L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Din is-sena, aħna u niċċelebraw il-festa solenni ta’ Sidtna Marija taħt it-titlu sabiħ tal-Madonna tal-Karmnu, għandna fostna r-relikwa tal-labtu li jlibbes lil San Ġwanni Pawlu II. Ta’ żagħżugħ, skopra d-devozzjoni lejn il-Madonna, mgħallma minn San Luiġi Grignion Maria de Montfort, u Karol Wojtyla, ta’ żagħżugħ, ikkonsagra ruħu lill-Madonna. Il-Formola tal-Konsagrazzjoni li kkompona San Luiġi Grignion Maria de Montfort – jafuh ħafna dawk li huma midħla tal-Legion of Mary – tibda b’dawn iż-żewġ kelmiet: ‘Totus Tuus’, – ‘Jiena kollni tiegħek’. Bil-Latin,  il-frazi kollha li tiġbor l-ispirtu tal-Konsagrazzjoni lill-Madonna hija ‘Totus tuus ego sum et omnia mea tua sunt’, – ‘Jiena kollni tiegħek u kulma għandi huwa tiegħek’. Ejjew naħsbu ftit fuq dawn iż-żewġ kelmiet, ‘Totus Tuus’, li meta sar isqof, Karol Wojtyla użahom u addattahom bħala l-motto Episkopali tiegħu, imbagħad meta sar Papa sirna nafuhom iżjed. ‘Jiena kollni tiegħek’ hija wkoll l-impenn tal-imħabba; il-maħbubin iwiegħdu lil xulxin din it-tip ta’ mħabba. Fis-sagrament imqaddes u għażiż taż-żwieġ, il-miżżewġin jagħtu lilhom infushom lil xulxin, u reċiprokament lil xulxin jgħidu ‘jiena kollni tiegħek’, ‘totus tuus’, ‘tota tua’. U allura, dan l-impenn li aħna nikkonsagraw ruħna lill-Madonna, għax dan wara kollox ifisser ukoll il-labtu tal-Karmnu, hija li aħna nafdaw ħajjitna, ix-xewqat tagħna, dak kollu li nagħmlu, il-merti tagħna, kollox, nafdawhom f’idejn il-Madonna. 

Illum ħuti, fil-preżenza ta’ din ir-relikwa għażiża tal-labtu li kien jilbes San Ġwanni Pawlu II, nistedinkom li aħna ngħixu s-sinifikat profond ta’ dawn il-kelmiet: ‘Jiena kollni tiegħek’, ‘Jiena nafda lili nnifsi f’idejk’. Għaliex għandna nagħmlu hekk? Għax meta aħna nafdaw ruħna f’idejn il-Madonna, qegħdin nafdaw ruħna f’idejn tajbin ħafna, qegħdin f’idejn tajbin, ‘jiena kollni tiegħek’. U allura, x’ser tagħmel il-Madonna meta aħna nafdawlha lilna nfusna? Anke l-passat tagħna, jekk hemm xi dellijiet, xi ħaġa tinkwetana, nafdawhomlha lill-Madonna. Ngħidulha: ħu ħsieb inti. Waħda mill-effetti kbar fil-qalb u fir-ruħ tal-Konsagrazzjoni tal-Madonna hi li meta jiġi ħsieb ta’ inkwiet, tgħidilha: Madonna, dan diġà afdajtulek jien. U jiġri x’jiġri fuqek, kemm ta’ ferħ u kemm ta’ niket. Tgħidilha: Madonna, kollox f’idejk, kollox ħu ħsieb inti. Ara kemm hu ta’ faraġ li aħna nafdaw lilna nfusna lill- Madonna, ‘jiena kollni tiegħek’. U x’ser tagħmel il-Madonna? Mhux biss tagħtina l-faraġ, imma ser twassalna għand Binha Ġesù. Aħna nidħlu spiritwalment, dan huwa t-tagħlim ta’ de Montfort, spiritwalment fil-ġuf tal-Madonna u hi tiffurmana fix-xbieha sabiħa ta’ Ġesù. Min hu twil, min hu qasir, min hu rqiq; kulħadd bl-istatura tiegħu, imma kulħadd bid-don tiegħu. Ilkoll kemm aħna, fl-iskola ta’ Marija, magħġunin minn Marija, insiru nixbhu lil Ġesù. 

“Mara, hawn hu ibnek” (Ġw 19:26) qalilha, u afdalha lid-dixxiplu tiegħu. Inħobb ngħidha dil-ħaġa. Imma intom tafu li ħdejn is-salib ta’ Ġesù ma kienx hemm biss ommu, imma kien hemm oħtha, “Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesù ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala” (Ġw 19:25). Kien hemm xi ħadd mill-familja tagħha, imma Ġesù ma darx lejn oħtha u qalilha: ħu ħsiebha lil oħtok. Le, Ġesù jafda lill-Madonna lid-dixxiplu, lid-dixxiplu li kien iħobb, u għalhekk itiha parentela ġdida, maternità ġdida, il-maternità tal-Knisja, il-maternità tagħna lkoll, ilkoll kemm aħna wliedha. Għaliex dak il-mument, Ġesù jiddeċiedi li ma jafdahiex iżjed lill-familja tagħha li ħadet ħsiebha ġo Nażaret, imma issa jibda jieħu ħsiebha d-dixxiplu, tibda tieħu ħsiebha l-Knisja, imma hi wkoll tieħu ħsieb il-Knisja, issir Omm il-Knisja. Il-Knisja ssir bintha u Marija ssir Omm il-Knisja, titlu li tant kien għal qalb San Pawlu VI, il-Papa tal-Konċilju, u anke għal qalb San Ġwanni Pawlu II. Ejjew nitolbu l-interċessjoni ta’ dan il-Papa Qaddis li żar Malta għal darba, darbtejn, li berikna kemm-il darba, u li tant kien jgħozz il-labtu tal-Karmnu bħala sinjal tal-Konsagrazzjoni tiegħu lil Marija. U ejjew nitolbu wkoll biex f’kull vokazzjoni li għandna, aħna ningħataw lil xulxin bi mħabba kbira fil-ħbiberija, fis-sagrament taż-żwieġ, f’kull vokazzjoni. ‘Jiena kollni tiegħek’. 

U aħna u nduru lejn il-Madonna tal-Karmnu llum u nitolbuha tberikna, ngħidulha din it-talba. Ngħiduha flimkien, għidu warajja: Jiena kollni tiegħek, Sultana u Omm tiegħi, u kulma għandi huwa tiegħek.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-Quddiesa

Qari I: Is 55:10-11
Salm: 64 (65):10abċd,10e-11,12-13,14
Qari II: Rum 8:18-23
L-Evanġelju: Mt 13:1-23

Aktar ritratti