L‑Arċisqof Charles J. Scicluna, l‑Isqof Anton Teuma u l‑Isqof Awżiljarju Joseph Galea‑Curmi jifirħu lil Patri Angelo Falzon li ġie maħtur mill‑Papa Franġisku bħala Isqof fid‑Djoċesi ta’ Comayagua fil‑Honduras nhar l-14 ta’ Mejju 2024.
L‑Arċidjoċesi ta’ Malta u d‑Djoċesi ta’ Għawdex jingħaqdu fit‑talb għall‑Isqof Falzon biex il‑Mulej jagħtih l‑għajnuna f’din il‑missjoni ġdida afdata lilu.
Patri Angelo twieled in-Naxxar fil-15 taʼ Ottubru 1957 u daħal Franġiskan fit-2 taʼ Ottubru 1977 fil-Provinċja taʼ San Pawl Appostlu tal-Patrijiet Minuri. Fl-10 taʼ Ottubru 1982 għamel il-professjoni solenni u fid-29 taʼ Ġunju 1984 ġie ordnat saċerdot.
Fl-1985 telaq bħala missjunarju lejn il-Honduras, fejn ingħaqad mal-patrijiet Franġiskani Maltin li jaħdmu fil-missjoni tal-Provinċja tal-Immaculate Conception taʼ New York. Patri Angelo kien l-ewwel vigarju parrokkjali fʼSanta Anna f’La Libertad u mbagħad kappillan tal-parroċċa tal-Inmaculada Concepción taʼ Aguanqueterique f’La Paz.
Patri Angelo issa hu Isqof tad-djoċesi taʼ Comayagua, u suċċessur taʼ Mons. Roberto Camilleri OFM, li miet fis-17 taʼ Ottubru 2023.