Ġesù jitkellem ma’ wieħed mill-għorrief tal-Liġi, Nikodemu. Ifakkarna f’dak li smajna wkoll fl-ewwel qari: ir-rakkont ta’ meta Mosè poġġa serp tal-bronż fuq għuda u kull min iħares lejn dan is-sinjal kien ifiq mill-gidma velenuża tas-serpenti ħajjin (ara Numri 21:9). U jgħid: “Kif Mosè refa’ s-serp fid-deżert hekk jeħtieġ li jkun merfugħ fuq Bin il-bniedem” (Ġw 3:14). Mela Ġesù jqabbel lilu nnifsu ma’ dak is-serp tal-bronż li Mosè għolla fuq għuda biex kull min iħares lejha jfiq.

Nixtieq nissuġerixxi propju dan l-eżerċizzju spiritwali li kien tant għall-qalb ħafna qaddisin, inkluż il-maħbub qaddis Malti, San Ġorġ Preca: li nħarsu sikwit lejn il-kurċifiss, lejn Ġesù msallab. U meta nħarsu lejn Ġesù msallab nitolbuh il-fejqan, il-fejqan tar-ruħ u l-ġisem, dejjem skont ir-rieda ta’ Alla. Għax meta Ġesù juża din l-immaġini, hu qed jippreżenta ruħu wkoll bħala għajn ta’ fejqan. Kif il-Lhud kienu jħarsu lejn is-serp tal-bronż li poġġa Mosè fuq għuda u kienu jfiqu, hekk ukoll Bin il-bniedem hu merfugħ fuq għuda, l-għuda mqaddsa u għażiża tas-salib u meta nħarsu lejh aħna nieħdu fejqan spiritwali kbir.

Il-mard hu esperjenza ta’ umiljazzjoni kbira. Ikollok rasek kbira malajr tiċkinlek meta tkun marid, ikollok l-arja malajr tgħaddilek. Hawnhekk hu l-post tar-realtà.

Fil-fatt San Ġorġ Preca għandu tixbiha oħra sabiħa; jieħu l-ispunt minn dan li qed jgħid Ġesù fl-Evanġelju tal-lum. Jgħid: ‘mela Ġesù hu s-serp li jagħti l-fejqan’ Mentri aħna nafu wkoll li fl-ewwel ktieb tal-Bibbja jissemma serp li ġab il-mewt u l-ħażen. U jgħid: fuq is-salib kien hemm taqtigħa kbira bejn dawn iż-żewp sriep: is-serp, li hu x-xitan, u l-Iben t’Alla magħmul bniedem, li hu s-serp li jġib il-fejqan’. Hi tixbiha, intuwizzjoni straordinarja li San Ġorġ Preca jiżviluppa fil-ktieb tiegħu ‘Is-Salm Evanġeliku tas-Sirijaku’ propju ispirat mill-kitba mistika ta’ San Efrem, djaknu mis-Sirja.

Aħna llum nitolbu lil Alla anke f’dan il-post ta’ tbatija u fejqan biex kull min jidħol f’din il-kappella għażiża jħares lejn dan il-Kurċifiss antik u għażiż, isib hawnhekk oasi ta’ paċi, ta’ fejqan spiritwali. Imma nitolbu wkoll għal kull min f’dan il-post, qegħdin fl-Isptar Mater Dei, jaħdem għall-fejqan fiżiku, psikoloġiku imma anke ħolisitku tal-pazjenti tagħna.

Ilkoll kemm aħna ngħaddu minn ħafna esperjenzi, imma waħda mix-xorti li tmissek – u din mhix lotterija li kulħadd jixtri biljett għaliha imma titlagħlek xorta – irid ikollok tgħaddi xi ftit jiem l-isptar, din il-lukanda tal-pajjiż kollu. Aħna nitolbu ’l Alla li meta jitlgħalna l-biljett, insibu min jieħu ħsiebna, insibu min jakkumpanjana, ukoll ikollna d-don tal-paċenzja biex ngħaddu minn din l-esperjenza għax il-mard hu esperjenza ta’ umiljazzjoni kbira. Ikollok rasek kbira malajr tiċkinlek meta tkun marid, ikollok l-arja malajr tgħaddilek. Hawnhekk hu l-post tar-realtà.

Imma nitolbu wkoll li jkun post ta’ solidarjetà, ta’ kompassjoni u ta’ fejqan. Nitolbu ħafna għall-professjonisti, għall-carers, għal dawk kollha li jagħtu ħajjithom biex minn dan l-ambjent, fejn aħna lkoll niltaqgħu mas-salib fil-ħajja tagħna jew fil-ħajja ta’ min hu għażiż għalina, aħna u nħarsu lejn Ġesù anke f’dan il-post insibu l-fejqan.

Issa llum minflok ħafna talb, nixtieq li nieqfu ftit fis-silenzju. Kulħadd jagħmel talba personali anke dawk li qegħdin isegwuna permezz ta’ TVM u l-mezzi oħra tax-xandir u nitolbu għall-fejqan spiritwali tagħna, tal-għeżież tagħna, għall-morda tagħna. Kulħadd jagħmel it-talba personali tiegħu u nafdawha f’idejn il-Mulej li ssallab għalina.

Nadurawk, O Ġesù, u nberkuk għax b’salibek u l-mewt tiegħek inti fdejtna.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: Numri 21:4b-9
Salm: 77:1-2,34-38
Qari II: Fil 2:6-11
L-Evanġelju: Ġw 3:13-17

Aktar ritratti