L-omelija tal-Isqof Joseph Galea-Curmi

“Oqogħdu attenti mill-bnedmin!” (Mt 10:17) Dan huwa l-kliem li jgħid Ġesù lill-appostli tiegħu llum, fl-Evanġelju skont San Mattew. Jgħid dan il-kliem mhux biex inissel il-biża’ jew l-ansjetà fl-appostli tiegħu, imma biex jgħinhom ħalli jagħrfu joqogħdu attenti.

Hawnhekk Ġesù jsemmi erba’ tipi ta’ annimali, b’mod figurattiv, u jwassal messaġġ tajjeb ħafna permezz tagħhom, messaġġ li nistgħu nifhmuh. Jgħid: “qed nibgħatkom bħal nagħaġ qalb l-ilpup” (Mt 10:16). X’jiġifieri “bħal nagħaġ”? Għax Ġesù jridna nkunu nagħaġ, li hu r-ragħaj tagħna, ir-ragħaj it-tajjeb li jmexxina u jħarisna. Sakemm nibqgħu n-nagħaġ tiegħu, nafu li għandna dak il-ħarsien. Ġesù jenfasizza li n-nagħaġ huma tiegħu. Niftakru meta Ġesù ltaqa’ ma’ Pietru wara li qam mill-mewt, u tliet darbiet staqiseh “Tħobbni?” Jgħidlu: “irgħa n-nagħaġ tiegħi” (Ġw 21:16). Ġesù jridna li jkollna lilu bħala r-ragħaj it-tajjeb tagħna li jħarsina, li jmexxina, li miegħu nafu li aħna fiż-żgur. Imbagħad Ġesù jgħid “qalb l-ilpup”. Għaliex “qalb l-ilpup”? Għax mhux ma’ kulħadd tista’ tgħix fil-paċi. Il-lupu jagħtik l-idea ta’ xi ħadd li jagħmel il-ħsara, li jaħtaf. Għalhekk Ġesù qed jgħidilhom li jibgħathom bħal nagħaġ qalb l-ilpup, biex huma jkunu jafu ma’ xiex se jħabbtu wiċċhom. Anzi Ġesù jgħid aktar minn hekk ukoll. F’mument ieħor, fl-istess Evanġelju skont San Mattew, jgħid: “Iftħu għajnejkom mill-profeti foloz għax dawn jiġu għandkom lebsin ta’ nagħaġ u minn ġewwa jkunu lpup ħattafa” (Mt 7:15). Li jrid Ġesù hu li aħna nibqgħu n-nagħaġ tiegħu, u ma nsirux aħna lpup qalb l-ilpup, għax inkella, jekk aħna nittrattaw mal-oħrajn kif jittrattaw magħna, u ma nibqgħux nagħaġ tiegħu, hu ma jistax ikun ir-ragħaj it-tajjeb tagħna.

Jgħid ħaġa oħra Ġesù hawnhekk: “Kunu, mela, għaqlin bħas-sriep u safjin bħal ħamiem” (Mt 10:16). Din hi interessanti, għax jgħaqqad żewġ affarijiet li s-soltu ngħidu li huma kontra xulxin. Fil-fatt, meta tgħid “serp”, hemm konnotazzjoni ħażina, kultant ta’ velenu. Imma Ġesù hawnhekk isemmi karatteristika tajba tas-serp, l-għaqal, u jgħaqqad flimkien l-għaqal mas-safa.

X’irid jgħid biha din Ġesù “għaqlin bħas-sriep u safjin bħall-ħamiem”? Qed jgħid li aħna għandna nkunu l-ewwel nett safjin, jiġifieri li jkollna s-sinċerità tal-qalb; li dak li nagħmlu nagħmluh b’intenzjoni tajba, mhux bl-iskop li nqarrqu b’ħaddieħor jew li nidħku b’ħaddieħor. Għalhekk “safjin bħall-ħamiem”. Imma Ġesù jgħid ukoll li nkunu “għaqlin bħas-sriep”, biex aħna nirrealizzaw li qegħdin f’dinja fejn hemm minn kollox. Irridu noqogħdu attenti aħna. L-għaqal bħas-sriep x’ifisser? Li f’xi mument ma nibqgħux sinċiera aħna, ma nibqgħux nimxu sew? Le, ifisser li aħna rridu noqogħdu attenti biex ma nħallu lil ħadd jidħak bina, iqarraq bina. Dak hu l-għaqal li jrid Ġesù. Meta nagħmlu hekk, għalhekk, inkunu qegħdin attenti biex ma jkunx hemm min iqarraq bina, fl-istess waqt li nimxu tajjeb aħna.

Nafu li dan il-kliem hu kliem importanti, hu prattiku ħafna għall-ħajja tagħna. Ġieli ssib min ikollu ħafna intenzjonijiet tajba, u ma jirrealizzax li qiegħed f’dinja fejn hemm minn kollox, mhux kulħadd hu hekk. Għalhekk importanti ħafna li aħna nitolbu lill-Mulej id-dawl tiegħu biex jgħinna l-ewwel inkunu sinċiera aħna u qatt ma nqarrqu b’ħaddieħor aħna; imma mbagħad ukoll biex noqogħdu attenti u jkollna dak l-għaqal li jrid minna, ħalli ħadd ma jqarraq bina.

Nitolbu lill-Mulej biex aħna nkunu tassew in-nagħaġ tiegħu, u hu r-ragħaj tagħna li jmexxina, li jħarisna. Jgħinna biex inkunu tassew safjin, b’sinċerità tal-qalb, imma fl-istess waqt ukoll b’għaqal biex ma nkunux vittmi tal-qerq ta’ ħaddieħor, imma ngħixu tassew taħt il-protezzjoni ta’ Kristu r-ragħaj tagħna mingħajr biża’ u ansjetà imma fil-paċi tiegħu.

✠ Joseph Galea-Curmi   
    Isqof Awżiljarju