• L-Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Parroċċa Madonna ta’ Lourdes, Raħal Ġdid

    12 ta’ Awwissu 2017

    Aħna u nisimgħu t-Tieni Qari mit-Tieni Ittra ta’ San Pawl Appostlu lil Timotju, smajna parir li l-appostlu Missierna jagħti lil wieħed mid-dixxipli żgħażagħ tiegħu, Timotju. Hu jgħidlu: “Nitolbok bil-ħerqa quddiem Alla u Ġesù Kristu … xandar il-Kelma, insisti f’waqtu u barra minn waqtu … oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta’ evanġelista, aqdi sewwa l-ministeru tiegħek” (2 Tim 4, 1.2.5).

    Għażiż Fr John Muscat, għażiż Kappillan, dawn il-kliem jingħatawlek b’konsenja llum, meta tibda uffiċjalment il-ministeru tiegħek fost din il-komunità. Ilek hawnhekk iżjed minn xahrejn, sirt tafhom u huma jafuk. Illum, fil-bidu uffiċjali tal-parrokkat tiegħek, il-Mulej qed jagħmillek kuraġġ bil-kelma tal-appostlu Missierna li jirrepetihielek l-Isqof tiegħek: “Xandar il-kelma, oqgħod dejjem b’għajnejk miftuħa, stabar fit-tiġrib, agħmel ħidma ta’ evanġelista, aqdi sewwa lill-ministeru tiegħek”. 

    L-Evanġelju li għadna kemm smajna jippreżentalna episodju mhux tas-soltu, b’xi mod anke straordinajru, imma li t-tagħlima importanti tiegħu hija li l-Mulej se jkun dejjem preżenti magħna meta rridu naqdfu f’nofs il-baħar, nitħabtu mal-mewġ bir-riħ kontra tagħna, u li huwa lest il-Mulej jagħtina l-istess qawwa tiegħu li nimxu fuq l-ibħra tal-ostilità, tal-indifferenza, kultant anke ta’ nuqqas ta’ fidi. 

    “Agħmlu l-qalb, jiena hu, tibżgħu xejn” (Mt 14, 27). Din il-kelma l-Mulej jgħidha mhux biss lilek, għażiż Fr John, imma anke lil kull membru tal-komunità tal-parroċċa Sidtna Marija ta’ Lourdes ġewwa Raħal Ġdid. “Agħmlu l-qalb,” jgħid il-Mulej, “Jiena hu, tibżgħu xejn”. Meta Pietru tiġih l-ħajra li jkollu l-istess qawwa ta’ Ġesù li jimxi fuq l-ilma – li timxi fuq l-ilma fl-Iskrittura huwa li jkollok setgħa fuq il-qawwiet negattivi tal-ħajja – il-Mulej Ġesù jgħidlu: “Ejja” (v. 29). U Pietru, b’sens ta’ fiduċja, jobdi lil Ġesù u fil-fatt jipparteċipa minn din l-esperjenza li kienet tal-Mulej li jimxi fuq l-ibħra.     

    Imma ħin minnhom jagħmel il-kalkolu uman, donnu jistaqi lilu nnifsu: “Issa sew, kif se nkompli?” Ra li r-riħ kien qawwi, beża’ li jaqbad jegħreq, u fil-fatt hekk ġara’. Kien mument fejn il-ħarsa tiegħu marret minn Ġesù għalih innifsu u hemmhekk beda jċedi. Kellu l-umiltà, tipika ta’ Pietru, li jgħajjat u jgħajjat: “Salvani, Mulej” (v. 30). U Ġesù, li kien stiednu biex jagħmel l-esperjenza ta’ din il-qawwa li ġejja mill-Mulej, bil-kelma “ejja”, issa jmidd idu u jaqbdu. Hu jagħtih din iċ-ċanfira ħelwa: “Bniedem ta’ fidi żgħira, għaliex iddubitajt?” (v. 31).

    Id-dubju ta’ Pietru huwa b’xi mod li jitlaq, kif għedt diġà, il-ħarsa tiegħu lejn Ġesù u jipprokkupa ruħu bih innifsu. Fr John, inti bħalna se jiġuk mumenti meta tħares lejk innifsek u tirrealizza l-limiti tiegħek imma l-istedina li qed nagħmillek illum flimkien ma’ Sidtna Marija ta’ Lourdes, hija li l-ħarsa tiegħek tkun fuq Binha Ġesù.   

    Wara kollox, l-esperjenza mistika ta’ Bernadette Soubirous, għalkemm kienet esperjenza privata u personali bejn Sidtna Marija u din it-tfajla fqira u umli, dwiet madwar id-dinja bl-istedina ħerqana biex nibdlu ħajjitna, biex nagħmlu penitenza, biex aħna ma nibżgħux mir-ritwal tal-Knisja, tal-purċissjoni, tal-ħasil bl-ilma tan-nixxiegħa, nagħmlu atti li jfissru bidla fil-mentalità u bidla f’ħajjitna. 

    Inti għażilt l-Ewwel Qari, naf li għażiltu mhux minħabba l-aħħar vers, għax l-aħħar vera jgħid: “Qed nagħtik moħħ għaref u għaqli, hekk li ħadd qablek ma kien hawn bħalek, u anqas warajk ma jkun  hawn” (1Slat 3, 12). Jiġifieri aħna, Fr John,  nammirawk, imma jiena naf li l-Ewwel Qari inti ma għażiltux minħabba dan il-vers, għaliex inkella tidneb inti u nidneb jien jekk tikkonferma, imma inti għażiltu għaliex tixtieq tmexxi dan il-poplu u tirrealizza li biex tagħmel dan il-ministeru, għandek bżonn l-għerf u l-għaqal li jagħtik il-Mulej.      

    Issa inti b’din l-għażla li għamilt, u li jiena nilqa’ f’isem il-Knisja, lill-Mulej tlabtu l-għaqal u l-għerf, imma jiena f’isem il-Mulej, issa se ngħidlek li talli tlabtu din il-ħaġa l-Mulej, permezz tal-poplu tiegħek, se jipprovdilek mhux biss l-għomor twil u s-saħħa imma anke n-neċessarju biex tgħix u tkompli tkabbar il-parroċċa. Alla qallu: “Ladarba tlabt din il-ħaġa inti, u ma tlabtnix għomor twil, jew għana … issa jien se nagħmel kif għedt” (vv. 10.12).

    B’ħerqa kbira nixtieq nitlob biex matul din l-esperjenza, fejn tagħti ħajtek għall-poplu tiegħek, ikollok ukoll is-sapport tal-komunità; li fik jaraw xbieha sabiħa ta’ Ġesù r-Ragħaj it-Tajjeb, u li jkollok ukoll il-ferħ li meta tħares lejn il-Madonna ta’ Lourdes, u taraha tistedinna biex nersqu lejn Binha Ġesù biex nibdlu ħajjitna, inti tgħin lill-poplu tiegħek jintrefa’ ’l fuq, dejjem iħares lejn is-sema pajjiżu.      

    Nawguralek mill-qalb, inwiegħdek is-sapport tiegħi kif inhu d-dover tiegħi. Inti wgħedt l-ubbidjenza tiegħek lili u lis-suċċessuri tiegħi, jiġifieri bi ħsiebek tkompli anke meta tkun fil-ħofra, nawguralek, jew inkella tkun xi mkien ieħor, ma nafx. Imma jiena li nawgura hija t-talba li nixtieq nagħmel fuq din il-parroċċa. Naf li anke hawn ħbieb tiegħek minn diversi nħawi oħra ta’ Malta. It-talba hi li minn din il-parroċċa jkollna vokazzjonijiet saċerdotali u għall-ħajja reliġjuża.

    I would also like to greet our friends from Pakistan who enjoy prayers here in this parish. I welcome you and I say to you that this is also your home and Fr John is also your parish priest.

    Nitolbu lill-Mulej.

     Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta