• Nhar il-Ġimgħa 2 ta’ Diċembru 2016, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ċċelebra Quddiesa waqt irtir għall-impjegati tal-Kurja tal-Arċisqof, tat-Tribunal Ekkleżjastiku, il-Caritas u s-Segretarjat tal-Iskejjel tal-Knisja.
  • Omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • Dar Porzjunkola
    2 ta’ Diċembru 2016

    L-Evanġelji mill-ewwel parti tal-Avvent jintgħażlu bħala konferma mill-profeżija ta’ Isaija u jkun tajjeb għall-meditazzjoni f’dawn il-ġranet qabel is-17 ta’ Diċembru, imbagħad nibdew ir-rakkonti li jippreparawna mill-qrib għat-twelid ta’ Ġesù. Tajjeb li l-meditazzjoni fuq il-kelma ta’ Alla nibdew mill-profeżija ta’ Isaija’ jew profeti oħra, imma ġeneralment minn Isaija mbagħad il-meditazzjoni tiffaċilità ruħha billi fl-Evanġelju nfittxu u nsibu l-poplu, il-konferma tal-profezija fil-kliem, fil-ġesti ta’ Ġesù.

    Bħala sinjal taż-żmien Messjaniku, fil-Kapitlu 29, fil-profeżija tiegħu, Isaija jgħid hekk:  “Dakinhar  it-torox jisimgħu kliem il-ktieb u meħlusin mis-swied u d-dlam, għajnejn l-għomja jaraw u l-imsejknin jifirħu fil-Mulej. Il-fqajrin fost il-bnedmin jaqbżu bil-ferħ bil-Qaddis ta’ Iżrael” (Is 29, 18-19).  Il-paġna tal-Evanġelju tal-lum (Mt 9, 27-31) tikkonferma din il-profezija. Kif nafu, Ġesù fl-Evanġelji, jfejjaq diversi għomja, ifejjaq l-imbikkmin, ifejjaq it-torox, imma llum għandna koppja, koppja ta’ għomja li huma żgur maqgħudin bil-kundizzjoni tagħhom, bil-limitu tagħhom.

    Żewġ għomja “jgħajtu u jgħidu” li dawn żgur maqgħudin b’din il-volontà li jsibu l-fejqan u għalkemm huma żewġt għomja għandhom talba waħda: “Bin David, ħenn għalina” (v.27). Jiena nixtieq nenfazizza l-fatt li dawn iż-żewġ personaġġi jimxu flimkien, jiġifieri huma l-“aħna”  m’hemmx individwu quddiem Ġesù, imma hemm żewġ persuni u t-talba tagħhom hi komunitarja. Faċilment anke l-profezija ta’ Isaija jekk tinnutaw, ma titkellimx fuq l-għami, ma titkellimx fuq it-trux, imma fuq it-torox, fuq l-għomja, fuq l-imsejkna, fuq il-foqra. Qed nitkellmu fuq esperjenza, ma ngħidx kollettiva imma tagħna bħala komunità. Huwa miraklu dak ta’ Ġesù u anke l-profezija, l-intenzjoni fondamentali hija komunitarja.

    Ħsieb ieħor.  Fl-Evanġelju tissemma ‘d-dar’. “Daħal id-dar” (v.28). Ħafna drabi s-Santi Padri – li kienu l-għorrief tal-Knisja tal-ewwel sekli li qabel tkellmu fuq l-Evanġelju, talbu fuqu, huma wkoll interpreti awtentiċi tal-Kelma ta’ Alla – meta kienu jiltaqgħu ma’ din il-kelma ‘dar’ kienu mal-ewwel jifhmu l-Knisja.  Il-lukanda fil-parabbola tas-Samaritan it-Tajjeb hija l-Knisja bit-terapija kollha li l-Knisja toffri: terapija tal-kelma u terapija tas-sagramenti. Fl-ikonografija orjentali ħafna drabi id-dar speċjalment tkun ma’ xi wieħed mill-ġnub tal-ikoni jew inkella fiċ-ċentru hija dejjem is-simbolu tal-Knisja.

    “Daħal id-dar” waqt li nitolbu fuq dan l-Evanġelju, il-Mulej għażel li jidħol id-dar, ikun fil-kuntest tal-household biex joffri dan il-fejqan. Użajt il-kelma household għax il-kelma household hija Terapeutica. Per eżempju fil-parabbola ta’ dak ir-raġel li jabbuża mill-professjoni, kien qaddej beda jsawwat lill-qaddejja tiegħu, dik id-dar, terapewtika, għaliex l-idea hija fid-dar il-home issib il-fejqan.

    Dan huwa eżempju ċar. Ġesù jidħol id-dar, l-għomja isegwuh, jersqu lejh u hawnhekk jagħmlilhom il-mistoqsija. Jiena dan l-Evanġelju jfakkarni ħafna fir-rit tal-Griżma meta jien liż-żgħażagħ li nkun iddikjarathom adulti nistaqsihom jekk jemmnux. “Temmnu intom li jiena nista’ nagħmlu dan?” (v. 28). Hija fidi fil-qawwa ta’ Ġesù imma wkoll il-fidi fih. Qed nitlobhom jesprimu l-fidi. Huma jgħidu “iva” fil-kuntest tad-dar, fil-Knisja l-Mulej jitolbok iġġedded il-fidi tiegħek. “Iva, Mulej”. L-iva tagħhom hija espressjoni u konferma tal-fidi. Għaliex? Għaliex il-fidi ssir f’dan il-miraklu, il-kejl u l-kriterju tal-fejqan. “Ħa jsirilkom skont il-fidi tagħkom” (v. 29). Il-limitu mhux ġej minn Ġesù, se mai l-limitu ġej min-nuqqas ta’ fidi tagħna għaliex il-fejqan se jkun u l-miraklu se jkun skont il-fidi tagħna. Din hija kelma ta’ Ġesù li ġġagħalna naħsbu. Ħin minnhom Fr Ray qal: “il-fidi, l-atteġġjament tal-fidi huwa fundamentali anke biex aħna ngħaddu mill-esperjenza tal-fejqan”.

    “U għajnejhom infetħulhom” (v. 30). It-twiddiba ta’ Ġesù bis-sħiħ li ma swied għal xejn – ħafna sitwazzjonijiet ikunu wkoll tal-kelma ta’ Ġesù – jiġifieri kemm-il darba jgħidilna u nagħmlu bil-maqlub, imma anke l-kontemporanji tiegħu ħin minnhom kważi jirrassenja ruħu: jgħid kelma u jagħmlu kompletament il-maqlub. Din waħda minnhom. Jgħidilhom: “widdibhom bis-sħiħ”. Ġesù widdibhom, imma xorta, nifhmu ħafna lil Ġesù, kultant tgħid u jkun propju għal xejn. 

    Dawn ħarġu u għamlu bil-maqlub. Qallhom “qisu li ħadd ma jkun jaf b’dan” (v. 30). Aħna qegħdin Mattew 9, fil-bidu tal-missjoni tiegħu u dawk allegrament “ħarġu u bdew ixerrdu l-fama tiegħu ma’ dak il-pajjiż kollu” (v. 31)  Għamlu dak li bil-Grieg jitfisser bil-verb evangelizzo għaliex kien ‘dak li jxandar il-miġja ta’ xi ħadd kbir importanti fil-pajjiż’.  Il-kelma Evangelion mhiex kelma li bdiet magħna imma bdiet bil-protokol imperjali, evangelizzo kienet mill-verb meta jitħabbar a State visit, jew inkella viżta tal-ambaxxatur, emissarju tal-imperatur. U għalhekk Isaija jużaha wkoll: “kemm huma sbieħ ir-riġlejn ta’ dawk li jxandru” imma xiex? Mhux il-miġja tal-imperatur ta’ din id-dinja, imma  tal-Mulej. U dawn ixandru l-fama tal-Mulej, tal-Evanġelizzatur.

    Tfejqu għax kellhom fidi kbira, u jfakkruni wkoll għaliex inti tinduna li kelhom fidi kbira mir-riżultat. Għax jekk il-Mulej qalilhom: “Intom se jsirilkom skont il-fidi tagħkom” u għajnejhom infetħulhom. Kienu nies ta’ fidi kbira u mħabba kbira. Kienu jafu li għandhom limitu kbir, afdaw fil-Mulej u sarilhom dak li xtaqu u din il-ħaġa tfakkarni f’dak il-paradoss “inħafrilha ħafna u ħabbet ħafna.  Ħabbet intant u mbagħad inħafrilha.

    Iżjed ma jkollna din il-persważjoni tal-limitu tagħna, tal-għama tagħna, il-kapaċità li naraw per eżempju lil Ġesù f’ħaddieħor. Aħna faċli nħalltuha, għax Ġesù stess qalilna “kull ma tagħmlu ma’ l-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”, imma kultant difficli ħafna. 

    Aħna qegħdin, u intom kollaboraturi mill-qrib tiegħi, fil-Ministeru tal-Knisja. Jiena nitlobkom li tkomplu titolbu d-don tal-fidi biex aħna nkunu strumenti f’din id-dar li hija l-Knisja tal-fejqan li wassal Ġesù. Imma aħna rridu nibdew minna nfusna, minna. L-Evanġelju huwa komunitarju, ħadd m’huwa waħdu, flimkien għandna bżonn mmorru lejn Ġesù u nitolbuh jagħtina din il-kapaċità li naraw lilu f’kulħadd, imma għandna bżonn il-fidi, din il-kapaċità li aħna naraw kif jixtieqna hu, se tingħatalna skont il-fidi tagħna għaliex hija att ta’ fidi. Dan li qed nitolbu li aħna b’mod speċjali, fiż-żgħar nett naraw il-preżenza ta’ Ġesù. Faċli titkellem fuq il-preżenza reali fis-sagrament tal-Ewkaristija, anke dik, hemm bżonn li fiha jkun hemm il-fidi praestet fides supplementum (Tantum Ergo). Il-fidi tgħinna fin-nuqqas ta’ ħila tagħna li naraw. Hemm is-sagrament tal-preżenza tiegħu f’ħutna, ħafna drabi jkunu mlibsin forsi bl-antipatiji, aħna l-frontliners, veru dak li qal Fr Ray Francalanza, in-nies jiltaqgħu magħna u jiltaqgħu mal-Knisja fin-negattiv u fil-pożittiv ukoll. Nitolbuh din il-grazzja li nwasslu lilu u mhux l-aġenda tagħna imma li narawh u narawh f’din il-viżjoni, f’dan il-miraklu billi jħenn għalina “Bin David, ħenn għalina”. Aħna u nitolbuh din il-ħniena, nitolbuh ukoll li f’dan l-Avvent niltaqgħu miegħu f’kull persuna li niltaqgħu magħha.

     Charles J. Scicluna     
         Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni Kurja