Il-Papa Franġisku jiltaqa’ ma’ persuni b’diżabbiltà Maltin

Għeżież ħuti!

Iċ-ċelebrazzjoni tal-Jum Internazzjonali tal-Persuni b’Diżabilità, din is-sena, hija opportunità biex nesprimi l-viċinanza tiegħi ma’ dawk kollha li qed jesperjenzaw diffikultajiet partikolari f’dan iż-żmien ta’ kriżi minħabba l-pandemija.  Ninsabu llkoll fl-istess dagħjsa f’nofs il-baħar imqalleb li jaf ibeżżgħana; imma f’din id-dgħajsa hemm min ikollu jitħabat aktar u fost dawn hemm il-persuni diżabilità.

It-tema ta’ din is-sena hija “Nibnu aħjar mill-ġdid: Lejn dinja inklussiva, aċċessibli u sostenibbli għall-persuni b’diżabilità wara l-Covid-19.” Tolqotni ħafna l-espressjoni “nibnu aħjar mill-ġdid”. Din iġġgħelna naħsbu fil-parabbola tad-dar mibnija fuq il-blat jew fuq ir-ramel li nsibu fil-Vanġelu (Ara Mt. 7: 24-27; Lq 6: 47-49). Għaldaqstant nieħu din l-opportunità  prezzjuża  biex naqsam magħkom ftit riflessjonjiet billi nibda minn din il-parabbola.

It-theddida tal-kultura tar-rimi

Fl-ewwel ħaġa, “ix-xita,” “ix-xmajjar” u “l-irwiefen” li jheddu d-dar jistgħu jiġu identifikati mal-kultura tar-rimi li hija tant mifruxa fi żmienna. (Ara. Eżortazzjoni Appostolika: Evangelii Gaudium [EG], 53). Għal din il-kultura, “ċerti partijiet mill-umanità huma miftuħa għall-benefiċċju tal-ftit li jiffavorixxu settur tal-poplu li jistħoqlu jgħix mingħajr limiti.  Fuq kollox, in-nies m’humiex aktar meqjusa bħala valur primarju li għandu jiġi rrispettat u protett, b’mod speċjali jekk huma foqra jew b’diżabilità.” (Enċiklika. Fratelli tutti [FT] , 18).

Din il-kultura tolqot b’mod speċjali kategoriji l-aktar fraġli fosthom il-persuni b’diżabilità.  F’dawn l-aħħar ħamsin sena, ittieħdu diversi miżuri importanti fuq livell ta’ realtajiet ċivili u eklesjastiċi.   L-għarfien dwar id-dinjità  kiber u dan wassal għal għażliet kuraġġjużi għall-inklużjoni ta’ dawk li jesperjenzaw limitazzjonijiet fiżiċi jew psikoloġiċi. Madankollu, fuq livell kulturali għad hemm wisq fatturi li fil-fatt jikkontradixxu dan l-orjentament.  Hemm attitudnijiet li jeskludu li, anke minħabba l-mentalità narċisista u utilitarja,  jwasslu li dak li jkun jitwarrab mingħajr ma nikkunsidraw li l-fraġilità tappartjeni lil kulħadd.  Fir-realtà, hemm persuni b’diżabilità severa li anke jekk b’diffikultà, sabu t-triq ta’ ħajja tajba u mimlija sinifikat bħalma hemm ukoll ħafna persuni li m’għandhomx diżabilità li qatt ma huma kuntenti jew kultant ikunu ddisprati.  “Il-vulnerabilità tappartjeni għall-essenza tal-bniedem.” (Ara. Indirizz fil-Konferenza “Il-Katekeżi u l-Persuni b’Diżabilità” , Il-21 ta’ Ottubru 2017).

Għalhekk huwa importanti, b’mod speċjali f’dan il-jum, li nippromovu l-kultura tal-ħajja li kontinwament tafferma d-dinjità ta’ kull persuna,  b’mod speċjali bħala protezzjoni għal irġiel u nisa ta’ kull żmien u kundizzjonijiet soċjali.

Il-“blata” tal-inklużjoni

Il-pandemija li qed nisperjenzaw uriet aktar biċ-ċar in-nuqqasijiet u l-inugwaljanzi li jikkaraterizzaw żminijietna, speċjalment għad-detriment ta’ dawk l-aktar fraġli. “Il-virus, waqt li ma jagħmel l-ebda eċċezzjoni ma’ ħadd, sab fil-mixja qerrieda tiegħu, inugwaljanzi kbar u diskriminazzjoni. U l-virus kompla żiedhom.” (Katekeżi fl-Udjenza Ġenerali tad-19 t’Awwissu 2020).

Għal din ir-raġuni, l-ewwel “blata” li fuqha għandna nibnu darna hija l-inklużjoni. Minkejja li din it-terminoloġija hija xi drabi abbużata, il-parabbola tal-Vanġelu dwar is-Samaritan it-Tajjeb (Luqa 10: 25-37) hija dejjem relevanti. Fil-fatt, fil-mixja tal-ħajja, ta’ sikwit niltaqgħu ma’ dik il-persuna miġruħa, li kultant terfa’ fuqha karatteritiċi ta’ diżabiltà u fraġilità. “L-inklużjoni jew l-esklużjoni li jbatu mat-triq jiddefenixxi l-proġetti kollha ekonomiċi, politiċi, soċjali u reliġjużi. Kull jum li jgħaddi niġu ffaċċjati bl-għażla li nkunu Samaritani tajba jew passeġġanti ndifferenti li jżommu d-distanza.” (FT,69)

L-inklużjoni għandha tkun “il-blata” fuqhiex għandna nibnu il-programmi u l-inizjattivi ta’ istituzzjonijiet ċivili biex ħadd, speċjalment dawk li l-aktar qegħdin f’diffikultajiet, ma jitħalla barra. Is-saħħa ta’ katina tiddependi fuq l-għożża li tingħata lil ħoloq tal-katina l-aktar dgħajfa.

Fejn jidħlu istituzzjonijiet ekkleżjastiċi, nerġa’ ntenni l-ħtieġa li nippreparaw għodda adatti u aċċessibbli għat-trasmissjoni tal-fidi. Nittama wkoll li dawn jitpoġġew għad-dispożizzjoni ta’ dawk li jeħtieġuhom  kemm jista’ jkun bla piż ta’ xejn, anke permezz ta’ teknoloġiji ġodda, li urew kemm huma importanti għal kulħadd f’dan il-perjodu ta’ pandemija.

Bl-istess mod, ninkoraġġixxi formazzjoni ordinarja għal saċerdoti, seminaristi, reliġjużi u operaturi pastorali, li tiffavorixxi relazzjoni mad-diżabiltà u l-għodda inklużivi pastorali. Komunitajiet parrokkjali huma kommessi li jgħini l-fidili jikbru fil-mod kif jilqgħu persuni b’diżabilità. Il-ħolqien ta’ parroċċa aċċessibbli għal kollox teħtieġ mhux biss it-tneħħija ta’ barrieri arkitettoniċi, imma aktar minn hekk atitudnijiet u azzjonijiet ta’ solidarjetà u servizz, mill-parti tal-parruċċani, lejn persuni b’diżabilità u l-familji tagħhom. L-għan hu li ma nitkellmux iżjed fuq “huma” imma biss fuq “aħna”.

Il-“blata” ta’ parteċipazzjoni attiva

Biex ‘nerġgħu nibnu” s-soċjetà tagħna aħjar, l-inklużjoni ta’ dawk l-aktar fraġli teħtieġ tinkludi wkoll il-promozzjoni tal-parteċipazzjni attiva tagħhom. L-ewwelnet, nafferma bil-qawwa kollha d-dritt ta’ persuni b’diżabilità li jirċievu s-sagramenti bħal kull membru ieħor tal-Knisja. Iċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi kollha tal-parroċċa għandhom ikunu aċċessibbli biex kulħadd, flimkien mal-aħwa, jistgħu jikbru, jiċċelebraw u jgħixu l-fidi tagħhom. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lil persuni b’diżabilità li għadhom ma rċevewx is-sagramenti tal-inizjazzjoni Nisranija: huma jistgħu jiġu aċċettati u nklużi fil-proċess kateketiku bi tħejjija għal dawn is-sagramenti. Il-grazzja li jġibu magħhom dawn is-sagramenti m’għandha tkun eskluża lil ħadd.

“Bis-saħħa tal-Magħmudija li jirċievi, kull membru tal-poplu ta’ Alla sar dixxiplu missjunarju. Kull persuna mgħammda, hi x’inhi l-funzjoni tagħha fil-Knisja jew il-livell ta’ tagħlim tal-fidi tagħha, huwa suġġett attiv ta’ evanġelizzazzjoni.” (EG, 120). Għaldaqstant, anke persuni b’diżabbiltà, fis-soċjetà kif ukoll fil-Knisja, jitolbu li jsiru parteċipanti attivi fil-kura pastorali u mhux sempliċiment riċevituri. “Bosta persuni b’diżabbiltà jħossu li jeżistu mingħajr ma jappartjenu jew jipparteċipaw. Għad baqa’ bosta affarijiet li jipprevenhom minn ċittadinanza sħiħa. L-għan huwa mhux biss li nassisstuhom, imma li jkollhom parteċipazzjoni sħiħa fil-komunità ċivili u ekkleżjastika. Dan huwa vjaġġ esiġenti imma wkoll li jgħajjik, li jikkontribwixxi aktar u aktar fil-formazzjoni ta’ kuxjenzi li kapaċi jagħrfu lil kulħadd bħala persuna unika u irrepetibbli” (FT, 98). Fil-fatt, il-parteċipazzjoni attiva fil-katekeżi ma’ persuni b’diżabbiltà tikkostitwixxi rikkezza tal-għaġeb għall-ħajja tal-parroċċa . Fil-fatt, imwaħħdin ma’ Kristu fil-Magħmudija, jaqsmu miegħu, fil-kundizzjoni partikolari tagħhom, il-ministeru saċerdotali, profetiku u rjali, fl-evanġelizzazzjoni permezz tal-Knisja, mal-Knisja u fil-Knisja.

Għaldaqstant, anke l-preżenza ta’ persuni b’diżabilità fost il-katekisti, dejjem skont l-abbiltajiet tagħhom, tirrapreżenta riżorsa għall-komunità. F’dan is-sens, il-formazzjoni għandha tiġi nkoraġġita, biex ikunu jistgħu jiksbu tħejjija aktar avvanzata anke fl-oqsma tat-teoloġija u tal-katekeżi. Nittama li aktar u aktar, f’komunitajiet parrokkjali, persuni b’diżabbiltà jkunu jistgħu isiru katekisti, biex jittrasmettu l-fidi b’mod effettiv, anke bix- xhieda tagħhom stess (Ara: Diskors fil-Konferenza “Katekeżi u persuni b’diżabbiltà”, Il-21 ta’ Ottubru 2017)

“Agħar minn din il-kriżi, hemm biss it-traġedja li naħluha” (Omelija fis-Solennità ta’ Pentekost, 31 ta’ Mejju 2020). Għal dan, ninkoraġġixxi lil dawk li, kuljum u sikwit fis-silenzju, jaħdmu favur ta’ sitwazzjonijiet ta’ fraġilità u diżabilità. J’Alla r-rieda komuni li “nerġgħu nibnu aħjar” tqajjem sinerġiji bejn organizzazzjonijiet kemm ċivili kif ukoll ekkleżjastiċi, biex jibnu, kontra kull maltemp, “dar” solida li kapaċi tilqa’ wkoll fiha persuni b’diżabilità, għax tkun mibnija fuq il-blata ta’ inklużjoni u parteċipazzjoni attiva.

Ruma, San Ġwann fil-Lateran, it-3 ta’ Diċembru 2020.

Maqlub għall-Malti minn Victor Formosa