Għeżież ħuti, l-għodwa t-tajba!
Inkomplu bil-katekeżi tagħna fuq it-talb u f’din il-katekeżi nixtieq nieqaf fuq it-talb ta’ kontemplazzjoni.
Id-dimensjoni kontemplattiva tal-bniedem – li għadha mhix it-talba kontemplattiva – hija xi ftit bħall-“melħ” tal-ħajja: tagħti togħma, tagħti gost lill-ġranet tagħna. Nistgħu nikkontemplaw billi nħarsu lejn ix-xemx li titla’ kull filgħodu, jew lejn is-siġar li jxiddu l-ħdura tagħhom fir-rebbiegħa; nistgħu nikkontemplaw billi nisimgħu xi mużika jew l-għana tal-għasafar, naqraw ktieb, quddiem opra ta’ arti jew xi kapulavur kif inhuwa l-wiċċ tal-bniedem… Carlo Maria Martini, mibgħut biex ikun Isqof ta’ Milan, semma l-ewwel Ittra pastorali tiegħu “Id-dimensjoni kontemplattiva tal-ħajja”: fil-fatt, min jgħix f’belt kbira, fejn kollox – nistgħu ngħidu – huwa artifiċjali, fejn kollox huwa funzjonali, jirriskja li jitlef il-ħila li jikkontempla. Il-kontemplazzjoni qabelxejn mhix xi ħaġa li trid tagħmel, imma kif għandek tkun: tkun kontemplattiv.
Li nkunu kontemplattivi ma jiddependix mill-għajnejn, imma mill-qalb. U hawn jidħol it-talb, bħala att ta’ fidi u ta’ mħabba, bħala “nifs” tar-relazzjoni tagħna ma’ Alla. It-talb jippurifika l-qalb u, ma’ dan, jiċċara wkoll il-ħarsa, għax jgħinna nilqgħu r-realtà ta’ perspettiva differenti minn tagħna. Il-Katekiżmu din il-bidla tal-qalb li jġib it-talb ifissirha billi jikkwota xhieda famuża tal-Kurat qaddis tal-Ars: “Il-kontemplazzjoni hi ħarsa ta’ fidi, iffissata fuq Ġesù. ‘Jiena nħares lejh u hu jħares lejja’. Hekk qal wieħed gabillot ta’ Ars, hu u jitlob quddiem it-tabernaklu. […] Id-dija tal-ħarsa ta’ Ġesù ddawwal l-għajnejn ta’ qalbna; tgħallimna naraw kollox fid-dawl tal-verità u tal-mogħdrija tiegħu għall-bnedmin” (Katekiżmu tal-Knisja Kattolika, 2715). Kollox jitwieled minn hemm: minn qalb li tħoss li hemm min qed iħares lejha bi mħabba. Allura r-realtà tiġi kkontemplata b’għajnejn differenti.
“Jiena nħares lejh u hu jħares lejja!”. Hekk hu: fil-kontemplazzjoni kollha mħabba, tipika tat-talb l-iżjed intimu, ma hemmx bżonn ta’ ħafna paroli: biżżejjed ħarsa, biżżejjed inkunu konvinti li ħajjitna hi mdawra bi mħabba kbira u fidila li minnha ma jista’ jifridna ħadd.
Ġesù kien mgħallem ta’ din il-ħarsa. F’ħajtu qatt ma naqsu l-ħinijiet, l-ispazji, is-silenzji, il-komunjoni kollha mħabba li grazzi għalihom il-ħajja ma tispiċċax mifnija mill-provi li ċertament jinqalgħu, imma jirnexxilha żżomm intatt il-ġmiel tagħha. Is-sigriet tiegħu kien ir-relazzjoni ma’ Missieru tas-Sema.
Ejjew naħsbu fil-ġrajja tat-Trasfigurazzjoni. Il-Vanġeli jqiegħdu dan l-episodju fil-mument kritiku tal-missjoni ta’ Ġesù, meta madwaru żdiedu l-kontestazzjoni u r-rifjut. Saħansitra fost id-dixxipli tiegħu ħafna ma jifhmuhx u jitilquh; wieħed mit-Tnax qed ibejjet f’qalbu ħsibijiet ta’ tradiment. Ġesù jibda jitkellem fil-miftuħ dwar it-tbatijiet u dwar il-mewt li kien hemm jistennewh Ġerusalemm. Hu f’dan il-kuntest li Ġesù jitla’ fuq muntanja għolja ma’ Pietru, Ġakbu u Ġwanni. Jgħid il-Vanġelu ta’ Mark: “Tbiddel quddiemhom. Ilbiesu sar abjad u jgħammex b’dija tal-għaġeb: ebda ħassiel fid-dinja ma jista’ jġib il-ħwejjeġ bojod daqshekk” (9:2-3). Sewwasew fil-mument li fih Ġesù mhux mifhum – telquh, ħallewh waħdu għax ma fehmuhx –, f’dan il-mument li fih hu mhuwiex mifhum, proprju meta kollox donnu qed jiċċajpar f’taħbila ta’ inkomprensjonijiet, jiddi d-dawl divin. Huwa d-dawl tal-imħabba tal-Missier, li jimla l-qalb tal-Iben u jittrasfigura l-Persuna sħiħa tiegħu.
Xi mgħallma ta’ spiritwalità mill-imgħoddi fehmu l-kontemplazzjoni bħala opposta għall-azzjoni, u eżaltaw dawk il-vokazzjonijiet li jaħarbu mid-dinja u mill-problemi tagħha biex jiddedikaw ruħhom kollhom kemm huma għat-talb. Fir-realtà, fil-persuna ta’ Ġesù Kristu u fil-Vanġelu l-kontemplazzjoni u l-azzjoni ma jidhrux kontra xulxin, le. Fil-Vanġelu f’Ġesù ma hemmx kontradizzjoni. Din forsi ġiet mill-influwenza ta’ xi filosfu Neoplatoniku imma żgur li dan hu duwaliżmu li ma jagħmilx parti mill-messaġġ Nisrani.
Hemm sejħa waħda kbira fil-Vanġelu, u din hi li nimxu wara Ġesù fit-triq tal-imħabba. Din hi l-quċċata, il-qalba ta’ kollox. F’dan is-sens, imħabba u kontemplazzjoni huma sinonimi, jgħidu l-istess ħaġa. San Ġwann tas-Salib kien jisħaq li għemil ċkejken ta’ mħabba pura hu iżjed utli għall-Knisja mill-opri l-oħra kollha flimkien. Dak li jitwieled mit-talb u mhux mill-preżunzjoni tal-jien tagħna, dak li jiġi ppurifikat mill-umiltà, imqar jekk huwa għemil ta’ mħabba fil-moħbi u s-skiet, huwa l-ikbar miraklu li Nisrani jista’ jasal għalih. U din hija t-triq tat-talb tal-kontemplazzjoni: jiena nħares lejH, Hu jħares lejja! Dan l-għemil ta’ mħabba fid-djalogu ħiemed ma’ Ġesù lill-Knisja jagħmlilha ħafna ġid.
Sors: Laikos