Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!

Fil-katekeżijiet tagħna, inkomplu niltaqgħu max-xhieda appassjonati tat-tħabbira tal-Vanġelu. Niftakru li din hi serje ta’ katekeżi fuq iż-żelu appostoliku, fuq ir-rieda u anki l-ħeġġa interjuri biex immexxu ’l quddiem il-Vanġelu. Illum se mmorru l-Amerika Latina, preċiżament fil-Veneżwela, biex niltaqgħu mal-figura ta’ lajk, il-Beatu José Gregorio Hernández Cisneros. Twieled fl-1864 u rċieva l-fidi fuq kollox mingħand ommu, kif irrakkonta hu stess: “Ommi għallmitni l-virtù sa mill-benniena, rabbietni fl-għarfien ta’ Alla u tatni l-karità bħala gwida”. Attenti: huma l-ommijiet li jgħaddulna l-fidi. Il-fidi tgħaddi bid-djalett, jiġifieri bil-lingwaġġ tal-ommijiet, dak id-djalett li l-ommijiet jafu jitkellmu bih ma’ wliedhom. U lilkom l-ommijiet: attenti li tgħaddu l-fidi f’dak id-djalett matern. 

Tassew li l-karità kienet il-kewkba polari li orjentat il-ħajja tal-Beatu José Gregorio: persuna twajba u mimlija ħajja, ta’ karattru ferħan, kien imżejjen b’intelliġenza li tispikka; laħaq tabib, professur universitarju u xjenzat. Imma kien qabelxejn tabib qrib ta’ dawk l-iżjed dgħajfa, tant li f’pajjiżu kien magħruf bħala “t-tabib tal-foqra”. Dejjem kien jieħu ħsieb tal-foqra, dejjem. Flok il-ġid tal-flus kien jippreferi dik tal-Vanġelu, u qatta’ ħajtu jgħin lil dawk fil-bżonn. Fil-foqra, fil-morda, fil-migranti, f’dawk li qed ibatu, José Gregorio kien jilmaħ lil Ġesù. U s-suċċess li qatt ma fittex fid-dinja huwa rċivieh, u għadu qed jirċevih, min-nies, li ssejjaħlu “qaddis tal-poplu”, “appostlu tal-karità”, “missjunarju tat-tama”. X’ismijiet sbieħ: “Qaddis tal-poplu”, “appostlu tal-karità”, “missjunarju tat-tama”.

José Gregorio kien bniedem umli u disponibbli. U fl-istess waqt kien imqanqal minn nar ġewwieni, mix-xewqa li jgħix fil-qadi ta’ Alla u tal-proxxmu. Imħeġġeġ minn din il-ħerqa, kemm-il darba pprova jidħol reliġjuż u saċerdot, imma diversi problemi ta’ saħħa żammewh. Imma d-dgħufija fiżika ma wasslitux biex jingħalaq fih innifsu, imma biex isir tabib iktar sensibbli għall-ħtiġijiet tal-oħrajn; tgħannaq mal-Providenza u, ruħu magħġuna, iktar beda jmur għall-essenzjal. Dan hu ż-żelu appostoliku: ma jfittixx l-aspirazzjonijiet tiegħu, imma li jkun disponibbli għall-pjanijiet ta’ Alla. U hekk il-Beatu fehem li, permezz tal-kura tal-morda, seta’ jpoġġi fil-prattika r-rieda ta’ Alla, billi jgħin lil dawk li qed ibatu, jagħti t-tama lill-foqra, jagħti xhieda tal-fidi mhux bil-kliem imma bl-eżempju. U hekk wasal – permezz ta’ din it-triq interjuri – biex jilqa’ l-mediċina bħala saċerdozju: “is-saċerdozju tat-tbatija umana” (M. Yaber, José Gregorio Hernández: Médico de los Pobres, Apóstol de la Justicia Social, Misionero de las Esperanzas, 2004, 107). Kemm hu importanti li l-affarijiet ma neħduhomx b’mod passiv, imma, kif tgħid l-Iskrittura, nagħmlu kollox mill-qalb, biex naqdu lill-Mulej (ara Kol 2:23).

Imma ejjew nistaqsu lilna nfusna: mnejn kien iġibu José Gregorio dan l-entużjażmu kollu, dan iż-żelu kollu? Kien jiġi minn ċertezza u minn qawwa. Iċ-ċertezza kienet il-grazzja ta’ Alla. Hu kiteb li “jekk fid-dinja hemm it-tajbin u l-ħżiena, il-ħżiena jeżistu għax huma stess saru ħżiena: imma t-tajbin huma hekk bl-għajnuna ta’ Alla” (27 ta’ Mejju 1914). U hu kien minn tal-ewwel li jħoss il-bżonn tal-grazzja, li kien jittallab fit-toroq u kellu bżonn estrem tal-imħabba. U din hija l-qawwa li minnha kien jieħu: l-intimità ma’ Alla. Kien bniedem tat-talb – hemm il-grazzja ta’ Alla u l-intimità mal-Mulej – kien bniedem tat-talb li kien jieħu sehem fil-quddiesa.

U f’kuntatt ma’ Ġesù, li fuq l-altar joffri lilu nnifsu għal kulħadd, José Gregorio ħassu msejjaħ joffri ħajtu għall-paċi. Kienet għaddejja l-Ewwel Gwerra Dinjija. U hekk niġu għad-29 ta’ Ġunju 1919: imur iżuru ħabib u jsibu ferħan ħafna. José Gregorio fil-fatt kien għadu kemm sar jaf li kien ġie ffirmat it-trattat li bih intemmet il-gwerra. L-offerta tiegħu ġiet milqugħa, u bħallikieku kien qed iħoss li l-ħidma tiegħu fuq l-art kienet waslet fi tmiemha. Dik il-għodwa, bħas-soltu, kien mar għall-quddiesa u issa niżel fit-triq biex iwassal mediċina lil wieħed marid. Imma, huwa u jaqsam it-triq, tajritu karozza; ħaduh l-isptar, u miet ilissen l-isem tal-Madonna. Il-mixja tiegħu fuq l-art għalqet hekk, fi triq huwa u jagħmel opra ta’ ħniena, u fi sptar, fejn kien għamel mix-xogħol tiegħu kapulavur bħala tabib.

Ħuti, quddiem dan ix-xhud ejjew nistaqsu lilna nfusna: jien, quddiem Alla preżenti fil-foqra qrib tiegħi, quddiem min fid-dinja jbati l-iżjed, kif nirreaġixxi? U l-eżempju ta’ José Gregorio kif imissni lili? Hu jħeġġiġna għall-impenn quddiem il-kwistjonijiet kbar soċjali, ekonomiċi u politiċi tal-lum. Ħafna jitkellmu fuq hekk, ħafna jpaċpċu fil-vojt fuq hekk, ħafna jikkritikaw u jgħidu li sejjer kollox ħażin. Imma n-Nisrani mhuwiex imsejjaħ għal dan, imma biex jieħu ħsieb, biex iħammeġ idejh: qabelxejn, kif qalilna San Pawl, biex jitlob (ara 1 Tim 2:1-4), u mbagħad biex iħabrek mhux fit-tqassis – it-tqassis hu pesta – imma biex jippromovi t-tajjeb u jibni l-paċi u l-ġustizzja fil-verità. Anki dan huwa żelu appostoliku, huwa tħabbira tal-Vanġelu, u din hi beatitudni Nisranija: “henjin dawk li jġibu l-paċi” (Mt 5:9). Ejjew nibqgħu mexjin fit-triq tal-Beatu Gregorio: lajk, tabib, raġel tax-xogħol ta’ kuljum li ż-żelu appostoliku wasslu biex iqatta’ ħajtu kollha jagħmel il-karità.

Maqluba għall-Malti minn Francesco Pio Attard