L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

“Li nagħrfu li f’kull bniedem hemm ħuna jew oħtna u nfittxu ħbiberija soċjali li tinkudi lil kulħadd, dawn mhumiex sempliċiment utopija – ħolm, xi ħaġa impossibli li tagħmilha. Jesiġu imma minna deċiżjoni u l-ħila li nsibu t-toroq effikaċi, dawk li jwasslu tassew, li jiżguraw il-possibbiltà vera tagħhom” (Fratelli Tutti). Mhux biżżejjed toħlom, trid ssib il-mezzi biex il-ħolma tiegħek isseħħ.

“Kull impenn f’din id-direzzjoni isir taħriġ għoli tal-imħabba, tal-karità. Għax wieħed waħdu jista’ jgħin persuna fil-bżonn imma meta jingħaqad ma’ oħrajn biex jagħti ħajja lill-proċess soċjali ta’ fraternità u ta’ ġustizzja għal kulħadd, dan jidħol fil-qasam tal-iktar imħabba wiesgħa, tal-imħabba politika. Ifisser li nimxu lejn ordni soċjali u politiku li r-ruħ tiegħu hija l-karità, l-imħabba soċjali. Għal darb’oħra nagħmel stedina biex nivvalutaw mill-ġdid il-politika li hi vokazzjoni l-aktar għolja. Hi waħda mix-xejriet l-aktar prezzjużi ta’ mħabba għax tfittex il-ġid komuni” (Fratelli Tutti).

Ftakart fikom, għeżież mexxejja tal-Partit Laburista, meta qrajt dan il-kliem meqjus tal-Papa Franġisku, mhux fikom biss, imma meta ġejt bex nipprepara din l-omelija, erġajt qrajt il-kapitlu 5 tal-aħħar enċiklika soċjali tal-Knisja li l-Papa ppromulga, il-Papa Franġisku fit-3 ta’ Ottubru 2020 bl-isem ta’ Fratelli Tutti, din il-frażi ta’ San Franġisk t’Assisi u l-ħames kapitlu jitkellem dwar l-aħjar politika. U meta qed nerġa’ naqra dan il-kapitlu u wasalt f’dan il-paragrafu 180, jiena sibt ir-risposta għaliex wieħed iwaqqaf partit politiku. Għaliex fil-15 t’Ottubru tal-1920 12-il raġel marru għand in-nutar Carbonaro (mhux ’il bogħod minn hawn) u għamlu b’att notarili dan l-att li waqqaf il-Camera dell’Lavoro li hija propju xitla li minnha ħarġet u kibret din il-ħarruba kbira li hija, u li hu l-Partit Laburista?

Kulħadd għandu x’jitgħallem meta jħares lejn il-passat, qed tagħmlu tajjeb li tħarsu lejn dawn il-100 sena. Nistedinkom biex tagħmluhom b’onestà, b’umiltà, b’sens ta’ realiżmu imma wkoll komplu fittxu l-għeruq tagħkom.

Matul dawn l-aħħar 100 sena venvnu l-irwiefen, faqqgħu s-sajjetti imma kien hemm ukoll mumenti ta’ rebbiegħa u ta’ sajf, forsi bi sħana iżjed minn tas-soltu. Imma llum qegħdin hawnhekk intom biex iġġeddu dan l-impenn li beda 100 sena ilu, tħarsu lejn l-istorja, il-ġudizzju nħalluh lill-esperti. Imma jiena li nixtieq naqsam magħkom illum huma ftit ħsibijiet li għallimna l-Papa Franġisku meta jitkellem fuq il-politika. U nixtieq nistedinkom li nħarsu lejn it-tieni seklu li qed tinawguraw. Għax aħna nieqfu u ngħidu għalaqna 100 sena, imma bdejna wkoll 100 sena oħra, it-tieni seklu. Kulħadd għandu x’jitgħallem meta jħares lejn il-passat, qed tagħmlu tajjeb li tħarsu lejn dawn il-100 sena. Nistedinkom biex tagħmluhom b’onestà, b’umiltà, b’sens ta’ realiżmu imma wkoll komplu fittxu l-għeruq tagħkom.

Xi ħaġa li skoprejt jiena u naqra l-istorja tal-Partit Laburista, almenu fl-ewwel żewġ volumi ta’ Francis Galea, huwa li waqt li qed tixxettel ix-xitla tal-Partit Laburista, fostna kien hawn il-Ġiżwita Charles Dominic Plater li laħaq żar uħud mid-djar tal-Partit propju f’dawn ix-xhur, 100 sena ilu. Kien marradi, ġie Malta għal konvalexxenza, imma kien entużjast bid-duttrina soċjali tal-Knisja inizjata mill-Papa Ljun XIII bir-Rerum Novarum fl-1891. U f’Malta kien preżenza li entużjażmat il-ħaddiema biex jitolbu dak li kien qed jipproponi l-Papa: mezz ta’ għajxien li jħares id-dinjità tagħhom.

Illum tgħid kien hemm bżonn moviment soċjali daqshekk qawwi biex titlob xi ħaġa daqshekk essenzjali? Imma rridu nammettu li llum ċerti affarijiet kważi neħduhom for granted, narawhom mhux daqshekk ħaġa kbira għaliex f’dawn l-aħħar 100 sena saru żviluppi soċjali kbar mhux mingħajr qtigħ il-qalb, mhux mingħajr konflitti, mhux mingħajr tensjonijiet. Imma hemm prinċipji qawwija li hemm bżonn ma ninsew qatt.

Il-Papa jgħid: “Għal ħafna l-politika llum saret kelma kerha. Ma nistgħux nagħlqu għajnejna għall-fatt li wara dan, spiss hemm l-iżbalji, il-korruzzjoni, l-ineffiċenza ta’ xi politiċi. Ma’ dan inżidu l-istrateġiji li jimmiraw biex idgħajfu l-politika biex flokha jqiegħdu l-ekonomija jew biex jaħkmuha b’xi ideoloġija. Minkejja dan kollu, id-dinja tista’ tiffunzjona mingħajr politika?” isaqsi l-Papa. “Tista’ ssib triq effikaċi lejn il-fraternità universali u l-paċi soċjali minħajr politika tajba?” Ir-risposta tal-Papa ovvjament hija le. Għandna bżonn il-politika u għandna bżonn il-partiti politiċi li huma n-nies determinati li jagħmlu xi ħaġa.

“Għandna bżonn ta’ politika li taħseb b’viżjoni wiesgħa,” jgħid il-Papa Franġisku, “li ġġib ’il quddiem viżjoni integrali ġdida li tinkludi fid-djalogu interdixxiplinari bejn ħafna xjenzi differenti, id-diversi aspetti tal-kriżi preżenti tal-ħajja soċjali. Qed naħseb,” jgħid il-Papa Franġisku, “f’politika b’saħħitha li kapaċi ġġib riforma fl-istituzzjonjiet, tikkoordinahom, tagħnihom bi prattika tajba u li tippermetti li jingħelbu l-pressjonijiet u d-dewmien vizzjuż. Dan ma nistgħux nitolbuh mill-ekonomja,” jgħid il-Papa, “lanqas nistgħu naċċettaw li l-ekonomija tieħu f’idejha l-poter reali tal-istat quddiem tant xejriet ta’ politika żbaljata li jaraw biss l-interess immedjat. Infakkar,” jgħid il-Papa, “li l-kobor tal-politika jidher meta f’mumenti diffiċli” – wieħed minnhom huwa dan li qed ngħixu minħabba l-pandemija – “wieħed jaġixxi skont prinċipji għoljin u jaħseb fil-ġid komuni fit-tul”. Taħseb fis-saħħa tal-poplu, qed taħseb fil-ġid komuni fit-tul.

Iva, tista’ tpoġġi dawn iż-żewġ kelmiet flimkien: imħabba politika, “Li nagħrfu li f’kull bniedem hemm ħuna jew oħtna”.

“Il-poter politiku jbati sew biex jilqa’ dan id-dmir għax inti tipprova taħseb short-term. Dik it-tentazzjoni iżjed u iżjed fi proġetti komuni għall-umanità. Naħsbu f’dawk li għad jiġu warajna mhux għax dan hu li jservi għall-fini elettorali”. Għax dawn għadhom ma ġewx, m’għandhomx vot ta’ warajna, “imma għax hu dak li teżiġi l-ġustizzja awtentika”.

Il-Papa jitkellem fuq l-imħabba politika. Meta tisma’ l-kelma tal-Papa, tgħid imma dawn iż-żewġ kelmiet joqogħdu flimkien: imħabba u politika? Il-Papa b’kuraġġ kbir – il-profezija tiegħu f’din il-kelma, l-aħħar kelma l-iżjed reċenti tat-tagħlim soċjali tal-Knisja li kien ukoll il-bażi, il-pedament tal-Partit Laburista 100 sena ilu, hija kelma ta’ kuraġġ. Iva, tista’ tpoġġi dawn iż-żewġ kelmiet flimkien: imħabba politika, “Li nagħrfu li f’kull bniedem hemm ħuna jew oħtna”.

Huwa għandu kelma li nixtieq naqsam magħkom biex nagħmlilkom kuraġġ, intom li dħaltu biex tkunu parti mill-Partit politiku fil-gżejjer tagħna u li għandkom responsabbiltà kbira quddiem l-istorja u għall-futur. Il-Papa jiddistingwi bejn imħabba mqanqla minn urġenza. Inti tara ’l xi ħadd fit-triq ħassu ħass ħażin u inti titqanqal għax it-tjubija qiegħda f’kull bniedem, ma naqtgħux qalbna mit-tjubija tal-bnedmin, u tgħinu.

Imma hemm ukoll imħabba – tjubija ordinata. Mela x’jgħid il-Papa? Ara kemm hi sabiħa din il-kelma ta’ għerf tal-Papa: “Hi karità li toqgħod qrib ta’ persuna li qed tbati u hi karità wkoll li tagħmel dak kollu li tista’ anke mingħajr ma jkollok kuntatt dirett ma’ dik il-persuna, biex tibdel il-kundizzjonijiet soċjali li qed jikkawżaw it-tbatija tagħha”. Mela aħna għandna nies twajbin, samaritana twajbin li meta jaraw urġenza, jaraw emerġenza, jirrispondu mal-ewwel. Imma l-politiku jaħseb fit-tul u jħares lejn l-għerq ta’ dik it-tbatija. U jindirizzaha.

“Il-karità politika,” jgħid il-Papa Franġisku, “tesprimi ruħha wkoll fil-ftuħ għal kulħadd”. Jiena din il-kelma tal-Papa, l-aħwa, naraha kelma li tagħmlilna kuraġġ biex nissuperaw il-mentalità tribali: aħna u intom, huma u aħna. Mhux se nagħmluha f’ġurnata, nispera nilħqu nagħmluha f’seklu, it-tieni wieħed, imma aħna hemm bżonn naħdmu issa f’ħajjitna, jiena magħkom.

U l-Papa jagħmel żewġ eżempji ħelwin. “Jekk xi ħadd jgħin anzjan jaqsam xmara, u din hi karità mill-aqwa, il-politiku jibnilu pont. U din ukoll karità. Jekk xi ħadd jgħin lil ħaddieħor billi jagħtih x’jiekol, il-politiku joħloq għalih post tax-xogħol. U hekk ikun iħarreġ għamla akbar, għolja ta’ karità li tagħmel l-azzjoni politika tiegħu waħda tassew nobbli”.

Mela intom u tħarsu lejn il-bżonnijiet, kunu politiċi. Hemm bżonn li nindirizzaw u nagħtu risposta għat-tbatija konkreta. Il-kelma ta’ Alla li qrajna minn Bin Sirak, is-Salm, l-Ittra lil San Ġakbu, l-Evanġelju skont San Mattew kapitlu 25, jitkellmu ċar. Imma l-politika hija arti tal-imħabba li bil-qawwa tal-istat – u għalhekk wieħed ikun irid jasal biex ikollu responsabbiltajiet u anke doveri kbar, imma wkoll il-poter neċessarju – ikun jista’ jagħmel il-ġid, ġid li jibqa’.

“Il-karità politika,” jgħid il-Papa Franġisku, “tesprimi ruħha wkoll fil-ftuħ għal kulħadd”. Jiena din il-kelma tal-Papa, l-aħwa, naraha kelma li tagħmlilna kuraġġ biex nissuperaw il-mentalità tribali: aħna u intom, huma u aħna. Mhux se nagħmluha f’ġurnata, nispera nilħqu nagħmluha f’seklu, it-tieni wieħed, imma aħna hemm bżonn naħdmu issa f’ħajjitna, jiena magħkom.

“Li l-politika tkun tassew bla kulur”. Il-politika ovvjament kulħadd irid ikollu l-bandiera tiegħu għax inkella ma tkunx taf lil min se tivvota, aħna wkoll inpoġġu l-armi, le? “Imma meta mbagħad tiġi fil-poter, dik it-tentazzjoni li tibqa’ tilbes in-nuċċali tal-kulur, trid tirbaħha, speċjalment min għandu r-responsabbiltà li jiggverna”. U bħal issa ir-responsabbiltà li jiggverna hija tal-Partit Laburista, “hu msejjaħ għal sagrifiċċju li jagħmlu possibli l-inkontru, il-laqgħa u li jfittex il-ftehim tal-inqas fuq ċerti temi”, ma tistax forsi tiftiehem f’kollox, “Jaf jisma’ kif jaħsibha l-ieħor biex kulħadd ikollu l-ispazju tiegħu”. Ċaħdiet u sabar għax fin-negozjat kulħadd  irid iċedi biċċa. “Min jiggverna jista’ jgħin fil-ħolqien ta’ dik il-priżma sabiħa” qisu djamant ileqq minn ħafna sfaċċjettaturi, “fejn kulħadd isib postu”.

“Il-politika fl-aħħar nett m’għandhiex tibża’ mit-tenerezza, mill-ħlewwa. “Anke fil-politika,” jgħid il-Papa Franġisku, “hemm wesgħa biex inħobbu bil-ħlewwa”. Ħafna drabi l-kliem ta’ bejnietna jkun iebes. “Imma x’inhi l-ħlewwa?” jgħid il-Papa? “Hi l-imħabba li toqrob u tista’ tmissha b’idejk” – insomma bil-pandemija llum irridu noqgħodu attenti f’dil ħaġa għax inkella Charmaine Gauci tinkwieta iżjed – “hija ċaqliqa li titlaq mill-qalb u tasal fl-għajnejn, fil-widnejn, fid-dirgħajn. Il-ħlewwa, tenerezza, it-triq li mxew il-bnedmin l-iżjed qalbiena u qawwija. Qalb l-attività politika kollha, l-iżgħar, l-aktar dgħajfa, l-aktar foqra, għandhom imissulna qalbna. Għandhom dritt li jirbħulna ruħna u qalbna. Iva, huma ħutna,” jgħid il-Papa, “u għandna nħobbuhom u nitrattawhom bħala tali. Il-politika tajba mal-imħabba tgħaqqad it-tama.

Il-politika hi arti tal-imħabba li bil-qawwa tal-istat – u għalhekk wieħed ikun irid jasal biex ikollu responsabbiltajiet u anke doveri kbar, imma wkoll il-poter neċessarju – ikun jista’ jagħmel il-ġid, ġid li jibqa’.

Ejjew inkunu politiċi – għedt inkunu, insomma l-Isqof mhux suppost ikun politku, imma jrid jieħu ħsieb il-polis – il-belt. “Kunu politiċi li meta n-nies jarawkom, meta aħna narawkom, ma nitilfux it-tama imma  nitħeġġu fit-tama. Il-politika tajba mal-imħabba tgħaqqad it-tama. Il-fiduċja fil-ħażniet tat-tjieba li hemm fil-qalb tan-nies minkejja kollox. Għalhekk hija politika kuraġġuża, politika pożittiva, politika li ma taqtax qalbha”. Din hija l-politika jiena nawgura u nixtieq lill-Partit Laburista, lill-partiti kollha ta’ pajjiżna. Imma intom illum tlabtu li tiġu hawn u napprezza d-deċiżjoni li tfakkru l-ewwel seklu, l-ewwel 100 sena, anke quddiem Alla.

“Meta nħarsu lejha b’dan il-mod,” jgħid il-Papa Franġisku, u nikkonkludi, “il-politika hija iżjed nobbli milli tidher, mill-marketing, mill-bosta xejriet ta’ maquiage  medjatiku. Dan kollu ma jiżrax ħlief firda, mibegħda, xettixiżmu deżolanti li mhux kapaċi jfittex proġetti komuni”. Mhix kwestjoni ta’ faċċata,  “meta naħsbu fil-futur, f’ċerti ġranet il-mistoqsijiet tagħna għandhom ikunu: għal liema skop? Lejn fejn qiegħed nimmira tassew? Għax wara xi snin” – u din forsi hija kelma li tgħodd ukoll għal dan l-anniversarju importanti tagħkom – “għax wara xi snin, meta nirriflettu fuq il-passat tagħna,” jgħid il-Papa Franġisku, “il-mistoqsija mhux se tkun kemm nies approvawni, kemm ivvutawli, kemm kellhom idea tajba tiegħi. Il-mistoqsijiet, forsi jweġġgħu ukoll, se jkunu: kemm imħabba poġġejt fix-xogħol tiegħi? Fiex għent lill-poplu jimxi ’l quddiem? X’marka ħallejt fuq il-ħajja tas-soċjetà? Liema rabtiet veri bnejt? X’qawwa pożittiva ħallejt toħroġ? Kemm żrajt paċi soċjali? Xi pproduċejt fil-post li bih ġejt fdat?”

“Jiena nawgura li din il-familja ta’ politika” – li hija l-familja tal-Partit Laburista – “bħala ideat ikollha l-politiku li huwa bniedem onest, veritier, rispettuż, integru u leali”. Dan huwa l-awgurju tiegħi mill-qalb jiena u naqsam magħkom il-kelma profetika tal-maħbub Papa Franġisku u nawguralkom ħafna għas-sekli li ġejjin.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Sir 3, 30 – 4, 10
Salm: 34, 2-3, 6-7, 8-9, 14-15
Qari II: Ġak 2, 1-9, 14-18
Evanġelju: Mt 25: 31-46

Aktar ritratti >>