• Il-Qdusija Tiegħu l-Papa Franġisku ħatar lil Monsinjur Joseph Galea-Curmi Isqof Awżiljarju ta’ Malta u nnominah Isqof Titulari ta’ Cebarades. Fil-preżent, Monsinjur Galea-Curmi huwa l-Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta.  

    Bħala Isqof Awżiljarju, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Galea-Curmi, li għandu 54 sena, huwa msejjaħ biex ikun il-kollaboratur u l-konsulent l-iżjed qrib tal-Arċisqof ta’ Malta, Monsinjur Charles J. Scicluna, u biex ikollu responsabbiltajiet ta’ tmexxija fil-Kurja kif ukoll fil-ministeru pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta. 

    Mal-ordinazzjoni episkopali tiegħu, l-Isqof Galea-Curmi jsir membru tal-Konferenza Episkopali Maltija flimkien ma’ Monsinjur Arċisqof u mal-Isqof ta’ Għawdex, Monsinjur Mario Grech.

     

  • It-tħabbira tan-nomina

     

  •  

  • Curriculum Vitae

    Monsinjur Joseph Galea-Curmi, iben Paul u Josette née Mifsud Bonnici, twieled Birkirkara fl-1 ta’ Jannar 1964 u huwa t-tielet minn sitt ulied. Monsinjur Galea-Curmi rċieva l-edukazzjoni tiegħu fl-iskola Stella Maris, Ħal Balzan, fil-Kulleġġ Missjunarju ta’ San Pawl, ir-Rabat, u fil-Kulleġġ San Alwiġi (Sixth Form), Birkirkara. Daħal fis-Seminarju tal-Arċisqof fl-1982. Wara li rċieva l-formazzjoni meħtieġa u kiseb Liċenzjat fit-Teoloġija Sagra fl-Università ta’ Malta, ġie ordnat saċerdot mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, fil-5 ta’ Lulju 1991. Monsinjur Galea-Curmi intbagħat ikompli l-istudji tiegħu fil-Pontificia Università Lateranense ta’ Ruma u fl-1998 kiseb dottorat fit-Teoloġija Pastorali. It-teżi tad-dottorat tiegħu ġġib l-isem “The Diocesan Synod as a Pastoral Event. A Study of the Post-Conciliar Understanding of the Diocesan Synod”.

    Wara l-istudji tiegħu f’Ruma, Monsinjur Galea-Curmi nħatar assistent Segretarju Pastorali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u lecturer fit-Teoloġija Pastorali fl-Università ta’ Malta, fejn għadu jgħallem sal-lum. Huwa kien il-kordinatur tas-Sinodu Djoċesan li sar bejn l-1999 u l-2003. Fl-2005 inħatar membru tal-board tal-Istitut Djoċesan ta’ Formazzjoni Pastorali, u fl-2008 assistent ekkleżjastiku tal-Fondazzjoni Centesimus Annus Pro Pontifice (Malta), fejn għadu jservi sal-lum.

    Fl-2015, l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Monsinjur GaleaCurmi bħala Vigarju Ġenerali tal-Arċidjoċesi ta’ Malta u Kanonku tal-Kapital tal-Katidral.

    Huwa jwettaq ħidma pastorali fil-Parroċċa ta’ Marija Annunzjata, Ħal Balzan. 

    24