F’konferenza ta’ l-aħbarijiet li saret it-Tlieta, 16 ta’ Frar, 2010, maġenb il-Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat, il-Kumitat Organizattiv Interdjoċesan ippreżenta l-Programm Pastorali bi tħejjija għaż-żjara f’Malta tal-Papa Benedittu XVI f’Malta. Il-Kumitat organizattiv nieda wkoll website li tinkludi d-dettalji kollha b’rabta mat-tħejjija għaż-żjara tal-Papa f’Malta: www.popemalta.org

Dawn huma l-iniżjattivi ewlenin li qed jittieħdu u li qed jiġu organizzati mis-Segretarjat għal-Lajċi, mill-Kummissjoni Djoċezana Żgħażagħ u mill-Kummissjoni Djoċezana Tfal:

  • Randan – Il-Kummissjoni Teoloġika tal-Knisja f’Malta ħejjiet ktejjeb li fih ġabra ta’ materjal mit-tagħlim tal-Papa Benedittu XVI.  L-għan ta’ din il-ġabra huwa li matul il-ġimgħat li ġejjin, b’mod partikolari fir-Randan, inħejju ruħna għall-Għid il-Kbir u għaż-Żjara tal-Papa permezz ta’ kitbiet u diskorsi tal-Papa nnifsu.  Dan il-materjal huwa mqassam fi tmintax-il skema li kollha jisiltu aspett partikolari mit-tagħlim tal-Papa.
  • Eżerċizzi tar-Randan – Bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa f’Malta, kif ukoll fl-okkażjoni tal-1950 sena min-Nawfraġju ta’ San Pawl Missierna fuq ix-xtajta ta’ pajjiżna, id-Djoċesi ta’ Għawdex lestiet skemi ta’ għajnuna għall-Eżerċizzi tar-Randan għall-Adulti.  Dawn l-eżerċizzi bit-tema, “Il-Ħajja Ġdida fi Kristu”, huma mibnija wkoll fuq il-Katekeżi tal-Papa Benedittu XVI fl-okkażjoni tas-Sena Pawlina u huma mqassma f’ħames laqgħat. Dawn ir-riżorsi pastorali, flimkien ma’ bosta oħrajn qegħdin fuq is-sit tas-Segretarjat għal-Lajċi – www.laikos.org
  • Velja ta’ Talb/Ċelebrazzjoni ta’ Qima lis-Salib – B’rabta ma’ żmien ir-Randan, id-Djoċesi ta’ Għawdex ippreparat ukoll it-test ta’ Ċelebrazzjoni bit-tema, “Ma jkun qatt li niftaħar, jekk mhux bis-Salib ta’ Kristu”.  Din il-velja ta’ talb jew ċelebrazzjoni hija mqassma fi tliet mumenti Pawlini. L-ewwel, “Fid-Dalma ta’ Pawlu” jorbot mad-dlam tal-bniedem, qabel ma jkollu għajnejh miftuħa g]ad-dawl veru tal-grazzja. It-tieni mument, “Fid-Dawl ta’ Kristu” jorbot mal-mument tal-konverżjoni li huwa sejħa għad-dixxipulat wara l-Imgħallem. Fit-tielet mument, “Xandara tas-Salib ta’ Kristu”, nirriflettu dwar is-sejħa ta’ kull nisrani, li wara li  huwa stess ikun laqgħa lil Kristu f’ħajtu, jkun lest li jwasslu lill-oħrajn.
  • Via Sagra Nazzjonali fil-31 ta’ Marzu 2010 – Peress li din is-sena hija dedikata lis-Saċerdoti, l-Via Sagra Nazzjonali organizzata kull sena minn radju RTK se tibda’ minn maġenb il-Knisja l-Qadima ta’ Birkirkara u tintemm maġenb id-Dar tal-Kleru, fejn illum hemm rikoverati aktar minn erbgħin saċerdoti anzjan.  Ir-riflessjonijiet u t-talb li se jkunu użati matul din it-Triq tas-Salib kienu miktuba mill-Papa nnifsu meta kien għadu  Kardinal  u  ntużaw  l-ewwel  darba  fl-2005,  fil-Via Sagra  li  ssir  kull  sena fil-Coloseum ta’ Ruma. Ħames snin ilu, il-Papa Ġwanni Pawlu II, ftit jiem qabel ma miet, kien ipparteċipa f’din l-istess Via Sagra mill-kappella privata tal-appartament tiegħu.
  • Il-Ktieb tal-Papa “Ġesù ta’ Nazarett” – Bħala għajnuna lill-operaturi pastorali fil-Parroċċi u fl-Għaqdiet/Movimenti se titqassam preżentazzjoni viżwali bi ħsibijiet mill-ktieb tal-Papa Benedittu XVI, “Ġesù ta’ Nazarett”.   Din se titqassam fil-parroċċi kollha ta’ Malta u Għawdex, u se tkun disponibbli wkoll fuq l-internet.
  • Morda u Anzjani – Il-morda u anzjani li huma rikoverati fid-djar tal-anzjani u fl-isptarijiet, se jkollhom ukoll sehem kbir fit-tħejjija pastorali u spiritwali qabel iż-żjara tal-Papa f’pajjiżna. Il-Kummissjoni Ħidma mal-Morda u Persuni b’Diżabiltà, tal-Azzjoni Kattolika Maltija, qed tħejji erba’ kartolini b’erba’ intenzjonijiet differenti.  Dawn se jitqassmu, waħda kull ġimgħa, lill-morda kollha, mis-Saċerdoti u mill-Ministri Straordinarji tat-Tqarbin, meta jmorru jqarbnuhom fid-djar.  F’dawn il-kartolini, il-morda u l-anzjani huma mitluba joffru it-tbatijiet, is-sagrifiċċji u t-talb tagħhom biex iż-żjara tal-Papa f’Malta tħalli ħafna ġid.
  • Posters – Qed ikunu stampati erba’ posters b’temi differenti, kollha b’rabta mal-Papa. Dawn se jkunu dwar (a) il-Papa u t-Tfal, (b) il-Papa u l-Familja, (c) il-Papa u ż-Żgħażagħ, u (d) il-Papa u l-Anzjani.  Dawn il-posters se jitqassmu fil-parroċċi u postijiet oħra frekwentati mill-poplu.
  • Rivista “FLIMKIEN” – Il-ħarġa ta’ April ta’ din il-publikazzjoni Djoċesana se tkun ddedikata kollha għall-Papa Benedittu XVI u ż-żjara tiegħu f’Malta.
  • Media – Is-Segretarjat għall-Komunikazzjoni tal-Arċidjoċesi, qiegħed jikkordina l-ħidma kollha meħtieġa ma’ mezzi u realtajiet differenti fil-qasam tal-Media, sabiex it-tħejjijet pastorali tal-Knisja jilħqu firxa akbar tal-poplu Malti u Għawdxi u b’hekk jkunu jistgħu jħallu ħafna aktar ġid spiritwali.
  • Pellegrinaġġ Nazzjonali – Il-Ġimgħa, 9 ta’ April 2010, iż-żewġ djoċesijiet ta’ Malta u Għawdex se jorganizzaw flimkien pellegrinaġġ nazzjonali fl-okkażjoni ta’ l-1950 sena min-Nawfraġju f’Malta tal-Appostlu Pawlu.  Filwaqt li l-Għawdxin jitilqu bil-mixi miċ-Ċirkewwa, il-Maltin jitilqu mill-Mosta.  Jimxu lkoll lejn San Pawl il-Baħar u jiltaqgħu flimkien maġenb il-Knisja tan-Nawfraġju, magħrufa wkoll bħala tal-ħġejjeġ.  Hemm ssir ċelebrazzjoni qasira li fiha titqabbad ħuġġieġa biex tfakkar il-ħuġġieġa li kien qabbdu l-Maltin fil-miġja ta’ Pawlu u sħabu.  Wara jinqara r-rakkont tan-Nawfraġju mill-Atti tal-Appostli. Il-pellegrinaġġ jintemm b’messaġġ mill-Isqfijiet Maltin.
  • Pastorali mill-Isqfijiet – Il-Ħadd, 11 ta’ April se tiġi ppublikata u tinqara fil-knejjes l-Ittra Pastorali tal-Isqfijiet Maltin fl-okkażjoni taż-żjara tal-Papa f’Malta.
  • Adorazzjoni Ewkaristika Nazzjonali – Il-Ħamis, 15 ta’ April 2010, jumejn qabel il-wasla fostna tal-Papa Benedituu XVI, fil-parroċċi kollha ssir Adorazzjoni Ewkaristika li matulha jsir talb għall-Knisja Universali,  għall-Q.T. il-Papa,  u sabiex il-Mulej  iżomm lill-poplu Malti u Għawdxi kollu fil-ħarsien tal-fidi li wassal fostna l-Appostlu Missierna San Pawl.
  • Sagramenti – Ta’ kull sena matul żmien ir-Randan imqaddes, l-Insara jkunu mħeġġin jersqu aktar mis-soltu lejn is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni u l-Ewkaristija.  Din is-sena, minħabba dawn iż-żewġ okkazzjonijiet speċjali (l-1950 sena min-Nawfraġju ta’ San Pawl u ż-żjara tal-Papa), l-Knisja trid tinpenja ruħha aktar mis-soltu biex tħeġġeġ l-membri tagħha jersqu aktar u b’mod aħjar lejn dawn is-Sagramenti.  Biex ngħinu f’din it-tħejjija spiritwali, minbarra dak li soltu jsir fi snin oħra, nhar is-Sibt, 17 ta’ April, wara li l-Papa jkun telaq mill-Palazz Presidenzjali biex imur il-Grotta ta’ San Pawl, ir-Rabat, f’xi knejjes tal-Belt se jkun hemm servizz penitenzjali mmexxi mill-Għaqdiet fejn diversi saċerdoti se jkunu qegħdin hemm għall-qrar.  Barra minn hekk, il-Ħadd, 18 ta’ April, filgħodu, fuq il-fosos tal-Floriana se jkun hemm saċerdoti għall-qrar sakemm tibda’ l-quddiesa.
  • Talba – Fl-okkażjoni tal-1950 sena min-nawfraġju u bi tħejjija għaż-żjara tal-Papa, id-Djoċesi ta’ Għawdex ippublikat talba apposta lil Appostlu Missierna San Pawl.  Din hija talba Pawlina għaliex hija mibnija fuq bosta siltiet mill-ittri stess ta’ San Pawl.  Kopja ta’ din it-talba se tkun mibgħuta lill-kappillani kollha u se tkun disponibbli, flimkien mar-riżorsi l-oħra, fuq l-internet. It-talba tista’ tkun użata f’diversi ċelebrazzjonijiet reliġjużi kif ukoll fit-talb privat.
  • Għaqdiet u Movimenti – L-Għaqdiet u Movimenti fi ħdan il-Knisja qed jagħtu s-sehem sħiħ tagħhom f’din it-tħejjija.  Uħud qed jorganiżżaw katekeżi mit-tagħlim tal-Papa Benedittu XVI.  Oħrajn ser jorganizzaw attivitajiet apposta biex il-membri tagħhom jieħdu sehem mhux biss fit-tħejjija spiritwali tal-jiem ta’ qabel, imma wkoll matul il-jumejn taż-żjara.

INIZJATTIVI GĦAŻ-ŻGĦAŻAGĦ

Il-laqgħa taż-żgħażagħ mal-Papa Benedittu XVI mhux biss hija esperjenza ta’ ċelebrazzjoni tal-mument, iżda hija wkoll esperjenza aktar profonda u sinjifikattiva ta’ dak li huma iż-żgħażagħ fil-Knisja – xhieda ħajja ta’ mixja biex iż-żgħażagħ fi ħdan il-Knisja f’Malta jkollhom l-opportunita li jsemmgħu leħinhom filwaqt li jħossuhom li huma qiegħdin ikunu mifhuma. Dan hu dak li jridu iż-żgħażagħ Maltin u Għawdxin mill-miġja tal-Papa f’pajjiżna. Waqt laqgħat ta’ djalogu li saru bejn żgħażagħ ġejjin minn ambjenti u backgrounds differenti flimkien mad-diriġenti tal-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ ħareġ biċ-ċar li din l-esperjenza irid ikollha l-iskop li tgħaqqad lil kulħadd b’mod partikulari liż-żgħażagħ. L-inklużjoni taż-żgħażagħ fil-Knisja f’Malta huwa fattur importanti li jgħin biex fi żmien li ġej jinħoloq aktar ġid fuq livelli differenti permezz tal-parteċipazzjoni attiva taż-żgħażagħ.

Matul il-preparazzjoni għall-miġja tal-Papa Benedittu XVI f’pajjiżna, il-Knisja f’Malta qiegħda tagħti l-ispazju liż-żgħażagħ biex ikunu protagonisti. Ta’ min ngħidu li ż-żgħażagħ qiegħdin jilqgħu b’entużjażmu din l-istedina. Matul din il-mixja, iż-żgħażagħ qiegħdin ikunu minn ta’ quddiem biex jippreparaw lilhom infushom u lil sħabhom għall-preżenza tar-ragħaj spiritwali f’pajjiżna.

Fost l-inizjattivi meħuda miż-żgħażagħ Maltin qiegħdin isiru diversi attivitajiet li jinkludu katekeżi, quddies animat, proċess ta’ djalogu, u attivitajiet soċjali. Dawn huma l-prijoritajiet li ż-żgħażagħ f’Malta qiegħdin ipoġġu quddiemhom bi preparazzjoni għal din il-laqgħa tagħhom mal-Papa Benedittu. It-tema li fuqha qiegħda tkun ibbażata din il-mixja ta’ tħejjija hi dik magħżula mill-Papa Benedittu għal mixja maż-żgħażagħ fl-okkażjoni tal-25 Jum Dinji taż-Żgħażagħ li qiegħed ikun imfakkar din is-sena: ‘Mgħallem tajjeb, x’għandi nagħmel biex nikseb il-ħajja ta’ dejjem?’ (Mk: 10,17) Tappa importanti f’din il-mixja li qiegħda ssir maż-żgħażagħ hija iċ-ċelebrazzjoni ta’ Ħadd il-Palm meta l-Knisja universali tiċċelebra il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ. F’Malta ser tiġi ċċelebrata quddiesa  minn Mons. Arċisqof Pawl Cremona OP flimkien mas-saċerdoti żgħażagħ ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor iż-Żejtun.

  • Il-Mixja bis-Salib u l-Ikona

Preżenti fl-attivitajiet taż-żgħażagħ qiegħed ikun hemm is-Salib u l-Ikona, replika ta’ dawk li l-Papa Ġwanni Pawlu it-Tieni kien ta liż-żgħażagħ f’okkażjonijiet differenti tal-World Youth Day matul is-snin. Dawn iż-żewġ simboli, li jimxu minn djoċesi għall-oħra bi preparazzjoni għall-World Youth Day, huma sinjal tal-preżenza ta’ Kristu u Ommna Marija fil-mixja tal-ħajja tagħna.  Dan is-Salib u l-Ikona qegħdin iduru diversi postijiet madwar Malta bil-għan li joħolqu aktar opportunità ta’ riflessjoni qalb iż-żgħażagħ Maltin.

  • Katekeżi

Il-Kummissjoni Djoċesana Żgħażagħ ikkummisjonat liż-Żgħażagħ Azzjoni Kattolika biex jorganizzaw sensiela ta’ attivitajiet bil-għan li jservu ta’ preparazzjoni għal-miġja tal-Papa f’pajjizna. Dawn il-katekeżi huma mezz ta’ kif iż-żgħażagħ qegħdin jirriflettu fuq messaġġi differenti li l-Papa Benedittu XVI wassal permezz ta’ diversi kitbiet minn tiegħu matul iż-żmien. Huma ukoll mezz biex iż-żgħażagħ infushom ikunu qegħdin joħolqu aktar entużjażmu fost sħabhom. Sa llum saru katekeżi fil-parroċċa tal-Mosta u ta’ San Ġiljan u nistgħu ngħidu li r-rispons kien pozittiv ħafna.

  • Quddies Animat miżŻgħażagħ

Diversi knejjes madwar Malta qiegħed isir fihom quddies animat miż-żgħażagħ. Dan il-quddies qiegħed jgħin biex aktar żgħażagħ jipparteċipaw fil-quddiesa tal-Ħadd u b’hekk japprezzaw l-importanza li f’Jum il-Ħadd jagħtu spazju ukoll lil Alla. Is-Salib u l-Ikona qegħdin iżuru dawn il-postijiet u b’kollox sal-ġurnata li fiha ser ikun hawn il-Papa f’pajjizna dawn is-simboli ser ikunu żaru aktar minn 15 il-post differenti.

  • Proċess ta’ Djalogu

Tul din il-mixja qiegħed isir ukoll proċess ta’ djalogu li hu mmirat b’mod partikolari li jilħaq liż-żgħażagħ li jistgħu jkunu jew aljenati jew maqtugħin mill-knisja. Dan il-proċess qiegħed jgħin biex apparti li jkun hemm skambji ta’ djalogi, ssir stedina biex dawn l-istess żgħażagħ jingħaqdu mal-kumplament taż-żgħażagħ fl-attivita li ser issir ġewwa l-Valletta Waterfront nhar it-18 ta’ April li ġej.

  • Attivitajiet Soċjali

Matul din il-mixja ta’ preparazzjoni huma diversi l-gruppi li qegħdin jorganizzaw attivitajiet soċjali li permezz tagħhom ser ikunu qegħdin jistiednu liż-żgħażagħ biex jipparteċipaw f’inizjattivi organiżżati b’mod informali. Dawn l-attivitajiet ser jinkludu fost l-oħrajn treasure hunts b’messaggi relatati mal-miġja tal-Papa kif ukoll Kunċerti li fihom ser jipparteċipaw bands Kristjani.

  • Applikazzjoni għall-kantanti li jixtiequ jkantaw fil-Kor tal-Waterfront

L-applikazzjoni għal-kantanti li jixtiequ li jifformaw parti mil-kor li ser ikanta waqt li l-Papa ser ikun qiegħed il-waterfront huma miftuħa għal żgħażagħ ta’ bejn l-14 u l-35 sena.  Il-kantanti li ser ikantaw b’mod volontarju għandhom japplikaw  sa nhar il-Ġimgħa li ġej 19 ta’ Frar, 2010.  Applikazzjonijiet li jaslu wara l-Ġimgħa 19 ta’ Frar, 2010 ma jkunux jistgħu jiġu ikkunsidrati. Wara din id-data ser isiru l-auditions biex b’hekk jintażel il-kor minn qalb l-applikanti.

  • Applikazzjoni għall-voluntiera għall-attivita tal-Waterfront

Qegħdin jiġu milqugħa l-applikazzjonijiet tal-Voluntiera ta’ żgħażagħ il-fuq minn 14 –il sena li jixitequ jgħinu bħala Security, Registration, Ushers, u Crew. Dawn jistgħu japplikaw minn fuq il-website tal-KDŻ sa nhar il-Ħadd 21 ta’ Frar 2010.

  • Applikazzjoni għall-Christian Bands, Kantanti u Żeffiena

Qed issir stedina ukoll għall Christian Bands, kantanti u żeffiena biex jipparteċipaw fl-attivita tal-Waterfront. Dawk kollha li jixtiequ jipparteċipaw huma mħegga jaqraw il-Guidelines u jimlew l-applikazzjoni li tista tigi downloaded mil-website tal-KDŻ: www.kdz.org.mt Hu importanti li l-applikazzjonijiet jaslu l-uffiċju tal-KDŻ sa mhux aktar tard mis-26 ta’ Frar, 2010.

  • Reġistrazzjoni għal-parteċipazzjoni fl-attività tal-Waterfront

Infakkru li r-reġistrazzjonijiet għal-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fl-attivita li ser issir fil-Waterfront issa fetħu u qegħdin jiġu milqugħa mil-website tal-KDŻ.

INIZJATTIVI GĦAT-TFAL

Il-Kummissjoni Djoċesana Tfal (KDT) qed tieħu ħsieb torganizza dawn l-attivitajiet:

  • Kompetizzjoni

It-temi li ntagħżlu huma:

-Il-Birthday tal-Papa li jagħlaq żmienu ġurnata qabel jiġi Malta, fis-16 t’April.

-Il-ħames anniversarju tal-Papa li jiġi ċċelebrat fid-19 t’April.

-‘Jeħtieġ iżda li naslu fi gżira’ (Atti 27, 26) li hija t-tema magħżula mill-Isqfijiet Maltin għaż-żjara tal-Papa f’Malta.

It-tfal jistgħu jippreżentaw e-card, card, tpinġija, poster jew kitba fuq dawn it-temi.

  • Materjal Awdjoviżiv u Quiz

Il-KDT qed taħdem ukoll fuq materjal awdjoviżiv li jgħin lit-tfal jifhmu aħjar l-importanza taż-żjara tal-Papa u ‘highlights’ mill-ħajja tal-Papa.  Abbinat ma’ dan il-materjal awdjoviżiv se jkun hemm ukoll forma ta’ quiz li se titqassam ma’ dawn ir-rizorsi.

  • L-Attivita tas-Sibt 17 ta’ April

Il-KDT qed tistieden lit-tfal ta’ Malta u Għawdex sabiex jingħaqdu magħha biex tingħata merħba mill-isbaħ lill-Papa mal-wasla tiegħu quddiem il-Palazz tal-President. It-tfal qed jiġu mistiedna jmorru Pjazza San Ġorġ il-Belt Valletta nhar is-Sibt 17 ta’ April biex flimkien ma’ żewġ korijiet joħolqu atmosfera ta’ merħba lill-Papa.

Iktar dettalji dwar l-iniżjattivi għat-tfal huma disponibbli fuq il-wesbite: www.kdt.yolasite.com

Agħfas fuq ir-ritratt biex tkabbar. Ir-ritratti tal-attivitajiet tal-Arċisqof jistgħu jinxtraw mill-ħanut PHOTOCITY, il-Belt. Tel: 21236723. Email: [email protected]

Jekk kont preżenti għal din l-attivita’, ħalli l-kummenti tiegħek.