• Nhar il-Ġimgħa, 4 ta’ Diċembru 2015, bdiet konferenza ta’ jumejn organizzata mill-Kummissjoni Interdjoċesana Ambjent. Fil-konferenza bit-tema “Laudato Si’: mid-Dokument għall-Azzjoni”, rappreżentanti ewlenin tal-Istat u tal-Knisja iddiskutew għadd ta’ proposti ispirati mill-Enċiklika dwar l-ambjent tal-Papa Franġisku. Fl-ewwel sessjoni ġew diskussi numru ta’ proposti li l-Kummissjoni Ambjent ressqet għar-riflessjoni u għall-azzjoni min-naħa taċ-ċittadini Maltin u tal-Gvern. Il-konferenza ġiet indirizzata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, filwaqt li l-membri tal-panel kienu jinkludi l-Onor. Prim Ministru Joseph Muscat, l-Onor. Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil, il-Perit Carmel Cacopardo f’isem l-Alternattiva Demokratika, il-Perit Joanna Spiteri Staines minn Din l-Art Ħelwa, il-Prof. Simone Borg, Ambaxxatriċi għal Malta għat-Tibdil fil-Klima, u Dr Mark Mifsud miċ-ċentru għall-Ambjent, Edukazzjoni u Riċerka tal-Università ta’ Malta. Id-diskussjoni tmexxiet minn Dr Marie Briguglio.

  • Agħfas hawn biex tniżżel il-proposti tal-Kummissjoni Ambjent għaċ-ċittadini u għall-Gvern (pdf).

  • Messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna

  • L-Istitut Kattoliku, il-Furjana

    4 ta’ Diċembru 2015

    Onorevoli Prim Ministru, Onorevoli Ministri, Onorevoli Kap tal-Oppożizzjoni, Monsinjur Vigarju, insellmilkom. Nixtieq insellem lill-membri kollha tal-Kummissjoni Ambjent u nirringrazzjahom ta’ din l-inizjattiva. Nixtieq noffri ftit ħsibijiet li jservu ta’ spunt għar-riflessjoni tal-lum u anke ta’ għada.      

    L-ewwel ħaġa li laqtitni fl-Enċiklika Laudato Si’ hija l-fatt li l-Papa Franġisku jitkellem dwar l-ambjent imma jippreferi l-kategorija ħolqien. Il-kategorija ħolqien jużaha bħala kategorija relazzjonali fis-sens li hemm ħolqien għax hemm Ħallieq u fl-istess ħin hemm ukoll suġġett ta’ mħabba, għax il-ħolqien huwa espressjoni tal-imħabba tal-Mulej, Alla ħaj u veru, u hemm ukoll responsabbiltà ta’ familja li hija parti mill-ħolqien għal dak kollu li aħna nsejħu ‘l-ambjent’. Għalhekk ukoll l-għażla tas-sotto titolu tal-Enċiklika dwar ‘l-Għożża tad-Dar Komuni’. Din hija kategorija li nħoss li hija profetika u importanti li aħna nħossuna responsabbli ta’ xulxin u responsabbli wkoll bħala familja.

    L-Onorevoli Prim Ministru kien Pariġi fil-bidu ta’ din il-ġimgħa fejn beda dan il-proċess u diskussjoni ta’ climate change, u nafu li fiż-żewġ mumenti internazzjonali qawwijin li kellna f’dan l-aħħar, il-kwistjoni tal-ambjent u tal-klima kienu wkoll importanti fuq l-aġenda tad-djalogu internazzjonali.

    Aħna rridu nħarsu lejn il-politika bil-kliem tal-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika ‘Evanġelii Gaudium’ bħala espressjoni ta’ mħabba kbira. Min jidħol għall-politika, aħna nitolbu u nawguraw, qed jagħtu ħajtu għas-soċjetà u għall-ġid komuni. Għalhekk għandna niddjalogaw bħala komunità li temmen u li għandha għal qalbha wkoll il-wirt nazzjonali u ambjentali li nitkellmu fuqu b’rispett kbir. U anke, kważi kważi, b’sens kbir kważi ta’ venerazzjoni lejn dawk l-istrutturi tal-Istat li aħna nemmnu għandhom jiżviluppaw dejjem iżjed biex jiġi promoss il-ġid komuni.        

    Ħalli nitkellem ftit kif inħossha jien fuq il-kuntest Malti u mbagħad is-sehem tagħna fuq il-kuntest internazzjonali. Inħoss li l-ambjent Malti jesiġi attenzjoni partikolari, l-ewwelnett għall-fatt li aħna ċkejknin fir-riżorsi li għandna u għalhekk għandna dover għal attenzjoni kbira għaliex ir-riżorsi ambjentali li għandna huma limitati. Kull biċċa art hija preżżjuza, kull siġra għandha isimha u kunjomha. Fil-fatt niftakar meta kont immur fil-parroċċa ta’ San Girgor u kienu jgħiduli: ‘minn fejn tgħaddi?’ Ngħidilhom: ‘minn fejn tlett siġriet’ imma propjament hija siġra waħda. Xi darba forsi kien hemm tlett siġriet, illum hemm siġra waħda li hija landmark f’Tas-Sliema. Is-siġar għalina huma landmarks, huma ta’ ġid prezzjożissmu u anke l-bdiewa tagħna huma relatati tant mal-art għax għandhom ġelozija qaddisa għal ħabel ta’ art li jikkultivaw. Jiena nħoss li ċ-ċokon tan-natura ta’ pajjiżna jitlob mill-politika, u anke mill-Knisja, sens ta’ responsabbiltà qawwija.

    Nixtieq li fid-djalogu tagħna ndaħħlu wkoll il-kwistjoni tas-sbuħija. Aħna writna patrimonju kbir ta’ sbuħija arkitettonika u kulturali, u hemm bżonn li aħna ngħadduh ukoll lil ġenerazzjonijiet futuri. L-impenn tagħna jrid ikun verament trans-ġenerazzjonali imma mhux biss li aħna naħsbu għall-ġenerazzjonijiet futuri imma wkoll li nagħmlu ġustizzja għas-sbuħija li ħallewna l-ġenerazzjonijiet li ġew qabilna. Allura, anke kif inti tpoġġi pannel fotovoltajku inħoss li għandha tkun b’missjoni u mhux biss li bit-teknoloġija li tħares l-ambjent taħdem tajjeb, imma wkoll li ma tkerraħx l-ambjent stess. Inħoss li hemm ukoll, biex ngħidu hekk, valur morali fir-rispett tas-sbuħija li għandna, mhux biss għaliex hija l-value added li għandha Malta anke fil-qasam turistiku, imma għaliex s-sbuħija ambjentali u arkitettonika tgħin il-valur tal-ħajja. Inti tgħix biex ikollok ħajja tassew tajba u sabiħa. 

    Fid-djalogu tagħna nħoss li hemm bżonn ukoll inkunu onesti dwar it-tentazzjonijiet li għandna bħala soċjetà u li jtellfuna fil-promozzjoni tal-ħarsien kontinwu tal-ambjent. Din l-umiltà tagħtina wkoll il-kuraġġ nieħdu deċiżjonijiet importanti. Waħda minnhom per eżempju hi li fis-soċjetà tagħna hemm bżonn li l-prinċipju ta’ legalità, jew dak li bl-Ingliż isejħulu the rule of law, ikun prinċipju li jgħodd għal kulħadd. Sofrejna ħafna minn ġenerazzjoni wara l-oħra ta’ politiċi li quddiem fenomeni ċari ta’ illegalità, ħassewhon, mhux biss bla kuraġġ, imma anke bla qawwa politika. Għalhekk jiena nitlob li jkollna ġenerazzjoni ta’ politiċi li ma jibżgħux jieħdu deċiżjonijiet iebsin anke f’isem il-prinċipju tal-legalità. Ma nistgħux nibqgħu nivvalorizzaw b’mod leġġer: min jikser il-liġi, jiżviluppa fejn m’għandux jiżviluppa, u jagħti l-messaġġ li wara kollox m’hu se jiġri xejn.

    Hemm il-prinċipju ukoll li aħna u naħdmu biex il-ħolqien u l-ambjent ikunu mħarsin, hekk inħarsu tassew bil-prinċipju ta’ ħajja li hija vale la pena li tgħixha, a life worth living. Għalhekk qed nippruvaw flimkien, u jiena napprezza wkoll l-isforzi li jsiru mill-politika, biex il-livell tal-ħajja jogħla imma fl-istess ħin nirreżistu tendenza fejn dak li bl-Ingliż jissejjah a spirit of entitlement, li ifisser li jien nixtieq xi ħaġa, irridha mal-ewwel malajr u ma nħarisx biss lejn l-impatt li se jkolli fuq ħaddieħor jew fuq l-ambjent. Dak nitgħallmu nrażżnuh anke għaliex m’hemm xejn li jista’ jħares l-ambjent iżjed minn politika u minn atteġġjament li qabel jieħu d-deċiżjonijiet jgħid: ‘jien ma nistax naħseb biss f’short term imma rrid naħseb ukoll fuq l-impatt tad-deċiżjoni tiegħi’.

    Jiena nirringrazzja lil kull min qed jattendi għal dan id-djalogu, f’dan id-dibattitu. Waqt li nirringrazzja l-Providenza għall-kelma ċara tal-Papa Franġisku, għandi wkoll nisma’ l-proposti li se jkollna għada dwar ir-rwol tal-Knisja u nimpenja ruħi minn issa li mhux biss naqrahom u nismagħhom b’umiltà, imma nagħmel li nista’ biex dak li l-Kummissjoni Ambjent, li hija magħrufa kemm hija leħen skomdu anke għall-Knisja, jiena mhux biss nisimgħu dan il-leħen, imma wkoll inwettaq dak li hemm bżonn li jsir.

    ✝ Charles J. Scicluna

        Arċisqof ta’ Malta

  • Ritratti: Uffiċċju Komunikazzjoni, Kurja