju tagħha. Dan mhux biżżejjed. Jeħtiġilna naħdmu wkoll biex il-kwalità tal-ħajja ntejbuha f’kull aspett.
Aħna l-Insara għandna dmir speċjali li naħdmu biex ngħożżu l-ħajja għaliex għalina, il-ħajja umana hija rigal mingħand Alla, li waħdu huwa sid tagħha mill-bidu sa tmiemha. L-ebda bniedem għalhekk ma jista’ jippretendi għalih id-dritt li jeqred direttament il-ħajja ta’ bniedem innoċenti jew li jqis lil xi bnedmin oħra bħala bla valur jew bħala xkiel.
Il-Liġi għandha tipproteġi l-ħarsien ta’ kull ħajja umana mit-tnissil tagħha sal-mewt, u dan aktar u aktar meta xi bniedem ikun f’pożizzjoni vulnerabbli jew żvantaġġjata.
F’pajjiżna lkoll għandna naħdmu biex dan id-dritt għall-ħajja, mgħixa f’dinjità sħiħa, ikun rispettat. Matul dawn l-aħħar xhur, tqanqlu żewġ kwistjonijiet partikolari li jistgħu jheddu l-ħajja fil-bidu tagħha u lejn it-tmiem tagħha.
Theddida għall-ħajja fil-bidu tagħha
Il-ħajja tal-bniedem, fl-ewwel ġranet tal-eżistenza tagħha, tista’ tiġi mhedda meta jittieħdu pilloli jew mediċini bl-iskop li l-ħajja li tkun tnisslet fl-omm ma tkomplix tiżviluppa, anzi tinqered. L-effett ta’ xi pilloli f’xi ċirkustanzi jista’ jkun abortiv. Persuna li qed tgħix it-twemmin Nisrani b’serjetà u impenn għandha l-obbligu morali li tfittex l-informazzjoni sħiħa dwar l-effetti kollha ta’ dawn il-prodotti mediċinali biex tagħmel deċiżjoni responsabbli favur il-ħajja.
F’każ ta’ dubju xjentifiku dwar kif jaħdmu dawn il-prodotti mediċinali, id-deċiżjoni għandha tkun dejjem favur il-ħarsien tal-ħajja. Il-kuxjenza ta’ dawk il-professjonisti li qed jaħdmu fis-settur tas-saħħa, li għandhom oġġezzjoni li jippreskrivu jew ibiegħu dawn il-prodotti mediċali minħabba d-dubju xjentifiku dwar l-effetti tagħhom, għandha tiġi rispettata.
L-ewtanasja: theddida għall-ħajja
Tqanqlet ukoll il-kwistjoni tal-ewtanasja. Hawn min jirraġuna li meta persuna tkun qed tbati ħafna, il-ħajja umana titlef il-valur tagħha u għalhekk għandu jkollha d-dritt li tiġi megħjuna biex tneħħi ħajjitha. Aħna nifhmu t-tbatija psikoloġika u fiżika li pazjent u l-qraba jkunu qed iġarrbu. Aħna nħossu ma’ kull min hu għaddej minn din it-tbatija. Però nemmnu li l-valur tal-ħajja umana ma jiddependix minn kemm persuna hija b’saħħitha jew sodisfatta bil-ħajja tagħha. Nemmnu wkoll li l-ewtanasja qatt ma tista’ tkun fl-aħjar interess tal-pazjent jew pazjenta.
Il-Papa Franġisku, f’diversi diskorsi tiegħu, kien ċar ħafna dwar dan. Filfatt isejjaħ l-ewtanasja “theddida gravi għall-familji fid-dinja kollha” (Amoris Laetitia, 48).
Kull persuna għandha d-dritt li tingħata l-kura, u s-soċjetà għandha l-obbligu morali li tipprovdi s-servizzi mediċi biex tħares dan id-dritt għall-ħajja. Il-persuna għandha d-dritt, legali u morali, li tirrifjuta t-trattament mediku meta dan ma joffri l-ebda tama ta’ ġid, jinvolvi spejjeż enormi jew jikkaġuna tbatija insopportabbli. Fl-istess waqt iżda, għandha tibqa’ tingħata kull kura li ttaffi l-uġiegħ fiżiku u psikoloġiku li jista’ jkun hemm sakemm il-proċess naturali tal-mewt jieħu l-kors tiegħu.
Inżidu l-kura mhux noffru l-mewt
Aktar ma tikber it-tbatija, is-soċjetà aktar għandha żżid il-miżuri ta’ wens u sedqa biex ħadd ma jiġi mwarrab jew jitqies bħala piż fuq l-oħrajn. Soċjetà turi l-wiċċ ħanin tagħha meta persuni vulnerabbli jiġu megħjuna. F’pajjiżna għandna nsaħħu s-servizz mediku ta’ kura li jnaqqas it-tbatija, u ngħinu lil kull min qed jaħdem f’dan il-qasam biex ikabbar il-firxa ta’ servizzi li diġà qed joffri fil-komunità lil tant pazjenti b’mard terminali u lill-qraba tagħhom.
Flimkien mal-Hospice Movement, il-Knisja f’Malta ser tibda l-ħidma meħtieġa biex tinfetaħ Dar il-Ħniena, bħala residenza ġdida biex toffri servizzi speċjalizzati u ta’ livell għoli fil-kura li tnaqqas it-tbatija lill-persuni b’mard terminali.
Nixtiequ nuru l-apprezzament kbir tagħna lil ħafna familji li juru għożża kbira mal-morda terminali, l-anzjani u l-persuni vulnerabbli u, fejn iċ-ċirkostanzi jippermettu, jagħżlu li jibqgħu jduru bihom fi djarhom stess. L-imħabba li juru l-qraba meta jakkumpanjaw lil dawn il-persuni f’waqtiet tant iebsin tal-ħajja, anke meta jkunu fl-isptarijiet, hi ġest mill-isbaħ ta’ umanità.
Nappellaw lil ħutna Maltin u Għawdxin biex ikattru dawn l-għemejjel ta’ ħniena u nkomplu nistinkaw ħalli ebda persuna f’pajjiżna ma tisfa abbandunata fil-marda jew kundizzjoni kronika tagħha.
Nafdaw dan il-messaġġ ħerqan tagħna f’idejn Sidtna Marija Mtellgħa s-Sema u nitolbuha tkompli tħares lill-poplu għażiż tagħna bil-ħarsa tagħha ta’ ħniena filwaqt li dejjem turina lil Ġesù, li huwa t-Triq, il-Verità u l-Ħajja.
Nagħtukom il-barka pastorali tagħna.
✠ Charles J. Scicluna
|
✠ Mario Grech |
Arċisqof ta’ Malta |
Isqof ta’ Għawdex |