Il‑Malta Catholic Youth Network (MCYN), entità tal‑Arċidjoċesi ta’ Malta li taħdem maż‑żgħażagħ, ippublikat dokument ta’ pożizzjoni bħala parti mill‑proċess ta’ konsultazzjoni tal‑Gvern għall‑White Paper “Lejn it‑Tisħiħ tal‑Qafas Legali għall‑Użu Responsabbli tal‑Kannabis”.

L‑MCYN, li tirrappreżenta ’l fuq min 100 għaqda taż‑żgħażagħ u li matul is‑snin appoġġjat bis‑sħiħ attivitajiet rikreattivi li jgħinu l‑iżvilupp taż‑żgħażagħ u l‑bini tal‑komunità, hija kontra l‑użu ta’ sustanzi psikoattiva u/jew ta’ ħsara, legali jew illegali.

Il‑preokkupazzjoni primarja dwar din il‑White Paper hi li tista’ twassal għan‑normalizzazzjoni u l‑popolarizzazzjoni tal‑użu tal‑kannabis fost l‑adolexxenti u ż‑żgħażagħ li jistgħu jiġu mqarrqa billi jemmnu li l‑użu tal‑kannabis m’għandux effetti ħżiena.

L‑MCYN tgħid li l‑White Paper ma tagħmilx distinzjoni ċara bejn il‑benefiċċji u l‑perikli tal‑kannabis rikreattiva u dik mediċinali billi titkellem dwarhom daqslikieku l‑benefiċċji u l‑perikli huma ndaqs. Tisħaq li r‑riskji u l‑benefiċċji ta’ din is‑sustanza psikoattiva m’għandhomx jiġu ppreżentati fuq bażi ugwali.

L‑MCYN taqbel mad‑dekriminalizzazzjoni fejn jidħol użu personali minn adulti biex dawk dipendenti mis‑sustanza ma jingħatawx sentenza ta’ ħabs iżda l‑opportunità li jfittxu l‑għajnuna minn riskju ta’ vizzju. Fl‑istess waqt tisħaq dwar kampanja edukattiva li tgħallem il‑miżuri preventivi li wieħed għandu jieħu biex jibqa’ ’l bogħod minn sustanzi bħall‑kannabis.

Tgħid li l‑leġiżlazzjoni għandha tagħmel dispożizzjonijiet li mhux biss jissalvagwardjaw il‑minuri u jnaqqsu l‑użu tal‑kannabis fost il‑minuri, iżda wkoll jipproteġu u jappoġġjaw adulti li għandhom riskju ogħla li ssirilhom il‑ħsara. Dan b’mod partikolari meta jitqies li l‑istudji xjentifiċi juru li l‑użu tal‑kannabis minn żgħażagħ taħt l‑età ta’ 21 sa 25 iżid ir‑riskji tal‑effetti ta’ ħsara ta’ din is‑sustanza.

Id‑dokument ta’ pożizzjoni hu aċċessibbli fuq: mcyn.org/articles/position-paper-regarding-the-white-paper-on-cannabis-mcyn.