Il‑poloz kollha għad‑dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja qed jiġu posposti minħabba r‑restrizzjonijiet kontra t‑tixrid tal‑coronavirus. Il‑Poloz ta’ Parteċipazzjoni tas‑subien u l‑bniet għad‑dħul fl‑ewwel sena sekondarja, u l‑Polza ta’ Parteċipazzjoni tal‑bniet tal‑ewwel sena primarja li kellhom isiru għada, il‑Ħamis 26 ta’ Marzu 2020, qed jiġu posposti. Se jkun hemm tibdil ukoll fil‑poloz ippjanati għal April. 

L‑Uffiċċju għad‑Dħul fl‑Iskejjel tal‑Knisja jinsab magħluq però l‑ħaddiema qed jaħdmu mid‑dar. F’każ ta’ bżonn, wieħed jista’ jibgħat email fuq [email protected] jew iċempel fuq 7999 0224. Dan in‑numru ser ikun attivat fil‑ħin li ġej.

Il‑pubbliku se jiġi infurmat bl‑iżviluppi li jkunu qed iseħħu permezz ta’ avviżi fuq il‑paġna tal‑Iskejjel tal‑Knisja li tinsab fuq il‑website www.knisja.mt. Il‑listi tal‑applikanti li se jieħdu sehem f’dawn il‑poloz se jiġu ppublikati dalwaqt f’din l‑istess paġna. Il‑pubbliku huwa mħeġġeġ iżur www.knisja.mt biex iżomm ruħu aġġornat.